Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Liberalizzazzjoni tal-viża: Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' parametri referenzjarji għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant

Brussell, I-20ta' dicembru 2017

.

Illum, il-Kummissjoni qed tirrapporta dwar l-issodisfar kontinwu tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) kif ukoll mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (il-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna). Ir-rapport juri li, filwaqt li r-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi kkonċernati jkomplu jiġu ssodisfati, jenħtieġ azzjoni f'għadd ta' oqsma speċifiċi biex tiġi ppreżervata l-implimentazzjoni sostenibbli tagħhom.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, qal: "Aħna impenjati bis-sħiħ biex nissalvagwardjaw l-ivvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant u qed naħdmu flimkien mal-gvernijiet tagħhom biex nilħqu dan l-għan. Iżda dan l-iżgurar iġib miegħu responsabbiltajiet, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti. Filwaqt li nirrikonoxxu l-isforzi ta' dawn il-pajjiżi biex jiżguraw li jinżamm il-progress li sar u li r-riformi jkomplu jwasslu riżultati konkreti, jenħtieġ li jsir aktar xogħol. Nistennew li l-pajjiżi kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni b'mod partikulari.”

Ir-rapport tal-lum huwa l-ewwel valutazzjoni taħt il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ il-ġdid għat-tmien pajjiżi li jkunu kkonkludew djalogi dwar liberalizzazzjoni tal-viża mal-UE. Il-valutazzjoni turi li t-tmien pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant urew impenn b'saħħtu biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti meħtieġa u għamlu sforzi importanti biex jimplementaw għadd ta' riformi estensivi stabbiliti skont il-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża. Issa huwa importanti li jinżammu dawn ir-riformi u li l-pajjiżi ma jmorrux lura wara s-suċċessi li kellhom. Ir-rapport tal-lum jiffoka fuq l-oqsma li jeħtieġu aktar azzjoni, b'mod partikulari l-migrazzjoni irregolari u r-riammissjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus kif ukoll l-ordni pubbliku u s-sigurtà.

L-isforzi biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari qed iħallu riżultati

Il-miżuri li t-tmien pajjiżi komplew jieħdu biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari qed iħallu riżultati. Dawn l-isforzi rriżultaw fi tnaqqis ġenerali konsiderevoli fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li saru fi Stati Membri tal-UE minn ċittadini tal-pajjiżi kkonċernati. Madankollu, għad hemm sfidi, b'mod partikulari fl-Albanija, il-pajjiż bl-ogħla għadd ta' applikazzjonijiet infondati għall-ażil fost l-Istati eżenti mill-obbligu ta' viża. L-awtoritajiet Albaniżi kienu attivi biex jissaħħu l-miżuri biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u jtejbu l-kooperazzjoni mal-Istati Membri l-aktar affettwati. Dawn il-miżuri diġà qed iħallu riżultati iżda jenħtieġ li l-isforzi jiġu ssostanzjati biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tkompli mingħajr waqfien. Minħabba li l-għadd ta' rifjuti ta' dħul u ta' soġġorn irregolari dejjem ivarja, il-Kummissjoni titlob lill-pajjiżi kkonċernati biex jieħdu azzjonijiet speċifiċi, li jvarjaw minn tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri għal organizzazzjoni tal-kampanji ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar ħieles mill-viża. 

Il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni tkompli bla xkiel għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant b'rati ta' ritorn għolja b'mod ġenerali. Sabiex tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn, il-Kummissjoni titlob lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex ikomplu l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta' riammissjoni u, jekk meħtieġ, jikkonkludu l-protokolli ta' implimentazzjoni ma' Stati Membri addizzjonali.

Jenħtieġ li jkun hemm aktar ħidma biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

Minkejja sforzi addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-gruppi ta' kriminalità mill-pajjiżi kkonċenati eżenti mill-obbligu ta' viża għadhom attivi f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet kriminali fl-UE, inkluż it-traffikar ta' bnedmin u oġġetti illeċiti, id-delitti kontra l-proprjetà, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u ċ-ċiberkriminalità. Jenħtieġ li t-tmien pajjiżi jżidu l-azzjonijiet tagħhom biex ikomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-kriminalità organizzata.

Fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, jenħtieġ li l-Moldova b'mod partikulari tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura l-implimentazzjoni kontinwa tal-parametru referenzjarju tal-liberalizzazzjoni tal-viża u s-sostenibbiltà tar-riformi li twettqu s'issa. Fid-dawl ta' żviluppi riċenti, jenħtieġ li anke l-Ukrajna tieħu azzjoni immedjata biex tissalvagwardja l-miżuri ta' antikorruzzjoni introdotti b'riformi preċedenti u tippermetti li jkompli jsir il-progress.

Il-Kummissjoni se terġa' tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-issodsfar kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2018.

Sfond

Ir-rapport tal-lum isegwi l-obbligu ġuridiku tal-Kummissjoni skont il-mekkaniżmu msaħħaħ tas-sospensjoni tal-viża, adottat f'Marzu 2017, biex tissorvelja l-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża mill-pajjiżi li mhumiex fl-UE u biex tirrapporta dwar dawn il-kwistjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas darba fis-sena.

Il-valutazzjoni tal-parametri referenzjarji tapplika għall-pajjiżi li kkonkludew b'suċċess id-djalogi tal-liberalizzazzjoni tal-viża skont il-pjanijiet ta' azzjoni u l-pjanijiet direzzjonali rilevanti, jiġifieri l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant.

Għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, ir-rapport il-ġdid jissostitwixxi r-rapporti ta' monitoraġġ preċedenti ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża u jkopri l-perjodu mill-aħħar rapport ta' din ix-xorta minn Frar 2015. Għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, ir-rapport ikopri l-perjodu mir-Rapporti ta' progress finali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża adottati f'Diċembru 2013 għall-Moldova u f'Diċembru 2015 għall-Georgia u l-Ukrajna.

Iċ-ċittadini tal-Montenegro, tas-Serbja u tal-Eks Repubblika tal-Maċedonja jistgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża minn Diċembru 2009. Għaċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bożnija-Ħerzegovina, dan sar possibbli mill-aħħar tal-2010. Għar-Repubblika tal-Moldova l-ivvjaġġar ħieles mill-viża daħal fis-seħħ f'April 2014, għall-Georgia f'Marzu 2017 u għall-Ukrajna f'Ġunju 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

Ir-Rapport dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża: Mistoqsijiet u Tweġibiet

L-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Sospensjoni tal-Viża

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Ewwel Rapport taħt il-Mekkaniżmu tas-Sospensjoni tal-Viża

IP/17/5313

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar