Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2017: Naħtfu l-opportunità la r-riħ in poppa

Brussell, id-19ta' dicembru 2017

Skont l-Ewrobarometru l-ġdid ippubblikat illum, il-maġġoranza tal-Ewropej jaħsbu li l-qagħda tal-ekonomija hija tajba. Fiż-żona tal-euro l-appoġġ għall-euro huwa fl-ogħla livell tiegħu mill-2004 u l-ottimiżmu dwar il-ġejjieni tal-UE jegħleb il-pessimiżmu.

Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-Ewropej iqisu lill-UE bħala post ta' stabbiltà f'dinja mimlija problemi. Dawn huma wħud mir-riżultati ewlenin li ħarġu mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard ippubblikat illum, flimkien mal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali “Ġejjieni tal-Ewropa”.

1. Qed jiżdiedu l-ottimiżmu dwar l-istat tal-ekonomija u l-appoġġ għall-euro

Għall-ewwel darba mill-bidu tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fl-2007, l-Ewropej għandhom opinjoni aktar pożittiva dwar il-qagħda attwali tal-ekonomija Ewropea (48 %, żieda ta' 6 punti perċentwali mir-rebbiegħa tal-2017) milli waħda negattiva (39 %, tnaqqis ta' 7 punti perċentwali). Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu jiddikjaraw li l-qagħda attwali tal-ekonomija Ewropea hija tajba fi 23 Stat Membru (żieda mill-21 Stat Membru tar-rebbiegħa tal-2017). Mir-rebbiegħa tal-2017 'l hawn, żdiedu l-perċezzjonijiet pożittivi fi 23 Stat Membru, b'żidiet sostanzjali fi Spanja (39 %, żieda ta' 12-il punt perċentwali), il-Portugall (58 %, żieda ta' 11-il punt perċentwali) u l-Awstrija (63 %, żieda ta' 10 punti perċentwali).

48 % tal-Ewropej iqisu li l-qagħda attwali tal-ekonomija nazzjonali tagħhom hija tajba (żieda ta' 2 punti perċentwali). Dan il-perċentwal huwa l-ogħla livell qatt irreġistrat mill-ħarifa tal-2007. Mir-rebbiegħa tal-2017, il-perċezzjoni pożittiva tal-qagħda ekonomika nazzjonali żdiedet f'19-il Stat Membru, l-aktar fil-Finlandja (71 %, żieda ta' 12-il punt perċentwali), fis-Slovenja (46 %, żieda ta' 12-il punt perċentwali), fl-Awstrija (77 %, żieda ta' 9 punti perċentwali) u fl-Ungerija (50 %, żieda ta' 9 punti perċentwali). Madankollu, il-perċezzjonijiet fost l-Istati Membri jvarjaw ħafna, pereżempju fin-Netherlands u fil-Ġermanja 91 % jqisu l-qagħda tal-ekonomija nazzjonali tagħhom bħala tajba filwaqt li fil-Greċja, 2 % biss huma tal-istess fehma.

Fiż-żona tal-euro, tliet kwarti ta' dawk li wieġbu jappoġġaw l-euro (74 %, żieda ta' punt perċentwali), li huwa rekord ġdid għal dan il-perċentwal mill-2004 'l hawn. L-euro jgwadi mill-appoġġ ta' mill-inqas 80 % taċ-ċittadini f'seba' pajjiżi: is-Slovakkja, il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Estonja, l-Irlanda u s-Slovenja.

2. Il-livell ta' fiduċja fl-Unjoni Ewropea għadu għoli

40 % tal-Ewropej għandhom immaġni pożittiva tal-UE; 37 % għandhom immaġni newtrali, filwaqt li l-proporzjon tal-Ewropej li għandhom immaġni negattiva tal-UE jibqa' f'livell baxx ta' 21 %. Dawn ir-riżultati baqgħu stabbli meta mqabbla mar-rebbiegħa tal-2017 u jikkonfermaw ix-xejra pożittiva rreġistrata mill-2016 'l hawn. Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu għandhom immaġni pożittiva tal-UE f'14-il pajjiż, bl-ogħla perċentwali jkunu fl-Irlanda (59 %), fil-Bulgarija u fil-Lussemburgu (it-tnejn li huma b'57 %).

Il-fiduċja fl-UE tammonta għal 41 % (tnaqqis ta' punt perċentwali). Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu għandhom fiduċja fl-UE fi 18-il Stat Membru (meta mqabbla mal-15-il pajjiż biss tar-rebbiegħa). L-aktar pajjiżi li għandhom fiduċja fl-UE huma l-Litwanja (64 %), il-Bulgarija (57 %) u l-Lussemburgu (56 %). Mill-2017 'l hawn, il-fiduċja fl-UE żdiedet f'għaxar pajjiżi, b'mod partikolari fil-Belġju (53 %, żieda ta' 7 punti perċentwali), fis-Slovakkja (48 %, żieda ta' 5 punti perċentwali) u fir-Repubblika Ċeka (35 %, żieda ta' 5 punti perċentwali). Min-naħa l-oħra, il-fiduċja fl-UE naqset fi 17-il Stat Membru.

Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej huma ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE (57 %, żieda ta' punt perċentwali). Dan huwa minnu għall-pajjiżi kollha, għajr għal 2 Stati Membri (żieda mill-24 tar-rebbiegħa tal-2017): il-Greċja (60 % “pessimisti” kontra 37 % “ottimisti”) u r-Renju Unit (48 % kontra 44 %). L-aktar pajjiżi ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE huma l-Irlanda (80 %), il-Lussemburgu (72 %) u Malta (70 %). Min-naħa l-oħra, l-inqas pajjiżi ottimisti huma Franza (49 %) u l-Italja (50 %).

Il-fatt li 44 % tal-Ewropej jaqblu li “leħinhom jgħodd fl-UE”, huwa rekord ġdid għal dan l-indikatur mill-ħarifa tal-2004 'l hawn.

Ma ninsewx ukoll li 70 % tal-Ewropej iħossuhom ċittadini tal-UE. “Il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi fl-UE” u “l-paċi bejn l-Istati Membri tal-UE” jitqiesu bħala l-aktar żewġ kisbiet pożittivi tal-UE minn 57 % u 56 % tal-Ewropej, rispettivament.

3. Il-migrazzjoni, segwita mit-terroriżmu jinsabu fil-quċċata tat-tħassib tal-Ewropej

L-immigrazzjoni hija l-isfida ewlenija li qed taffaċċja bħalissa l-UE (39 %, żieda ta' punt perċentwali). Wara dan jiġi t-terroriżmu (38 %, tnaqqis ta' 6 punti perċentwali), li jinsab ferm qabel il-qagħda ekonomika (17 %, tnaqqis ta' punt perċentwali), l-istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (16 %, tnaqqis ta' punt perċentwali) u l-qgħad (13 %, tnaqqis ta' 2 punti perċentwali). Fil-livell nazzjonali, it-tħassib ewlieni jibqa' l-qgħad (25 %, tnaqqis ta' 4 punti perċentwali) u l-immigrazzjoni (22 %, li baqa' l-istess).

4. L-istħarriġ “Ġejjieni tal-Ewropa”

75 % tal-Ewropej għandhom impressjoni pożittiva tal-Unjoni Ewropea bl-ogħla riżultati fil-Litwanja (91 %), fid-Danimarka (89 %) u fin-Netherlands (87 %).71 % tal-Ewropej jaħsbu li l-UE hija “post ta' stabbiltà f'dinja mimlija problemi” (żieda ta' 5 punti perċentwali mill-2016 'l hawn).

Sfond

L-“Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2017” (EB 88) sar permezz ta' intervisti wiċċ imb wiċċ bejn il-5 u d-19 ta' Novembru 2017. Ġew intervistati 33,193 persuna mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi kandidati[1].

L-Ewrobarometru Speċjali 467 “Ġejjieni tal-Ewropa” sar permezz ta' intervisti bit-telefon bejn it-23 ta' Settembru u t-2 ta' Ottubru 2017. Ġew intervistati 27,881 persuna mill-Istati Membri tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

- Ewrobarometru Standard 88

- Ir-rapport għall-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 467 “Ġejjieni tal-Ewropa

 

[1] It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (l-UE), ħames pajjiżi kandidati (l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija) u l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-parti tal-pajjiż li mhix ikkontrollata mill-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru.

IP/17/5312

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar