Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Prodotti sikuri fis-Suq Uniku tal-UE: il-Kummissjoni taġixxi biex issaħħaħ il-fiduċja

Brussell, id-19ta' dicembru 2017

Illum il-Kummissjoni qiegħda tressaq żewġ proposti leġiżlattivi biex ikun aktar faċli għall-impriżi, fuq kollox l-SMEs, li jbigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa, u biex jissaħħew il-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-uffiċjali tad-dwana sabiex jiġi evitat il-bejgħ ta' prodotti mhux sikuri lill-konsumaturi Ewropej.

Il-Viċi-President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, sostna: “Is-Suq Uniku ta' 500 miljun konsumatur huwa storja kbira ta' suċċess tal-UE. Illum qegħdin inneħħu aktar xkiel, insaħħu l-fiduċja, u nagħmlu mezz biex in-negozji u l-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jisiltu l-aqwa frott minnu.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Elżbieta Bieńkowska, żiedet tgħid: “Is-Suq Uniku huwa mibni fuq il-fiduċja. Il-konsumaturi jridu jkunu kapaċi jafdaw li l-prodotti li jużaw ikunu tal-istess standards, jiġu minn fejn jiġu; u l-awtoritajiet pubbliċi jridu jkunu kapaċi jafdaw li l-prodotti fis-swieq nazzjonali tagħhom huma sikuri għaċ-ċittadini. L-iskandli tal-impjanti tas-sider u tal-każ ‘Dieselgate' naqqru din il-fiduċja, u rridu nerġgħu nibnuha b'kontrolli aktar stretti f'kull qasam. Ma hemm l-ebda post għall-prodotti difettużi fl-UE.”

L-inizjattivi tal-lum huma ddisinjati biex itejbu żewġ aspetti taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija fl-UE:

  • L-iffaċilitar tal-bejgħ ta' prodott fi Stat Membru ieħor tal-UE:

Il-prinċipju tar-”rikonoxximent reċiproku” jiżgura li l-prodotti li mhumiex soġġetti għal regolamentazzjoni li tkopri l-UE kollha, fil-prinċipju, jistgħu jiċċirkolaw b'mod ħieles fis-Suq Uniku, dejjem jekk jiġu kkummerċjalizzati skont il-liġi fi Stat Membru. Dan il-prinċipju għandu jippermetti lill-manifatturi jbigħu l-prodotti tagħhom mal-Ewropa kollha, mingħajr rekwiżiti addizzjonali. Iżda dan mhux dejjem jaħdem kif suppost. Fil-prattika, l-impriżi li jkunu jixtiequ jbigħu prodotti bħal żraben, pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda jew għamara fi Stat Membru ieħor ta' sikwit iħabbtu wiċċhom ma' xkiel, dewmien u spejjeż żejda. Biex il-prinċipju jsir aktar rapidu, aktar sempliċi u aktar ċar fil-prattika, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi Regolament ġdid dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Merkanzija. L-impriżi jkunu jafu jekk il-prodotti tagħhom jistgħux jinbigħu f'pajjiż ieħor tal-UE fi żmien xahrejn, flok jistennew is-snin. Barra minn hekk ikunu jistgħu jużaw dikjarazzjoni volontarja biex juru li l-prodotti tagħhom jilħqu r-rekwiżiti kollha rilevanti f'pajjiżhom. Dan għandu jgħin lill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra jevalwaw jekk ir-rikonoxximent reċiproku għandux japplika. B'mod simili, mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi se jagħti lok għal riżoluzzjoni aktar malajr tat-tilwim bejn l-impriżi u l-awtoritajiet nazzjonali. It-taħriġ u l-iskambji bejn l-uffiċjali se jkomplu jtejbu wkoll il-kollaborazzjoni u l-fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali. Dan mhux se jwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali milli jqisu tħassib leġittimu ta' politika pubblika.

  • It-tisħiħ tal-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li l-prodotti jkunu sikuri u konformi mar-regoli:

Għad hemm wisq prodotti għall-bejgħ fis-suq tal-UE li mhumiex sikuri u mhumiex konformi: sa 32 % tal-ġugarelli, 58 % tal-elettroniċi, 47 % tal-prodotti tal-kostruzzjoni jew 40 % tat-tagħmir ta' protezzjoni personali li ġew spezzjonati ma jilħqux ir-rekwiżiti tas-sikurezza jew tal-informazzjoni għall-konsumatur kif previst fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jipperikola lill-konsumaturi, u jqiegħed lin-negozji konformi f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv. L-abbozz tar-Regolament dwar il-Konformità u l-Infurzar se jgħin biex jinħoloq suq intern aktar ġust għall-merkanzija, billi titrawwem aktar kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Dan se jinkludi l-qsim ta' informazzjoni dwar il-prodotti illegali u dwar l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva kontra prodotti mhux konformi. Ir-Regolament se jgħin ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali jtejbu l-verifiki tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE. Billi 30 % tal-merkanzija fl-UE hija importata, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jissaħħu l-ispezzjonijiet fil-portijiet u fil-fruntieri esterni.

Il-passi li jmiss

L-abbozzi tar-Regolamenti issa se jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Ladarba jiġu adottati, se jkunu applikabbli direttament.

Kuntest

Is-Suq Uniku, li fl-2018 se jfakkar il-25 anniversarju tiegħu, huwa waħda mill-akbar kisbiet tal-UE, iddisinjat biex jippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni. Joffri għażla usa' u prezzijiet iktar baxxi għall-konsumaturi, kif ukoll opportunitajiet għall-professjonisti u għan-negozji. Bis-saħħa tiegħu, il-persuni jistgħu jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn l-opportunitajiet mhux dejjem jissarrfu f'benefiċċji reali, għax ir-regoli tas-Suq Uniku ma jkunux magħrufa, ma jiġux implimentati jew sempliċiment jiġu mhedda minn xkiel mhux ġustifikat. Huwa għalhekk li fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġija tas-Suq Uniku tagħha – pjan direzzjonali li għandu jwassal għar-riżultati mistennija mill-impenn politiku tal-President Juncker, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku, u biex dan isir il-punt tat-tluq biex l-impriżi Ewropej jistagħnew fl-ekonomija globali.

 

Il-kummerċ fil-merkanzija jirrappreżenta 75 % tal-kummerċ intra-UE, u madwar 25 % tal-PDG tal-UE. Ir-regoli għall-prodotti tal-UE jkopru l-biċċa l-kbira sew tal-prodotti manifatturati fl-UE. Jammontaw għal valur ta' €2,400 biljun, u jiġu prodotti jew distribwiti minn madwar 5 miljun negozju. Ir-regoli tal-UE jippermettu lill-prodotti jiċċirkolaw b'mod ħieles mal-Unjoni kollha, filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza. Pereżempju, il-leġiżlazzjoni tal-UE f'oqsma bħall-ġugarelli u l-kimiki huma fost l-aktar stretti fid-dinja.

Il-proposti tal-lum jikkomplementaw inizjattivi oħra li diġà tressqu biex iwasslu riżultati tal-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-2015: miżuri għall-protezzjoni mtejba tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, proposti dwar il-kummerċ-e, linji gwida dwar l-ekonomija kollaborattiva, passi lejn il-modernizzazzjoni tal-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE, l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, miżuri biex jagħtu spinta ġdida lis-settur tas-servizzi, u passi biex jissaħħu l-konformità u l-funzjonament fil-prattika tas-Suq Uniku tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet Frekwenti

Skeda informattiva – Is-Suq Uniku: il-kummerċ tal-merkanzija madwar l-Ewropa

Proposta għal Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Merkanzija

Proposta għal Regolament dwar il-Konformità u l-Infurzar

Komunikazzjoni: Il-Pakkett dwar il-Merkanzija: Insaħħu l-fiduċja fis-Suq Uniku

Rapport dwar l-operat tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku (id-Direttiva 2015/1535)

Rapport dwar l-akkreditazzjoni

 

IP/17/5301

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar