Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Reċiproċità tal-viża: L-isforzi politiċi u diplomatiċi jkomplu jagħtu l-frott

Brussell, I-20ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea illum qed tirrapporta dwar il-progress li sar biex tinkiseb reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada u mal-Istati Uniti, kif ukoll qed tevalwa l-iżviluppi li saru tul l-aħħar seba' xhur filwaqt li tipprovdi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effettività tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità.

Fl-aħħar sentejn u nofs l-għadd ta' każijiet ta' nonreċiproċità tnaqqas sew. Riċentement, inkisbet reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada wara li neħħiet ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Rumeni u Bulgari mill-1 ta' Diċembru 2017. Riżultati simili nkisbu mal-Awstralja, mal-Brunei u mal-Ġappun u dan ifisser li l-Istati Uniti huma l-uniku pajjiż mhux tal-UE fuq il-lista ta' pajjiżi eżenti mill-obbligu ta' viża tal-UE li ma jagħtix aċċess mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Il-kisba ta' reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada turi li l-isforzi diplomatiċi u l-impenn kontinwu tagħna qed iħallu l-frott. Flimkien mal-ħames Stati Membri kkonċernati se nkomplu naħdmu wkoll bl-istess mod mal-Istati Uniti u ninsabu determinati li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niksbu vjaġġar eżenti mill-viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Hemm bżonn isir progress immedjatament u nippretendu li s-sħab tagħna tal-Istati Uniti jaħdmu magħna biex nixprunaw il-progress.”

Il-kisba ta' reċiproċità sħiħa tal-viża mal-Kanada

Mill-1 ta' Diċembru 2017, inkisbet reċiproċità sħiħa mal-Kanada wara li tneħew ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni. Id-deċiżjoni tal-Kanada waslet wara sforzi diplomatiċi intensivi u impenn kontinwu fil-livelli politiċi u tekniċi bejn l-UE, il-Kanada u ż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Il-Kanada diġa' neħħiet parzjalment ir-rekwiżiti tal-viża għal xi ċittadini Bulgari u Rumeni f'Mejju 2017 u impenjat ruħha li tneħħi kompletament ir-rekwiżiti mill-1 ta' Diċembru 2017.

Impenn kontinwu mal-Istati Uniti

Matul l-aħħar seba' xhur, il-kuntatti mal-Istati Uniti fil-livell politiku u tekniku ġew intensifikati. Il-Kummissjoni qed tmexxi proċess orjentat lejn ir-riżultati li jdaħħal lill-ħames Stati Membri tal-UE kkonċernati (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija) fil-Programm tal-Eżenzjoni mill-Viża. Għalissa l-Kummissjoni mhix qed tqis l-adozzjoni ta' att delegat li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti, peress li dan ikun kontroproduttiv, iżda din il-pożizzjoni tista' tiġi riveduta fid-dawl ta' żviluppi futuri.

F'Ġunju, il-Kummissarju Avramopoulos u Elaine C. Duke, Viċi Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti ħarġu Dikjarazzjoni Konġunta li fiha ż-żewġ naħat impenjaw li jżidu l-isforzi lejn il-kisba tar-reċiproċità sħiħa tal-viża bejn l-UE u l-Istati Uniti. Matul il-Laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti fis-17 ta' Novembru, iż-żewġ naħat innutaw li sar progress f'diskussjonijiet kooperattivi u impenjaw ruħhom biex ikomplu l-involviment tagħhom. F'Settembru, saru taħditiet tekniċi bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-ħames Stati Membri kkonċernati biex jirrevedu s-sitwazzjoni attwali tal-kumplament tar-rekwiżiti tal-Programm tal-Eżenzjoni mill-Viża. Fix-xhur li ġejjin, bl-ewwel darba tkun il-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti fi Frar, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ħames Stati Membri, se tkompli dan l-impenn mal-Istati Uniti fil-livelli kollha. Dan għandu jwassal għal azzjoni intensifikata u konkreta min-naħat kollha.

Il-mekkaniżmu ta' reċiproċità qed iħalli l-frott

Ir-rapport tal-lum iqis ukoll l-effettività tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża b'mod ġenerali, u din hija valutazzjoni li l-Kummissjoni kellha tippreżenta lill-Parlament Ewropew sal-10 ta' Jannar 2018. L-għadd ta' każijijet ta' nonreċiproċità tnaqqas sew fl-aħħar sentejn u nofs, u l-Istati Uniti baqgħu l-unika pajjiż terz fil-lista ta' pajjiżi eżenti mill-obbligu ta' viża tal-UE li ma jagħtix aċċess eżenti mill-viża liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha. Il-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża għalhekk wera li huwa għodda effettiva li tikkontribwixxi biex isir progress fil-kisba ta' reċiproċità sħiħa tal-viża ma' pajjiżi terzi għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni bħalissa mhijiex qed tqis proposta leġislattiva għar-reviżjoni tal-mekkaniżmu. Minflok, hija se tkompli ssegwi l-approċċ diplomatiku tagħha biex tikseb reċiproċità sħiħa tal-viża għall-Istati Membri kollha.

Il-Passi li jmiss

Il-Kummissjoni tibqa' impenjata li taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar it-triq' il quddiem. Il-Kummissjoni se tissokta taħdem mal-Istati Uniti u mal-Istati Membri kkonċernati biex tikseb reċiproċità sħiħa fl-eżenzjoni mill-viża. Il-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn is-27 u t-28 ta' Frar 2018 u l-Laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Mejju 2018 se jipprovdu okkażjoni biex ikompli jiżdied il-progress. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar żviluppi ulterjuri sa mhux aktar tard mill-ħarifa tal-2018.

Sfond

Prinċipju fundamentali tal-politika dwar il-viżi tal-UE hija li jkun żgurat li pajjiżi terzi fuq il-lista eżenti mill-obbligu ta' viża jagħtu eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża reċiproka liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE kollha. Biex jiġi appoġġat dan l-għan, twaqqaf mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża.

Fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, li jeħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għar-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni diġà adottat tliet rapporti li jivvalutaw is-sitwazzjoni: fl-10 ta' Ottubru 2014, fit-22 ta' April 2015 u fil-5 ta' Novembru 2015, kif ukoll żewġ Komunikazzjonijiet f'April, f'Lulju u f'Diċembru 2016, Mejju2017 u Diċembru 2017.

Skont l-Artikolu 1b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, sal-10 ta' Jannar 2018 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità u jekk ikun meħtieġ tippreżenta proposta leġiżlattiva li temenda dan ir-Regolament.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet Frekwenti: Il-mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża tal-UE

Komunikazzjoni adottata fl-20 ta' Diċembru 2017

Komunikazzjoni adottata fit-2 ta' Mejju 2017

Komunikazzjoni adottata fil-21 ta' Diċembru 2016

Komunikazzjoni adottata fit-13 ta' Lulju 2016

Komunikazzjoni adottata fit-12 ta' April 2016 

5 ta' Novembru 2015 – Rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viżi

22 ta' April 2015 – Rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viżi

10 ta' Ottubru 2014 – Rapport tal-Kummissjoni li jevalwa s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' reċiproċità ma' ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viżi

Ir-Regolament tal-Kunsill li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001)

Ir-Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ir-Regolament (UE) Nru 1289/2013)

IP/17/5314

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar