Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-passi li jmiss lejn ekonomija Ewropea tad-dejta

Brussell, I-10ta' jannar 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet soluzzjonijiet politiċi u legali biex titwettaq ekonomija tad-dejta fil-livell tal-UE, bħala parti mill-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali ppreżentata f'Mejju 2015.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet soluzzjonijiet politiċi u legali biex titwettaq ekonomija tad-dejta fil-livell tal-UE, bħala parti mill-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali ppreżentata f'Mejju 2015.

Il-Kummissjoni qed tindirizza din il-kwistjoni, peress li l-UE bħalissa mhix qed tagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tad-dejta tagħha. Biex dan jinbidel, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-moviment liberu tad-dejta bejn il-fruntieri kif ukoll bosta inċertezzi legali. Il-Komunikazzjoni ppreżentata llum tiddeskrivi is-soluzzjonijiet politiċi u legali biex titwettaq l-ekonomija Ewropea tad-dejta. Il-Kummissjoni nediet ukoll żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi u dibattitu mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex jiġu definiti l-passi li jmiss.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: "Id-dejta għandha tkun tista' tiċċirkola liberament kemm minn post għall-ieħor kif ukoll bejn il-fruntieri u fi ħdan spazju uniku tad-dejta. Fl-Ewropa, il-fluss tad-dejta u l-aċċess għad-dejta huma ta' spiss ristretti minħabba r-regoli ta' lokalizzazzjoni jew ostakoli tekniċi u regolatorji oħra. Jekk irridu li l-ekonomija bbażata fuq id-dejta tipproduċi tkabbir u impjiegi, jeħtieġ li d-dejta tintuża. Iżda biex tintuża, jeħtieġ ukoll li tkun disponibbli u analizzata. Neħtieġu approċċ koordinat u pan-Ewropew sabiex nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet tad-dejta, filwaqt li nibnu fuq regoli tal-UE li jkunu b'saħħithom sabiex jitħarsu d-dejta personali u l-privatezza”.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju responsabbli għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet: "Id-dejta hija l-fjuwil tal-ekonomija l-ġdida. Biex niżguraw li l-Ewropa tkun ta' suċċess fl-era l-ġdida tal-ekonomija industrijali, għandha bżonn qafas solidu u prevedibbli għall-fluss tad-dejta fi ħdan is-Suq Uniku. Regoli ċari dwar ir-responsabbiltà, is-sigurtà u l-aċċess għad-dejta huma essenzjali għall-kumpaniji Ewropej, l-SMEs u l-impriżi ġodda biex iwettqu b'mod sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-Internet tal-Oġġetti. Minflok ma nibnu l-fruntieri diġitali għandna niffukaw fuq il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-dejta li tkun kompletament integrata u kompetittiva fl-ekonomija globali tad-dejta.” 

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Istati Membri interessati jinvolvu ruħhom fi proġetti transfruntieri li jesploraw il-kwistjonijiet emerġenti tad-dejta f'sitwazzjoni reali. F'xi Stati Membri diġà qed jitwettqu xi proġetti dwar il-mobilità konnessa u awtomatizzata (CAD) li jippermettu lill-vetturi jkunu konnessi ma' xulxin u mal-infrastruttura stradali. Il-Kummissjoni trid tibni fuq dawn il-proġetti u tittestja l-implikazzjonijiet regolatorji tal-aċċess u r-responsabbiltà għad-dejta.

L-ekonomija tad-dejta fil-livell tal-UE kienet stmata għal EUR 272 biljun fl-2015 (tkabbir annwali ta' 5.6 %) u tista' jimpjega 7.4 miljun persuna sal-2020. Id-dejta tista' tintuża biex jittejjeb kważi kull aspett tal-ħajja ta' kuljum, mill-analiżi tan-negozju sat-tbassir tat-temp, minn era ġdida fil-mediċina li tippermetti il-kura personalizzata, sa toroq aktar sikuri u inqas konġestjonijiet tat-traffiku. Din hija r-raġuni għalfejn il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza r-rwol tal-fluss ħieles tad-dejta fl-UE.

Barra minn hekk, l-istudji juru li hemm ħafna restrizzjonijiet legali jew amministrattivi, prinċipalment fil-forma ta' rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-dejta nazzjonali li jirrestrinġu s-suq kollu tal-UE fil-qasam tad-dejta. It-tneħħija ta' dawn ir-restrizzjonijiet tista' tiġġenera sa EUR 8 biljun f'PDG fis-sena (studju).

Dawn l-inizjattivi jissejsu fuq regoli b'saħħithom sabiex titħares id-dejta personali (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta adottat is-sena l-oħra) u biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika (ara l-proposta tal-lum dwar il-privatezza elettronika), peress li l-fiduċja hija l-pedament li fuqu tista' tinbena l-ekonomija tad-dejta.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (GDPR) jirregola kompletament l-ipproċessar tad-dejta personali fl-UE, inkluża dejta industrijali jew dik iġġenerata awtomatikament li tidentifika persuna fiżika jew li tagħmilha identifikabbli. L-istabbiliment ta' standards għoljin uniformi ta' protezzjoni tad-dejta jiżgura l-fluss liberu tad-dejta personali fl-UE. Madankollu, il-GDPR ma jkoprix dejta mhux personali meta din tkun industrijali jew iġġenerata awtomatikament, jew ostakli għall-moviment tad-dejta personali abbażi ta' raġunijiet oħra għajr il-protezzjoni tad-dejta personali, eż. skont il-liġijiet tat-tassazzjoni jew tal-kontabilità.

Sabiex isir l-aħjar użu tad-dejta għall-ekonomija Ewropea, il-Kummissjoni se:

  • Tinvolvi ruħha fi djalogi strutturati mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex tiġi diskussa l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet tal-lokalizzazzjoni tad-dejta. L-għan huwa wkoll li tinġabar aktar evidenza dwar in-natura ta' dawn ir-restrizzjonijiet u l-impatt tagħhom fuq in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-impriżi ġodda, u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku.
  • Tniedi azzjonijiet ta' infurzar fejn meħtieġ u xieraq u, jekk ikun meħtieġ, tieħu aktar inizjattivi biex tindirizza r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati jew sproporzjonati fil-qasam tal-lokalizzazzjoni tad-dejta.

Il-Kummissjoni ħarset ukoll lejn l-inċertezzi legali maħluqin minn kwistjonijiet emerġenti fl-ekonomija tad-dejta u qed tfittex fehmiet dwar il-possibbiltà ta' reazzjonijiet politiċi u legali dwar:

  • L-aċċess u t-trasferiment tad-dejta. L-użu wiesa' ta' dejta mhux personali ġġenerata awtomatikament jista' jwassal għal innovazzjonijiet kbar, impriżi ġodda u mudelli ġodda ta' negozju mwielda fl-UE.
  • Ir-responsabbiltà marbuta mal-prodotti u servizzi bbażati fuq id-dejta. Ir-regoli attwali ta' responsabbiltà fl-UE mhumiex adattati għall-prodotti u għas-servizzi diġitali xprunati mid-dejta.
  • Il-portabbiltà tad-dejta. Bħalissa l-portabbiltà tad-dejta mhux personali hija kkumplikata, pereżempju, meta negozju jrid iċaqlaq ammonti kbar ta' dejta tal-kumpanija minn fornitur ta' servizz ta' cloud għal ieħor.

 

Sfond

Il-pjan ta' azzjoni tal-lum se jikkontribwixxi biex jitneħħew l-ostakoli li fadal fis-Suq Uniku, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016 (konklużjonijiet). Bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri, is-Suq Uniku Diġitali għandu jitlesta malajr kemm jista' jkun. L-inizjattiva tal-lum se tgħin biex tissawwar l-aġenda ta' politika futura dwar l-ekonomija Ewropea tad-dejta. Il-konsultazzjoni dwar il-bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Dejta se tibqa' għaddejja sas-26 ta' April 2017 u se tikkontribwixxi għal inizjattiva futura possibbli tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Ekonomija Ewropea tad-Dejta aktar tard fl-2017. Il-konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi se tibqa' għaddejja sal-26 ta' April 2017. Dawk interessati huma l-produtturi, il-kolletturi, u l-utenti attwali u potenzjali ta' dejta mhux personali, speċjalment dejta mhux ipproċessata ġġenerata awtomatikament jew mis-sensuri. Huma inklużi n-negozji ta' kull daqs, il-manifatturi u l-utenti ta' apparati konnessi, l-operaturi u l-utenti ta' pjattaformi onlajn, is-sensara tad-dejta, kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-konsumaturi.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva: Il-bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Dejta - Mistoqsijiet Frekwenti

Komunikazzjoni "Il-bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Dejta”

Paġna tal-konsultazzjoni pubblika

#dataeconomy

 

 

IP/17/5

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar