Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika: Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019

Brussell, I-14ta' dicembru 2017

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker illum iffirma d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018-2019, flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, u l-Prim Ministru tal-Estonja, Jüri Ratas, li jkollu f'idejh il-Presidenza tal-Kunsill b'rotazzjoni.

Id-Dikjarazzjoni tistabbilixxi 31 proposta leġiżlattiva ġdida mressqa mill-Kummissjoni li se jingħataw trattament prijoritarju mill-Parlament u mill-Kunsill għall-adozzjoni jew għal progress sostanzjali sa ż-żmien tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.

Il-President Juncker qal: “Mill-kampanja elettorali tiegħi fl-2014, jien insistejt li, taħt id-direzzjoni tiegħi, il-Kummissjoni Ewropea se tieħu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar li għandhom sinifikat għaċ-ċittadini tagħna, u se twassal ir-riżultati pożittivi li qed jistennew sa meta jintemm il-mandat tagħna fl-2019. Jien kuntent li nista' nkompli nqiegħed il-fiduċja tiegħi fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill li huma l-alleati tagħna f'dan ix-xogħol. Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE hija l-wegħda tagħna ta' ebda wegħdiet fiergħa. Se jkun impenn li naħdmu b'mod intensiv għat-18-il xahar li ġejjin biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi li qed taffaċċa l-Ewropa llum u li nibqgħu uniti fl-interessi tal-Ewropej.”

Huma u jiffirmaw id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-lum, il-Presidenti tat-tliet Istituzzjonijiet tal-UE qablu li jwasslu aġenda pożittiva għal Unjoni aktar inklużiva u aktar magħquda u li jħejju qafas finanzjarju ġdid għas-snin wara l-2020 li se jiżgura l-bilanċ ġust bejn il-politiki tal-UE fl-interess taċ-ċittadini.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tistabbilixxi seba' oqsma ta' prijorità:

  1. Protezzjoni aħjar għas-sigurtà taċ-ċittadini;
  2. Riforma u żvilupp tal-politika tagħna dwar il-migrazzjoni fi spirtu ta' responsabbiltà u solidarjetà;
  3. Spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment;
  4. Indirizzar tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea;
  5. Twettiq tal-impenn tagħna li nimplimentaw Suq Uniku Diġitali konness;
  6. Twettiq tal-għan tagħna ta' Unjoni tal-Enerġija ambizzjuża u politika progressiva dwar it-tibdil fil-klima; kif ukoll
  7. Iktar żvilupp tal-leġittimità demokratika fil-livell tal-UE.

Barra minn hekk, it-tliet Presidenti qablu li jsegwu l-impenn għal valuri komuni Ewropej, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jaħdmu għal politika kummerċjali robusta, miftuħa u ġusta; jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jiżguraw il-protezzjoni soċjali u d-drittijiet soċjali kif stabbilit fil-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali; jikkontribwixxu għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-paċi; u jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta, drittijiet diġitali u standards etiċi fl-intelliġenza artifiċjali u r-robotika.

Fl-aħħar nett, il-Presidenti tat-tliet Istituzzjonijiet jaqblu wkoll li jkomplu l-ħidma fuq il-proposti pendenti kollha mid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2017, kif ukoll jitrattaw il-proposti leġiżlattivi stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018.

 

Kuntest

Fil-15 ta' Marzu 2016, it-tliet Istituzzjonijiet Ewropej qablu dwar Ftehim Interistituzzjonali (FII) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, skont proposta tal-Kummissjoni Ewropea ippreżentata fl-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar ta' Mejju 2015. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali wassal għal bidliet matul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika, mill-konsultazzjonjiet u l-valutazzjoni tal-impatt għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Skont il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar is-suġġetti ewlenin li għandhom jingħataw prijorità mill-leġiżlaturi, inkluż eżerċizzji ta' simplifikazzjoni għal liġijiet eżistenti.

Kull sena, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni issa qed jiddiskutu l-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE u jaqblu flimkien dwar l-ikbar prijoritajiet tagħhom għas-sena li ġejja, li huma stabbiliti f'Dikjarazzjoni Konġunta annwali. Dan jippermettilhom jaħdmu aktar mill-qrib flimkien biex jindirizzaw l-isfidi l-kbar li hemm quddiemhom.

L-ewwel Dikjarazzjoni Konġunta ġiet iffirmata f'Diċembru 2016.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018

Ftehim interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

IP/17/5266

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar