Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tapprova l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ ta' Malta suġġett għal impenji

Brussell, id-19ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea approvat kundizzjonalment l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ ta' Malta għal perjodu ta' 10 snin, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-iskema se tiżgura kundizzjonijiet indaqs bejn kumpaniji tat-tbaħħir Maltin u Ewropej oħrajn, u se tinkoraġġixxi r-reġistrazzjoni tal-bastimenti fl-Ewropa.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet “Is-sistemi tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ huma maħsubin biex jippromwovu l-kompetittività tal-industrija tat-tbaħħir tal-UE f'suq globali mingħajr ma jfixklu bla bżonn il-kompetizzjoni. Jien kuntenta li Malta impenjat ruħha li tadatta s-sistema tat-taxxa ta' tunnellaġġ tagħha biex tikseb dan. Barra minn hekk, filwaqt li tħeġġeġ ir-reġistrazzjoni ta' bastimenti fl-UE, din l-iskema se tippermetti lill-industrija Ewropea tat-tbaħħir biex iżżomm l-istandards soċjali u ambjentali għoljin tagħha”.

Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni fil-fond fl-iskema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ ta' Malta sabiex teżamina l-kompatibilità tagħha mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Bid-deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni tapprova l-iskema Maltija, soġġett għall-emendi introdotti minn Malta.

L-investigazzjoni fil-fond tal-Kummissjoni sabet li ċerti karatteristiċi tal-iskema oriġinali, bħall-eżenzjonijiet mit-taxxa applikati għar-residenti Maltin u l-kamp wiesa' ta' applikazzjoni li testendi għal bastimenti li ma jwettqux attivitajiet marittimi ta' trasport, kienu qed jiksru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

B'riżultat ta' dan, Malta ħadet l-impenn biex tintroduċi għadd ta' bidliet fl-iskema tagħha biex tipprevjeni kull diskriminazzjoni bejn il-kumpaniji tat-tbaħħir u biex jiġu evitati distorsjonijiet żejda fil-kompetizzjoni. B'mod partikolari, Malta qablet li tirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema għat-trasport marittimu u li tneħħi dawk l-eżenzjonijiet fuq it-taxxa għal azzjonisti, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Skont l-iskema Maltija, kumpanija tat-tbaħħir hija intaxxata abbażi tat-tunnellaġġ nett tal-bastiment (jiġifieri skont il-volum tiegħu) minflok fuq il-profitti reali tal-kumpanija. B'mod partikolari, it-taxxa fuq it-tunellaġġ se tiġi applikata għal:

·    dħul ewlieni tal-kumpanija tat-tbaħħir minn attivitajiet ta' tbaħħir, bħall-merkanzija u t-trasport tal-passiġġieri;

·    ċerti dħul anċillari tal-kumpanija tat-tbaħħir li huma marbuta mill-qrib ma' attivitajiet ta' tbaħħir (li iżda, huma limitati għal massimu ta' 50% tad-dħul mill-operat tal-bastiment); kif ukoll

·    dħul tal-kumpanija tat-tbaħħir mill-irmonk u t-tħammil, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

Jekk kumpanija tat-tbaħħir trid tibbenefika mill-iskema, parti sinifikanti tal-flotta tagħha għandha ttajjar il-bandiera ta' Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, kull parteċipant ġdid fl-iskema għandu jkollu ta' mill-inqas 25% tal-flotta tiegħu soġġett għat-taxxa tat-tunnellaġġ b'bandiera taż-ŻEE.

Il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri emendati skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari l-Linji Gwida tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu. Ikkonkludiet li l-iskema Maltija emendata hija konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li l-ħelsien mit-taxxa mogħti huwa strument xieraq biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni globali u se tipprovdi l-inċentivi tajbin biex iżżomm l-impjiegi marittimi fl-UE filwaqt li tippreserva l-kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE. 

Kuntest

Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta' bdil tal-istat tal-bandiera u r-rilokazzjoni ta' kumpaniji tat-tbaħħir lejn pajjiżi b'taxxa baxxa 'l barra mill-UE, il-Linji Gwida tal-2004 tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu jippermettu lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jtejbu l-klima fiskali għall-kumpaniji tat-tbaħħir. Wieħed mill-iktar miżuri importanti hija t-taxxa fuq it-tunnellaġġ fejn il-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu japplikaw biex jiġu intaxxati abbażi ta' profitt teoretiku jew fuq it-tunnellaġġ li joperaw, minflok ma jiġu taxxati skont is-sistema normali korporattiva tat-taxxa. Kumpaniji li huma attivi biss fit-trasport marittimu huma eliġibbli għal tali miżuri skont il-Linji Gwida Marittimi. Azzjonisti f'kumpaniji tat-tbaħħir huma esklużi minn trattament fiskali preferenzjali.

Mill-2004, il-prattika tat-teħid ta' deċiżjoniiet tal-Kummissjoni skont il-Linji Gwida Marittimi ikkjarifikat iktar l-attivitajiet eliġibbli ta' trasport u l-kundizzjonijiet ta' kumpattibilità biex tiżgura li l-objettivi ewlenin tal-Linji Gwida Marittima jiġu sodisfati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkunx hemm riperkussjonijiet mit-trattament favorevoli tat-taxxa tal-kumpaniji tat-tbaħħir għal setturi oħra mhux relatati tat-trasport marittimu u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq reġistri u bnadar oħrajn tal-Istati taż-ŻEE.

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se tkun disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.33829 fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fuq is-sit web tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista' jkun hemm. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fuq State Aid Weekly e-News.

IP/17/5361

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar