Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

Brussell, il-21ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Direttiva ġdida għal kundizzjonijiet tax-xogħol iktar trasparenti u prevedibbli madwar l-UE, bħala parti mis-segwitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-proposta tal-Kummissjoni tikkumplimenta u timmodernizza l-obbligi eżistenti biex tinforma lill-ħaddiema kollha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta toħloq standards minimi ġodda li jiżguraw li l-ħaddiema kollha, anki dawk b'kuntratti atipiċi, jibbenefikaw minn aktar prevedibbiltà u ċarezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, l-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, stqarr: “Il-konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali kkonfermaw il-ħtieġa għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar trasparenti u prevedibbli fl-UE. Din il-proposta tirrispetta l-kompromess ta' impjiegi aktar siguri fit-tipi ta' arranġamenti tax-xogħol kurrenti u dawk futuri, filwaqt li tippermetti ċerta flessibbiltà, u tiżgura kundizzjonijiet ekwi. Din il-proposta tirrispetta bis-sħiħ il-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali, billi tippermetti li s-sħab soċjali jimplimentaw ir-rekwiżiti minimi l-ġodda relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta' ftehimiet kollettivi.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, żiedet tgħid: “Bil-proposta tal-lum qed nieħdu azzjoni biex intejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b'mod mgħaġġel, b'għadd dejjem jikber ta' impjiegi u kuntratti mhux standard. Dan ifisser li aktar u aktar nies jinsabu f'riskju li ma jibqgħux koperti mid-drittijiet bażiċi, ibda mid-dritt li jkunu jafu l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom. Iktar trasparenza u prevedibbiltà se jkunu ta' benefiċċju kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji.

Il-Kummissjoni tistma li, meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-proposta se tkopri u tipproteġi bejn 2 u 3 miljun ħaddiem addizzjonali b'kuntratti atipiċi. Fl-istess ħin, il-proposta tistabbilixxi wkoll miżuri sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv fuq l-impjegaturi, pereżempju billi jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni mitluba elettronikament. Ir-regoli l-ġodda se joħolqu wkoll kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji, b'tali mod li l-impjegaturi se jibbenefikaw minn kompetizzjoni aktar ġusta fis-suq intern, b'inqas lakuni. Kundizzjonijiet tax-xogħol aktar trasparenti u prevedibbli huma importanti wkoll biex il-forza tax-xogħol tkun iktar motivata u produttiva.

B'mod aktar konkret, il-Kummissjoni timmira li tnaqqas ir-riskju ta' nuqqas ta' protezzjoni tal-ħaddiema:

  • Bl-allinjament tal-kunċett ta' ħaddiem mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-regoli attwali, id-definizzjonijiet jistgħu jvarjaw u ċerti kategoriji ta' ħaddiema jispiċċaw esklużi. Bl-użu tad-definizzjoni ta' ħaddiem li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-Direttiva għandha tiżgura li se jiġu koperti l-istess kategoriji ġenerali ta' ħaddiema.
  • Billi ġġib fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva forom ta' impjieg li bħalissa ta' spiss jiġu esklużi. Dan jinkludi l-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema f'impjiegi part-time marġinali jew ħaddiema fuq kuntratti qosra ħafna, u li testendiha għal forom ġodda ta' impjieg bħalma huma l-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, u l-ħaddiema li jagħmlu parti minn pjattaforma informatika.
  • Bl-iżgurar li l-ħaddiema jiġu pprovduti b'tagħrif aġġornat u estiż direttament fil-bidu tal-impjieg mill-ewwel ġurnata, minflok xahrejn wara d-data tal-bidu kif inhu l-każ bħalissa.
  • Bil-ħolqien ta' drittijiet minimi ġodda, bħad-dritt għal prevedibbiltà akbar ta' xogħol għal dawk li jaħdmu l-aktar bi skeda varjabbli, il-possibbiltà li jitolbu tranżizzjoni lejn forma ta' impjieg iktar stabbli u jirċievu tweġiba bil-miktub, jew id-dritt għal taħriġ obbligatorju mingħajr tnaqqis mis-salarju.
  • Bit-tisħiħ tal-mezzi tal-infurzar u tar-rimedju bħala l-aħħar alternattiva biex jissolva kull nuqqas ta' qbil possibbli, f'każ li d-djalogu ma jkunx biżżejjed.

Id-Direttiva proposta tkun teħtieġ li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u tiġi implimentata mill-Istati Membri permezz ta' leġiżlazzjoni jew permezz ta' ftehimiet kollettivi bejn is-sħab soċjali. Filwaqt li jagħrfu bis-sħiħ l-importanza tad-djalogu soċjali, is-sħab soċjali jkunu jistgħu jimmodulaw id-drittijiet minimi proposti mid-Direttiva diment li l-livell ta' protezzjoni ġenerali tagħhom ikun rispettat.

Din l-inizjattiva hija waħda mill-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li kien ipproklamat waqt is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017. B'mod aktar speċifiku, id-Direttiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Prinċipju 5 dwar l-“Impjieg sigur u adattabbli” u tal-Prinċipju 7 dwar l-“Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-protezzjoni f'każ ta' sensja”.

Kuntest

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar “Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli” taġġorna u tissostitwixxi d-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-1991 (91/533/KEE), li tagħti lill-impjegati li jkunu qed jibdew impjieg ġdid id-dritt li jiġu nnotifikati bil-miktub dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom. Wara aktar minn 25 sena, din id-Direttiva ma baqgħetx tirrifletti r-realtajiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu, b'mod partikolari l-forom il-ġodda ta' impjieg li żviluppaw tul l-aħħar snin. Iż-żieda fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fid-diversità tal-forom tax-xogħol ħolqu impjiegi ġodda u ppermettew li aktar nies isiru attivi professjonalment. Iżda dawn iż-żidiet kixfu wkoll xi nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-ħaddiema u, f'xi każijiet nuqqasijiet li jinvolvu ħaddiema vulnerabbli, ikkontribwixxew għal forom ġodda ta' prekarjetà.

L-inizjattiva tħabbret f'April 2017 flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Hija parti mill-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2018 u segwiet konsultazzjoni f'żewġ stadji tas-sħab soċjali. Is-sħab soċjali ma daħlux f'negozjati biex jipproponu l-ftehim tagħhom stess. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-inizjattiva twieġeb ukoll għar-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jitolbu Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'kull forma ta' impjieg, u tal-4 ta' Lulju 2017 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju, filwaqt li appellat għal reviżjoni tad-Direttiva tal-1991 biex jitqiesu l-forom il-ġodda ta' impjieg.

Il-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta' Diċembru talab lil-leġiżlatur Ewropew biex isir progress malajr fuq fajls soċjali pendenti fil-livell tal-UE li jirreferu wkoll għall-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma tagħha, li jinkludi din id-Direttiva.

Id-Direttiva proposta tħejjiet abbażi ta' konsultazzjoni pubblika apposta u valutazzjoni estensiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti, li r-riżultati tagħhom huma miġbura fil-qosor fil-valutazzjoni tal-impatt.

Il-passi li jmiss

F'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, din il-proposta issa se tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Għal aktar tagħrif

Ara l-MEMO: Il-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol - Mistoqsijiet u Tweġibiet

L-aħbar b'links għal dokumenti legali fuq is-sit web tad-DĠ Impjiegi

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Twitter u Facebook

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut b'xejn bil-posta elettronika

IP/17/5285

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar