Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: regoli aktar proporzjonati u sensittivi għar-riskju għal ditti tal-investiment aktar b'saħħithom

Brussell, I-20ta' dicembru 2017

Is-swieq tal-kapital tal-Ewropa se jkunu aktar effiċjenti u se ssirilhom superviżjoni aħjar bis-saħħa tat-tiġdid fir-regoli għad-ditti tal-investiment.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi riforma doppja li tissimplifika l-ħajja tad-ditti tal-investiment li huma iżgħar, filwaqt li l-akbar ditti tal-investiment, li għandhom importanza sistemika, jiġu soġġetti għall-istess reġim bħall-banek Ewropej. Id-ditti tal-investiment u s-servizzi pprovduti minnhom huma vitali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU - Capital Markets Union). Flimkien mal-banek, is-swieq tal-kapital tal-UE jiddependu fuq diversi eluf ta' ditti tal-investiment żgħar u kbar li jagħtu konsulenza lill-klijenti, jgħinu lill-kumpaniji jisfruttaw is-swieq tal-kapital, iġestixxu l-assi, u jipprovdu likwidità fis-suq, filwaqt li b'hekk jiġi ffaċilitat l-investiment fl-UE kollha. L-UE teħtieġ swieq tal-kapital aktar b'saħħithom sabiex tippromwovi l-investiment, tillibera sorsi ġodda ta' finanzjament għall-kumpanji, toffri opportunitajiet aħjar lill-unitajiet domestiċi u ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Skont il-proposti tal-lum, il-maġġoranza kbira ta' ditti tal-investiment fl-UE ma jibqgħux soġġetti għar-regoli li ġew imfassla oriġinarjament għall-banek. Dan se jnaqqas il-piż amministrattiv, isaħħaħ il-kompetizzjoni u jżid il-flussi tal-investiment, li huma kollha prijoritajiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, mingħajr ma jikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja. Fl-istess ħin, l-akbar ditti tal-investiment u dawk bl-akbar importanza sistemika se jiġu soġġetti għall-istess regoli u għal superviżjoni bħall-banek.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, stqarr: “Ir-regoli tagħna jridu jkunu proporzjonati u sensittivi għar-riskju. Ditti tal-investiment iżgħar se jibbenefikaw minn rekwiżiti aktar sempliċi li jkunu aktar konformi mar-riskji tagħhom. Fl-istess ħin, jinħtieġ li ditti akbar b'riskji simili għal dawk tal-banek jiġu rregolati bħall-banek u jiġu sottoposti għall-istess superviżjoni. Dan it-tiġdid se jgħin lid-ditti tal-investiment kollha jikkollegaw it-tfaddil mill-konsumaturi u mill-investituri mal-kumpaniji. Ir-regoli l-ġodda se jappoġġaw il-funzjonament tas-swieq tal-kapital, filwaqt li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: “L-għan tagħna huwa li nnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-konformità mal-liġijiet tal-UE. Il-proposta tal-lum biex jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-regoli prudenzjali għal ditti tal-investiment hija parti minn dan l-isforz. Hemm bżonn li l-ġabra tar-regoli tagħna tappoġġa r-rwol ewlieni li għandhom dawn id-ditti fl-iggwidar tal-fluss tal-investiment fis-swieq kapitali, filwaqt li tiżgura li r-riskji fl-attivitajiet tagħhom jiġu koperti b'mod xieraq. Iż-żieda fil-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-investituri huma żewġ naħat tal-istess munita, li jżidu l-fiduċja fis-suq u jappoġġaw it-tkabbir.”

L-elementi ewlenin tal-proposta

Id-ditti tal-investiment għandhom rwol importanti biex jiffaċilitaw it-tfaddil u l-flussi tal-investiment fl-UE kollha. Huma jipprovdu firxa ta' servizzi li jagħtu lill-investituri aċċess għal titoli u għal swieq tad-derivattivi. Dawn is-servizzi jinkludu konsulenza dwar l-investiment, ġestjoni tal-portafolli, eżekuzzjoni tal-ordnijiet għall-klijenti, negozjar fi strumenti finanzjarji u għajnuna lill-kumpaniji biex jiġbru fondi fuq swieq kapitali.

Il-proposta tinkludi:

  • regoli prudenzjali ġodda u aktar faċli għall-biċċa l-kbira tad-ditti tal-investiment li ma humiex ta' importanza sistemika, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja; u
  • regoli emendati biex jiġi żgurat li ditti ta' investiment kbar ta' importanza sistemika li jwettqu attivitajiet simili għal dawk tal-banek u b'riskji simili għal dawk tal-banek jiġu rregolati u ssirilhom superviżjoni bħall-banek. Konsegwenza ta' dan, il-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità ta' superviżjoni tiegħu (il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku) jista' jagħmel superviżjoni ta' ditti tal-investiment ta' importanza sistemika bħal dawn fl-Unjoni Bankarja. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwivalenti bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji kbar ta' importanza sistemika.

Ir-regoli l-ġodda jaqsmu d-ditti tal-investiment li ma għandhomx importanza sistemika f'żewġ gruppi. Ir-rekwiżiti ta' kapital għad-ditti li huma iżgħar u b'inqas riskji se jiġu stabbiliti b'mod aktar faċli. Ir-regoli se jkunu komprensivi u robusti biżżejjed biex jirriflettu r-riskji tad-ditti tal-investiment, iżda flessibbli biżżejjed biex jinkludu d-diversi mudelli kummerċjali u jiżguraw li dawn id-ditti jistgħu jibqgħu kummerċjalment vijabbli. Dawn id-ditti mhux se jkunu soġġetti għal rekwiżiti addizzjonali dwar il-governanza korporattiva jew ir-remunerazzjoni. Għal ditti akbar, ir-regoli jintroduċu mod ġdid ta' kif jitkejlu r-riskji tagħhom fuq il-bażi tal-mudelli kummerċjali tagħhom. Għad-ditti li jinnegozjaw l-istrumenti finanzjarji, dawn se jiġu kkombinati ma' verżjoni simplifikata tar-regoli eżistenti.

Il-proposta tiddefinixxi wkoll bħala istituzzjonijiet ta' kreditu dawk id-ditti tal-investiment ta' importanza sistemika li jwettqu ċerti attivitajiet simili għal dawk tal-banek (jiġifieri s-sottoskrizzjoni u n-negozjar f'isimhom stess) u li jkollhom assi ta' aktar minn EUR 30 biljun. Dawn id-ditti sistemiċi se jkunu kompletament soġġetti għall-istess trattament bħall-banek. Kif imħabbar fir-rieżami tal-Kummissjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), dan ifisser li l-operazzjonijiet tagħhom fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja se jkunu soġġetti għal superviżjoni diretta mill-BĊE fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

Sfond

Bħala parti mill-ħidma tagħha biex issaħħaħ is-swieq tal-kapital, fir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali l-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi qafas prudenzjali u superviżorju aktar effettiv għal ditti tal-investiment.

Hemm diversi eluf ta' ditti tal-investiment fl-Istati Membri kollha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Il-maġġorparti ta' dawn id-ditti huma żgħar u ta' daqs medju u jiffokaw fuq li joffru konsulenza ta' investiment, fuq li jirċievu, jittrażmettu u jeżegwixxu l-ordnijiet u jġestixxu l-portafolli. Kuntrarju għal istituzzjonijiet ta' kreditu, id-ditti tal-investiment ma jaċċettawx depożiti jew jagħmlu self. Dan ifisser li huma ferm inqas esposti għar-riskju ta' kreditu u għar-riskju ta' depożitanti li jirtiraw il-flus tagħhom fi żmien qasir.

Ir-rieżami tal-lum hu parti mill-programm REFIT tal-Kummissjoni u hu konformi mal-mandat tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (Capital Requirements Regulation, CRR). L-għan tiegħu huwa li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' kapital, likwidità u rekwiżiti prudenzjali ewlenin oħrajn għad-ditti tal-investiment jiġu stabbiliti b'mod xieraq. Ir-rekwiżiti tas-CRR huma ffokati ħafna fuq il-banek u ma humiex perfettament adatti għad-ditti kollha tal-investiment. 

Ir-rieżami huwa bbażat fuq il-parir politiku ta' Settembru 2017 mill-ABE u ġie mħabbar ukoll fil-Komunikazzjoni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja ta' Ottubru 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

Regoli prudenzjali dwar ditti tal-investiment

MEMO

Skeda informattiva

IP/17/5304

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar