Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Fond Soċjali Ewropew jiċċelebra s-60 anniversarju tiegħu: 6 deċennji ta' investiment fin-nies

Brussell, it-22ta' marzu 2017

Is-sena 2017 tikkommemora s-60 anniversarju tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-istrument ewlieni u l-aktar wieħed antik li permezz tiegħu l-Ewropa tinvesti fin-nies.

Illum il-Fond huwa mutur importanti ta' ħolqien ta' impjiegi li jippromwovi edukazzjoni aħjar, amministrazzjonijiet pubbliċi aktar moderni u l-inklużjoni soċjali, u għalhekk huwa għodda ewlenija biex jiġu żgurati opportunitajiet aktar ġusti għaċ-ċittadini kollha.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen qalet: “Is-60 anniversarju tal-Fond Soċjali Ewropew jagħtina raġuni vera biex niċċelebraw. Matul is-sitt deċennji, il-Fond Soċjali Ewropew għen miljuni ta' persuni li qed ifittxu impjieg u ħaddiema u appoġġa mijiet ta' eluf ta' kumpaniji u negozji ġodda. Meta ninvestu direttament fil-persuni, inkunu qed nagħtu l-kontribut tagħna biex niżguraw li ħadd ma jaqa' lura, filwaqt li nsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa u nżommu l-pass mal-bidliet fid-dinja tax-xogħol. 60 sena ta' stejjer ta' suċċess li juru li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel differenza vera fil-ħajja tal-Ewropej: illum, fil-passat u fil-futur.”

Fl-aħħar 60 sena, il-Fond Soċjali Ewropew għen biex miljuni ta' Ewropej isibu xogħol, jiksbu kwalifika jew ċertifikat u jsaħħu l-livell tal-ħiliet tagħhom. Dawn ir-riżultati nkisbu permezz ta' bosta eluf ta' proġetti mwettqa kullimkien fl-Ewropa.

Eżempji jinkludu proġetti li għandhom l-għan li:

  • Il-persuni bla xogħol jidħlu fis-suq tax-xogħol: Fi Spanja, l-organizzazzjoni Caritas ilha taħdem mal-FSE biex tgħin lill-aktar minn miljun individwu sabiex itejbu l-opportunitajiet tagħhom li jsibu impjieg. Din l-għajnuna tinkludi t-taħriġ għat-tfittxija ta' impjieg, il-work placements, jew il-ħolqien ta' impjiegi permezz tal-intrapriżi soċjali. Ħafna minn dawn l-inizjattivi jiffukaw fuq gruppi b'diffikultajiet speċjali, inklużi immigranti, nisa żvantaġġati, żgħażagħ inqas kwalifikati u nies qiegħda li għandhom aktar minn 45 sena.
  • Jittejbu r-riżultati edukattivi: Il-proġett Diritti a Scuola fl-Italja laħaq aktar minn 200,000 tifel u tifla u qed ikun ta' kontribut pożittiv għall-edukazzjoni tagħhom. Fi sforz konġunt mal-iskejjel, l-għalliema, il-ġenituri u l-istudenti, ittejbu l-kurrikuli u l-metodi ta' tagħlim u ngħatat konsulenza liż-żgħażagħ u lill-familji tagħhom. B'riżultat ta' dan, ir-rata ta' dawk li jitilqu mill-iskola kmieni fil-Puglia naqset minn 30.3 % fl-2004 għal 19.5 % fl-2011.
  • Titwarrem l-inklużjoni soċjali: Il-proġett tal-Akkademja għall-Iżvilupp tal-Ekonomija Soċjali fir-reġjun Małopolskie fil-Polonja ħoloq ekonomija soċjali li llum qiegħda tiffjorixxi għall-benefiċċju ta' ħafna miċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati tiegħu. Il-proġett jipprovdi konsulenza legali u kummerċjali u jappoġġa finanzjarjament ukoll il-ħolqien ta' intrapriżi soċjali. Aktar minn 1,700 persuna s'issa bbenefikaw mill-attivitajiet tal-proġett, flimkien ma' 245 organizzazzjoni tal-ekonomija soċjali u 126 imsieħeb lokali.

Il-ħidma tagħna ma tiqafx hemm. Barra minn hekk, fil-perjodu 2014–2020 miljuni ta' persuni bbenefikaw mill-Fond, bis-saħħa tal-investimenti mill-baġit tal-UE li jammontaw għal EUR 86.4 biljun. Matul dan il-perjodu ta' programmazzjoni, il-FSE jiffoka fuq għadd limitat ta' prijoritajiet biex jiġi żgurat impatt massimu, b'enfasi fuq l-impjieg taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali. Il-Pjattaforma tad-Dejta Miftuħa onlajn li tagħti aċċess għal dejta dwar il-kisbiet taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2020–2014, turi li l-proġetti tal-FSE qed jagħmlu progress tajjeb ħafna: aktar minn 30 % tal-proġetti diġà ntagħżlu għal finanzjament. Il-proġetti taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ saħansitra juru rata ta' implimentazzjoni ta' 60%.

Iċ-ċelebrazzjonijiet dwar il-kisbiet tal-Fond u d-dibattiti dwar il-futur tal-finanzjament tal-kapital uman fl-Ewropa se jibdew għada bil-konferenza "Il-Fond Soċjali Ewropew: il-passat, il-preżent u l-futur”, ospitata mill-Presidenza Maltija tal-UE, qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma u l-laqgħa mal-Imsieħba Soċjali tal-UE f'Ruma li se jattendu għaliha l-President Juncker, il-Viċi President Dombrovskis u l-Kummissarju Thyssen. Matul is-sena, l-Istati Membri qed jorganizzaw avvenimenti u dibattiti simili biex inħarsu lura lejn dak li l-FSE kiseb, nivvalutaw il-prestazzjoni tal-Fond u nisħqu fuq l-investiment qawwi li għandu jsir fil-futur fil-qasam tal-kapital uman. Matul ix-xahar ta' Mejju, eluf ta' proġetti ffinanzjati mill-UE se jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku fil-qafas tal-kampanja L-Ewropa fir-reġjun tiegħi.

Sfond

Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-eqdem fond tal-Unjoni Ewropea, u ġie stabbilit flimkien mat-Trattat ta' Ruma fl-1957, bl-għan li jtejjeb l-opportunitajiet ta' xogħol għall-ħaddiema u jgħolli l-livell ta' għajxien tagħhom. Għall-ewwel, kien strument relattivament sempliċi biex l-Istati Membri jitħallsu lura nofs l-ispejjeż tat-taħriġ vokazzjonali u tal-allowances ta' risistemazzjoni għall-ħaddiema milquta mir-ristrutturar ekonomiku. Illum il-FSE qed isir dejjem aktar immirat u strateġiku, u jiffoka dejjem aktar fuq ir-riformi sistemiċi, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-akbar għadd ta' nies possibbli.

Il-FSE huwa msejjes fuq il-kofinanzjament, b'kontribuzzjonijiet finanzjarji kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, u xi kultant anki mis-settur privat. Fil-perjodu finanzjarju attwali 2014–2020, il-FSE huwa operattiv f'kull wieħed mit-28 Stat Membru, b'baġit totali ta' EUR 124.9 biljun (li minnhom EUR 86.4 mill-baġit tal-UE).

Il-FSE qed jaħdem konkretament permezz ta' programmi operazzjonali. Permezz tal-programmi operazzjonali, l-għanijiet ġenerali fil-livell Ewropew - id-dħul tal-persuni bla xogħol fis-suq tax-xogħol, it-titjib tal-edukazzjoni, it-trawwim tal-inklużjoni soċjali u servizzi pubbliċi aħjar - jiġu tradotti fi ħtiġijiet speċifiċi ta' reġjun jew tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom. Il-programmi operazzjonali huma nnegozjati bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, filwaqt li l-implimentazzjoni tagħhom hija ġestita mill-awtoritajiet rilevanti f'kull pajjiż. Dan juri li l-FSE hu msejjes fuq il-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, u dan ifisser responsabbiltà fil-livell xieraq.

Għal aktar tagħrif

Is-sit elettroniku tal-Fond Socjali Ewropew

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut b'xejn bil-posta elettronika

Twitter: @mariannethyssen @EU_Social #ESF #EU60

IP/17/681

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar