Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tistabbilixxi regoli ġodda ta' difiża tal-kummerċ

Brussell, I-20ta' dicembru 2017

Illum tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, parti integrali mill-aġenda tal-President Juncker dwar Ewropa li Tipproteġi. Se tbiddel il-mod kif l-UE titratta importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi b'distorsjonijiet sinifikanti fis-suq ikkawżati mill-istat.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll fl-ewwel rapport tagħha tal-pajjiż dwar tali distorsjonijiet fis-suq ikkawżati mill-istat.

Wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, il-leġiżlazzjoni riveduta tidħol fis-seħħ ftit iktar minn sena wara li ġiet proposta mill-Kummissjoni. Tintroduċi mod ġdid ta' kalkolu ta' jekk seħħx dumping f'importazzjonijiet fl-UE minn pajjiżi fejn l-ekonomija hija distorta minħabba interferenza tal-istat.

L-għan ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija biex jiġi żgurat li l-Ewropa għandha strument għad-difiża tal-kummerċ li jistgħu jindirizzaw ir-realtajiet attwali - b'mod partikolari distorsjonijiet ikkawżati mill-istat li spiss wisq iwasslu għal kapaċità żejda - fl-ambjent kummerċjali internazzjonali, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tal-UE fil-qafas legali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-UE hija u se tibqa' waħda mill-aktar swieq miftuħa fid-dinja. Aħna minn ta' quddiem nett u se nibqgħu minn ta' quddiem nett fid-difiża tal-kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli. Madankollu, dan m'għandux ikun imfixkel bħala l-inġenwità. Il-konvinzjoni soda tagħna u bbażata fuq il-fatti li l-kummerċ iġib il-prosperità mhijiex se twaqqafna milli niddefendu l-ħaddiema tagħna u l-kumpaniji bil-mezzi leġittimi kollha meta nies oħrajn ma jirrispettawx ir-regoli. Permezz ta' din il-leġiżlazzjoni l-ġdida u sett ġdid ta' għodod modernizzati li dalwaqt se jkunu fis-seħħ, l-Ewropa se tkun tista' iżżomm kurrenti u tittratta b'mod iktar effettiv ir-realtajiet li qed jinbidlu marbutin mal-kummerċ internazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström qalet: “Illum nilqgħu d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida antidumping u antiussidju tal-UE. Dan huwa żmien importanti fil-politika ta' difiża tal-kummerċ tagħna. Din turi l-impenn tal-UE għal strumenti għad-difiża tal-kummerċ b'saħħithom u effettivi. L-UE hija miftuħa għan-negozju. Iżda jeħtieġ li nipproteġu wkoll l-industrija tagħna minn kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet, b'mod partikolari minn pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom huma distorti b'mod sinifikanti minħabba interferenza mill-istat. Il-pubblikazzjoni ta' rapporti tal-pajjiżi se tgħin biex timplimenta fil-prattika l-metodoloġija l-ġdida. Se tagħti wkoll lill-industrija tal-UE bażi li fuqha tkun tista' tippreżenta l-każ fir-rigward ta' pajjiżi fejn jeżistu d-distorsjonijiet.”

Il-metodu standard għall-kalkolu ta' dumping huwa li jiġu mqabbla prezzijiet tal-esportazzjoni ma' prezzijiet tal-importazzjoni jew spejjeż fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Jekk, minħabba l-intervent tal-istat fl-ekonomija, il-prezzijiet domestiċi jew spejjeż huma distorti, il-Kummissjoni ma tikkunsidrahomx meta tkun qed tikkalkola l-valur domestiku. Minflok, tuża valuri referenzjarji oħra li jirriflettu l-ispejjeż mhux distorti ta' produzzjoni u bejgħ.

Il-metodoloġija l-ġdida tista' tapplika għal kwalunkwe membru tad-WTO. Qabel ma tkun applikata l-metodoloġija l-ġdida, se jkun neċessarju li jintwera li jeżistu distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tal-pajjiż tal-esportazzjoni bħala riżultat tal-interferenza tal-istat. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni se teżamina l-evidenza kollha ppreżentata matul l-investigazzjoni, inkluż mill-industrija tal-UE. Il-Kummissjoni tista' tħejji wkoll rapporti li jiddeskrivu l-ekonomiji ta' ċerti pajjiżi jew setturi f'dan il-kuntest.

B'mod parallel mal-pubblikazzjoni ta' tibdil fil-leġiżlazzjoni antidumping tal-UE, illum il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport tal-pajjiż previst mil-leġiżlazzjoni l-ġdida. Il-Kummissjoni għażlet liċ-Ċina għall-ewwel rapport minħabba li l-parti l-kbira tal-attività antidumping tal-UE tirrigwarda importazzjonijiet minn dan il-pajjiż.

Ir-rapport li ġie ppubblikat illum jiddeskrivi ċerti aspetti tal-ekonomija Ċiniża fattwalment filwaqt li jiffoka fuq il-makroekonomija tal-pajjiż; il-fatturi ewlenin ta' produzzjoni li jintużaw fil-proċessi kollha ta' produzzjoni (pereż. il-manodopera, l-enerġija); u ċerti setturi tal-ekonomija, inkluż l-azzar u ċ-ċeramika.

Se jitħejjew rapporti oħra abbażi tal-istess kriterji: l-importanza relattiva tagħhom fl-attività antidumping tal-UE, kif ukoll fuq indikazzjonijiet li jista' jkun hemm distorsjonijiet relatati mal-interventi tal-gvern fl-ekonomija. Ir-rapport tal-pajjiż li jmiss se jirrigwarda r-Russja.

L-industrija tal-UE tista' tiddependi fuq ir-rapporti tal-pajjiżi bħala evidenza biex titlob l-użu tal-metodoloġija l-ġdida fl-investigazzjonijiet antidumping. Matul kull investigazzjoni, il-Kummissjoni se teżamina jekk l-użu tal-metodoloġija l-ġdida għandhux ikun applikat fuq il-bażi tal-evidenza kollha li tinsab fil-fajl. Il-partijiet kollha kkonċernati minn investigazzjoni, inkluż il-gvern tal-pajjiż ikkonċernat kif ukoll il-produtturi esportaturi, se jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar u jikkontestaw kwalunkwe sejbiet li saru fir-rapporti matul l-investigazzjonijiet relevanti.

L-istandards soċjali u ambjentali jista' jkollhom rwol skont il-metodoloġija l-ġdida. Meta jintgħażel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq sabiex jissostitwixxi l-ispejjeż, minbarra d-dħul gross nazzjonali per capita jew indikaturi ekonomiċi rilevanti oħra, il-Kummissjoni se tqis ukoll il-livell ta' protezzjoni soċjali u ambjentali fil-pajjiż sors rappreżentattiv.

Il-metodoloġija l-ġdida se ssaħħaħ ukoll il-leġiżlazzjoni tal-UE kontra s-sussidji ħalli f'każijiet futuri, kull sussidju ġdid li jinkixef matul investigazzjoni jkun jista' jiġi investigat u inkluż fid-dazji finali imposti.

Sfond

Fid-9 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal metodu ġdid li jikkalkola d-dumping fuq importazzjonijiet minn pajjiżi fejn hemm distorsjonijiet sinifikanti tas-suq. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim mal-proposta tal-Kummissjoni wara negozjati tripartiti fit-3 ta' Ottubru 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

MEMO/17/5377

 Regolament

Ir-rapport

Il-linji gwida dwar il-proċeduri għal kumpaniji

IP/17/5346

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar