Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE NL

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2018: Leeuwarden u l-Belt Valletta

Brussell, it-3ta' jannar 2018

Mill-1 ta' Jannar, Leeuwarden (in-Netherlands) and l-Belt Valletta se jġorru t-titlu ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għal sena sħiħa.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ tal-Valletta 2018 se jsiru mill-14 sal-20 ta' Jannar fil-Belt kollha u huma mnebbħa mill-festa tradizzjonali tal-irħula Maltin. Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, se jattendi ċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali fl-20 ta' Jannar.

F'Leeuwarden, iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew fis-26 u s-27 ta' Jannar, u fil-belt kollha se jittellgħu installazzjonijiet artistiċi u performances minn artisti professjonali u dilettanti, filwaqt li l-mużewijiet se jiftħu l-bibien tagħhom għall-viżitaturi fir-reġjun kollu tal-Friesland. L-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, se jattendi ċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ fis-27 ta' Jannar.

Il-Kummissarju Navracsics stqarr: “Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura jgħinu biex ilaqqgħu l-komunitajiet flimkien permezz tal-kultura, b'benefiċċji fit-tul għall-bliet rispettivi, għaċ-ċittadini u għall-ekonomiji tagħhom. L-2018 se tkun sena speċjali għax hija s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, u ż-żewġ Bliet Kapitali inkludew ħafna proġetti li jippromwovu l-wirt kulturali fil-programmi tagħhom – u b'hekk jenfasizzaw ir-rwol tal-kultura fil-bini ta' identità Ewropea. Nixtieq kull risq lil Leeuwarden u lill-Belt Valletta matul is-sena li ġejja.”

X'hemm ippjanat?

Il-programm tal-festa tal-Belt Valletta għandu l-għan li jħeġġeġ lill-artisti u lill-udjenzi jħarsu lejn il-kultura tradizzjonali b'għajnejn ġodda. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta' Malta bħala stat gżira bejn l-Ewropa u l-Afrika ta' Fuq, il-programm jimmira wkoll li jlaqqa' perspettivi mid-diversi xtut tal-Mediterran. Il-programm jinkludi ‘l fuq minn 140 proġett u 400 avveniment, organizzati madwar tliet temi ewlenin: “Stejjer ta' Gżira”, “Barokk Futur” u “Vjaġġi”. Se jkunu involuti madwar 1,000 artist, kuratur, performer, faċilitatur tal-workshops, kittieb, disinjatur, kantant tal-kor u produttur tal-films, Maltin u internazzjonali, u ċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu tul is-sena kollha madwar Malta u Għawdex. 

Bil-kunċett ta' iepen mienskip (komunità miftuħa) fil-qofol tal-programm tiegħu, Leeuwarden għandha l-għan li ssaħħaħ u tqarreb lejn xulxin il-komunitajiet mir-reġjun kollu ta' Friesland u mill-Ewropa kollha, b'aktar minn 800 proġett matul is-sena fl-oqsma tal-mużika, it-teatru, l-arti pajsaġġistika, l-opera u l-isports. Wirja mill-artist grafiku Olandiż M.C. Escher, opera dwar Mata Hari, avveniment ma' dawk li jrabbu ż-żwiemel, u proġetti fuq livell lokali bħal “Sports Ewropew għal kulħadd”, huma biss ftit mill-ħafna proġetti li għandhom jikkontribwixxu sabiex jiżdiedu l-għarfien u l-fehim tad-differenzi kulturali.

Kuntest

Mindu bdew il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-1985 fuq l-inizjattiva ta' Melina Mercouri, dak iż-żmien il-Ministru tal-Kultura tal-Greċja, din l-azzjoni saret waħda mill-iktar inizjattivi kulturali ta' prestiġju fl-Ewropa. Il-bliet kapitali jintagħżlu abbażi ta' programm kulturali li jrid ikollu dimensjoni Ewropea b'saħħitha, li jrawwem il-parteċipazzjoni u l-involviment tar-residenti tal-belt, u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp fit-tul tal-belt u tar-reġjun tal-madwar.

Hija wkoll opportunità eċċellenti għall-bliet biex jifformaw l-immaġni tagħhom, ipoġġu lilhom infushom fuq il-mappa tad-dinja, jiġbdu aktar turisti u jaħsbu fuq l-iżvilupp tagħhom stess bis-saħħa tal-kultura. It-titlu ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu impatt fit-tul, mhux biss fuq il-kultura iżda wkoll f'termini ekonomiċi u soċjali, kemm għall-belt kif ukoll għar-reġjun tal-madwar.

Fl-2017, Aarhus fid-Danimarka u Pafos f'Ċipru kienu l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura. Wara Leeuwarden u l-Belt Valletta fl-2018, il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura se jkunu Plovdiv (il-Bulgarija) u Matera (l-Italja) fl-2019, Rijeka (il-Kroazja) u Galway (l-Irlanda) fl-2020, Timișoara (ir-Rumanija), Elefsina (il-Greċja) u Novi Sad (is-Serbja, pajjiż kandidat) fl-2021, u Esch (il-Lussemburgu) u Kaunas (il-Litwanja) fl-2022. L-Istati Membri tal-UE kollha, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles / taż-Żona Ekonomika Ewropea li jipparteċipaw fil-programm Ewropa Kreattiva jistgħu jsiru Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Għal aktar tagħrif

Leeuwarden 2018 - Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

#LF2018

Valletta 2018 - Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

#Valletta2018

Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura – Ktejjeb dwar it-tletin sena ta' kisbiet

Skeda informattiva dwar il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

L-iskeda informattiva “il-kultura bħala xprun għall-unità tal-UE” - Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni fl-Ikla ta' Ħidma tal-Mexxejja, fis-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg

IP/17/5309

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar