Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-integrazzjoni tar-refuġjati: Il-Kummissjoni tingħaqad mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi

Brussell, I-20ta' dicembru 2017

L-integrazzjoni tar-refuġjati: Il-Kummissjoni tingħaqad mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi

Illum, il-Kummissjoni Ewropea u l-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi tal-UE[1] ser jiffirmaw “Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni”, li tistabbilixxi l-prinċipji u l-impenji ewlenin sabiex tappoġġa u ssaħħaħ l-opportunitajiet għar-refuġjati u għall-migranti li jgħixu legalment fl-UE biex jintegraw fis-suq tax-xogħol Ewropew.

Qabel iċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Kummissarju Avramopoulos iddikjara: “Il-parteċipazzjoni bikrija fis-suq tax-xogħol hija kruċjali sabiex l-integrazzjoni ta' ħaddiema ġodda, u b'mod partikolari tar-refuġjati, tirnexxi. Jeħtieġ li l-atturi kollha - pubbliċi u privati - jagħmlu l-parti tagħhom biex ir-refuġjati jiġu integrati b'suċċess, u huwa għalhekk li rridu ningħaqdu. Illum qed nimpenjaw ruħna li naħdmu flimkien mal-Imsieħba Soċjali u Ekonomiċi biex noħolqu dan il-mudell, li ma jkunx biss fil-livell Ewropew iżda anke fil-livell nazzjonali. Dan huwa l-uniku mod possibbli kif il-migrazzjoni ssir opportunità reali għal kulħadd, kemm għar-refuġjati kif ukoll għas-soċjetajiet tagħna."

Il-Kummissarju Thyssen żiedet tgħid: “L-aħjar triq li twassal għall-integrazzjoni soċjali hija permezz tas-suq tax-xogħol. Huwa għalhekk li din it-triq għandha tkun l-iqsar u l-aktar sikura possibbli. Illum qed nagħmlu pass ieħor f'din id-direzzjoni hekk kif ningħaqdu mal-Imsieħba Soċjali u Ekonomiċi sabiex nindirizzaw l-isfidi u naħtfu l-opportunitajiet ta' integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol. Dan se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' swieq tax-xogħol u ta' soċjetajiet aktar inklużivi u biex jinkisbu riżultati aħjar u aktar sostenibbli għal kulħadd, b'mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Luca Visentini, is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, qal: “Il-Konfederazzjoni ETUC hija kuntenta ħafna li qed tingħaqad ma' din is-sħubija biex tippromwovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għar-refuġjati u għall-persuni li jfittxu l-asil. Din hija kisba importanti. Fil-fehma tagħna, din għandha titqies bħala kontinwazzjoni tal-impenn tal-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi li jsaħħu l-opportunitajiet ta' impjieg għall-migranti u t-trattament ugwali tagħhom fl-Ewropa kollha. Nittamaw li s-sħubija tixpruna azzjonijiet effettivi u tipproduċi appoġġ prattiku. Hija meħtieġa wkoll bidla fil-politika dwar l-asil tal-UE, fejn l-enfasi, minn fuq is-sigurtà u l-kontroll tal-fruntieri biss tinbidel għal waħda aktar favur is-solidarjetà u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.”

Markus J. Beyrer, id-Direttur Ġenerali tal-BusinessEurope, qal: “F'dawn l-aħħar snin ħafna refuġjati ngħataw id-dritt li jibqgħu fl-Ewropa. Dawn għandhom jingħataw appoġġ fl-isforzi tagħhom biex isiru attivi fis-swieq tax-xogħol malajr kemm jista' jkun. Il-ksib ta' riżultati huwa l-aħjar mod li bih l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jistgħu jwettqu l-impenn tagħna favur il-valuri soċjali. Il-pragmatiżmu huwa element li għandu jieħu preċedenza fit-tfassil tal-oqfsa legali li jħeġġu lill-impjegaturi biex jimpjegaw ir-refuġjati.”

Veronique Willems, is-Segretarju Ġenerali tal-UEAPME, qalet: “Il-migrazzjoni fl-Ewropa hija fatt. L-integrazzjoni hija meħtieġa għas-soċjetà u l-ekonomija. Din hija responsabbiltà kondivża bejn diversi atturi. L-SMEs u l-organizzazzjonijiet tagħhom diġà jikkontribwixxu ħafna għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, iżda dawn jeħtieġu aktar appoġġ. It-triq it-tajba hija dik li naħdmu flimkien aktar mill-qrib fil-livelli kollha”.

Valeria Ronzitti, is-Segretarju Ġenerali tas-CEEP (Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi u Servizzi ta' interess ġenerali), qalet: “L-impjegaturi u l-fornituri tas-servizzi pubbliċi għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-appoġġ għall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati fl-Ewropa. Huma jaġixxu kemm bħala dawk li jagħtu l-ewwel rispons billi jipprovdu servizzi essenzjali u, aktar tard fil-proċess, bħala l-impjegaturi. Li jkunu parti mis-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni se jgħin lill-membri tagħna fit-twettiq ta' din il-missjoni doppja, b'appoġġ u rikonoxximent aħjar tar-responsabbiltà kondiviża tagħna.”

René Branders, il-President tal-Federazzjoni Belġjana tal-Kmamar tal-Kummerċ u rappreżentant tal-Eurochambres, qal: “L-istorja turi li ċ-ċivilizzazzjonijiet li jiftħu l-bibien tagħhom għall-immigrazzjoni, bħala konsegwenza, kibru u ffjorixxew. Sabiex l-Ewropa tibbenifika bl-istess mod, jeħtieġ li nintegraw il-migranti soċjalment u ekonomikament. Din mhijiex biss kwistjoni ta' solidarjetà jew ta' moralità: hija kwistjoni ta' evoluzzjoni f'dinja li qed tinbidel. Dan jeħtieġ approċċ ikkoordinat fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, u huwa għalhekk li din is-Sħubija għandha rwol importanti x'taqdi.”

L-integrazzjoni tista' tkun effettiva biss jekk l-atturi rilevanti kollha jwettqu r-rwol tagħhom: l-Istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Is-Sħubija għall-Integrazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, inkluż l-għoti ta' appoġġ minn kmieni kemm jista' jkun, sabiex jiġi żgurat li mill-integrazzjoni jibbenifikaw kemm ir-refuġjati kif ukoll l-ekonomija u s-soċjetà inġenerali u jiġi żgurat ukoll approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati.

Fost l-impenji li ħadu l-Imsieħba Soċjali u Ekonomiċi nsibu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol, pereżempju l-organizzazzjoni ta' programmi ta' mentoring biex dawn jiġu integrati fuq il-post tax-xogħol jew l-iffaċilitar tal-identifikazzjoni, valutazzjoni u dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. L-imsieħba impenjaw ruħhom ukoll li jippromwovu s-Sħubija fost il-membri tagħhom, u li jsaħħu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli xierqa kollha. Il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel minn kollox biex, fost affarijiet oħra, tippromwovi s-sinerġiji ma' fondi tal-UE, tiżgura s-sinerġiji ma' inizjattivi oħra relatati fuq livell Ewropew u tkompli taħdem mal-korpi, gruppi, kumitati u netwerks rilevanti tal-UE kif ukoll mal-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi sabiex jingħata appoġġ għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol.

Is-sħubija se tiġi ffirmata minn Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, u Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema f'isem il-Kummissjoni.

Sfond

Fid-dawl tan-nuqqasijiet attwali u futuri ta' ħiliet u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jekk ma nilliberawx il-potenzjal tar-refuġjati fl-UE, din tkun ħela konsiderevoli ta' riżorsi, kemm għall-individwi kkonċernati kif ukoll għall-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi. Filwaqt li l-investimenti maħsuba għat-taħriġ u l-użu sħiħ tal-forza tax-xogħol eżistenti għandhom jibqgħu, ir-refuġjati — jekk ikunu integrati sew — jistgħu jikkontribwixxu daqstant ieħor għas-swieq tax-xogħol tal-UE u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi.

Skont xi studji, ir-refuġjati jiffaċċjaw ostakli sinifikanti biex jaċċessaw l-impjiegi u huma wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli ta' ċittadini mhux mill-UE fis-suq tax-xogħol. Fl-2014 ir-rata tal-impjiegi tar-refuġjati kienet ta' bejn 15 u 20 % inqas mil-livell ta' persuni nattivi, fejn in-nisa kellhom rati tal-impjiegi partikolarment baxxi. Barra minn hekk, ir-refuġjati spiss ikunu kwalifikati żżejjed għax-xogħlijiet li jagħmlu, li huwa parzjalment dovut għall-ħiliet baxxi tagħhom tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti, u parzjalment dovut għan-nuqqas ta' rikonoxximent uffiċjali jew mill-impjegatur tal-kwalifiki tagħhom.

B'appoġġ għall-isforzi ta' Integrazzjoni mill-Istati Membri, fis-7 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Ġunju 2016, nediet 10 azzjonijiet biex it-taħriġ, il-ħiliet u l-appoġġ xierqa ikunu disponibbli għaċ-ċittadini fl-UE, fosthom il-valutazzjoni tal-profil tal-migranti u r-refuġjati sabiex dawn jtejbu l-ħiliet tagħhom. B'mod partikolari, l-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi mnedija f'Novembru ta' din is-sena hija maħsuba biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jew iċ-ċentri tal-integrazzjoni, joħolqu l-profil tal-ħiliet u l-esperjenza tax-xogħol ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u b'hekk jiffaċilitaw aċċess aktar malajr għall-impjiegi jew għat-taħriġ. F'xi każijiet, ir-refuġjati jkunu jistgħu jmorru lura lejn pajjiżhom, fejn jistgħu jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp jew fil-bini mill-ġdid ta' pajjiżhom permezz tal-ħiliet li jkunu akkwistaw fl-UE.

L-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi għandhom l-impenn li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol. Waqt is-Summit Soċjali Tripartitiku tas-16 ta' Marzu 2016 ġiet ippreżentata dikjarazzjoni konġunta tal-Imsieħba Ekonomiċi u Soċjali Ewropej dwar il-kriżi tar-refuġjati. Fit-23 ta' Mejju 2017, waqt it-tieni Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni, l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi ddiskutew l-isfidi u l-benefiċċji tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol u tal-iskambju ta' prattiki tajbin. Dakinhar stess ġiet imnedija l-inizjattiva “L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni”.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument ewlieni ta' finanzjament li jappoġġa l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, inkluża l-integrazzjoni tal-migranti. Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) jista' wkoll jipprovdi finanzjament għal miżuri preparatorji għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. F'Novembru 2017 (bi skadenza fl-1 ta' Marzu 2018) tnediet sejħa għal proposti taħt l-AMIF biex tappoġġa l-inizjattivi tal-impjegaturi u tal-imsieħba Soċjali u Ekonomiċi favur il-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-refuġjati u ta' migranti oħra fis-suq tax-xogħol.

Għal Aktar Informazzjoni

It-test sħiħ tas-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni

Irreġistra għall-“Impjegaturi flimkien għall-Integrazzjoni”

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Is-Sit Web Ewropew dwar l-Integrazzjoni

Prattiki promettenti li jirrigwardaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' persuni li jfittxu asil u tar-refuġjati fl-Istati Membri kollha tal-UE:

L-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi

L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati

L-impjiegi u l-Iżvilupp Soċjali fl-Ewropa 2016, il-Kapitolu 3

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

 

 

[1]ETUC, BusinessEurope, UAPME, CEEP u Eurochambers

IP/17/5352

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar