Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tkompli s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-politika agrikola tal-UE

Brussell, it-13ta' dicembru 2017

Fl-1 ta' Jannar 2018 se jidħlu fis-seħħ għadd ta' bidliet li jkomplu jissemplifikaw u jimmodernizzaw il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Wara li ġiet adottata t-taqsima tal-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus dwar l-agrikultura u l-iżvilupp rurali mill-Kunsill tal-Ministri tal-agrikultura u mill-Parlament Ewropew, fl-1 ta' Jannar 2018 se jidħol fis-seħħ għadd ta' titjib importanti għar-regoli agrikoli tal-UE. Ir-Regolament Omnibus jemenda r-regolament finanzjarju li jirregola l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kif ukoll 15-il att leġiżlattiv settorjali, inkluż fil-qasam tal-agrikultura.

L-Omnibus jissemplifika u jsaħħaħ regoli eżistenti tal-UE dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet agrikoli, fosthom il-ġestjoni tar-riskji u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ. Huwa l-iktar pass riċenti f'sensiela ta' miżuri ta' semplifikazzjoni u modernizzazzjoni implimentati mill-Kummissjoni.

Il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, stqarr: "Nilqa' l-iżviluppi li saru fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Iwittu t-triq għall-implimentazzjoni ta' sensiela ta' miżuri sinifikanti ta' semplifikazzjoni, li se jagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-bdiewa u għal benefiċjarji oħra tal-PAK. Il-miżuri jinkludu, fost l-oħrajn, is-semplifikazzjoni tar-regoli għall-istrumenti finanzjarji, it-titjib tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskji, u aktar flessibbiltà għad-dispożizzjoni tal-bidwi attiv. Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi tar-rwol u tal-ħidma sfiqa min-naħa tar-relaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Presidenza Estonjana matul il-proċess tat-trilogu, biex jiżguraw li dawn il-miżuri ta' semplifikazzjoni jkunu disponibbli għall-bdiewa mill-1 ta' Jannar 2018. L-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-PAK ix-xahar li għadda hija turija oħra tal-impenn tagħna biex inkomplu għaddejjin bl-aġenda li nwasslu aktar semplifikazzjoni lill-bdiewa u lill-partijiet ikkonċernati kollha. Il-ħtieġa ta' aktar semplifikazzjoni kienet tinħass bil-qawwi.”

Firxa wiesgħa ta' dispożizzjonijiet

Ir-Regolament Omnibus jinkludi, fost l-oħrajn, it-titjibiet prinċipali li ġejjin:

  • Sostenn aktar qawwi tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Ir-regoli l-ġodda se jinkludu wkoll klawżoli dwar il-qsim tal-valur li għandhom jiġu nnegozjati minn kull settur ta' prodotti, filwaqt li jagħtu lill-bdiewa d-dritt li jitolbu kuntratt bil-miktub għall-ewwel darba (għajr fil-kummerċ mal-SMEs);
  • Għodod issemplifikati għall-ġestjoni tar-riskji biex jgħinu lill-bdiewa, inkluż għodda għall-istabbilizzazzjoni tad-dħul speċifika għas-settur, u t-titjib ta' skemi tal-assigurazzjoni li jippermettu kumpens sa 70 % għall-bdiewa li l-produzzjoni jew id-dħul tagħhom jitnaqqas b'tal-inqas 20 %;
  • Regoli iktar ċari għall-intervent fis-swieq, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' taġixxi malajr biex tindirizza fallimenti tas-suq mingħajr ma jkollha tuża l-intervent pubbliku jew miżuri ta' ħżin privat;
  • Aktar flessibbiltà għall-Istati Membri biex jappoġġaw lil setturi speċifiċi ta' importanza ekonomika, soċjali jew ambjentali, permezz tal-appoġġ akkoppjat volontarju, anke fejn is-setturi kkonċernati ma jkunux fi kriżi;
  • Regoli aktar ċari dwar l-appoġġ lill-bdiewa, speċifikament permezz ta' aktar flessibbiltà għad-definizzjoni tal-bidwi attiv, inċentivi iktar qawwija għall-bdiewa ż-żgħażagħ, b'żieda fil-pagamenti addizzjonali minn 25 % sa 50 % u bid-dritt garantit għall-allokazzjoni sħiħa ta' ħames snin għal dawn il-pagamenti, irrispettivament minn meta japplikaw għalihom waqt l-ewwel ħames snin tal-istabbiliment tagħhom;
  • Miżuri ambjentali mtejba, inkluż regoli aktar sempliċi dwar id-diversifikazzjoni tal-għelejjel, u ż-żieda ta' tliet tipi ġodda ta' żona ta' konċentrazzjoni ekoloġika ffukati fuq l-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu, b'mod li l-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aktar alternattivi mnejn jagħżlu skont iċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom.

B'enfażi ċara fuq regoli iktar flessibbli u inqas burokratiċi, kif ukoll fuq it-titjib tar-riżultati f'oqsma ewlenin bħall-azzjoni ambjentali u l-appoġġ lill-bdiewa, il-bidliet proposti permezz tal-Omnibus huma għalkollox bi qbil mal-approċċ il-ġdid għall-PAK mill-2020 ‘il quddiem, kif imfassal fil-Komunikazzjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja li ħarġet dan l-aħħar.

Kuntest

Il-proposta tal-Omnibus, li ġiet adottata mill-Kummissjoni f'Settembru 2016, tinkludi sensiela ta' bidliet għar-Regolament Finanzjarju u emendi għal għadd ta' regolamenti oħra dwar l-infiq, fosthom l-erba' regolamenti tal-PAK. L-għan ta' dawn l-emendi kien li jantiċipaw is-semplifikazzjoni li tant kienet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola, wara l-esperjenza miksuba mindu ġiet adottata l-aħħar riforma tal-PAK fl-2013.

Wara negozjati intensivi f'erba' trilogi matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017, intlaħaq ftehim fuq id-dispożizzjonijiet agrikoli bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-12 ta' Ottubru 2017. Filwaqt li qiesu li n-negozjati dwar taqsimiet oħra tal-proposta tal-Omnibus għad iridu jintemmu, kif ukoll li bosta Stati Membri jixtiequ jimplimentaw il-proposti maqbula mill-aktar fis, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftiehmu li jifirdu d-dispożizzjonijiet agrikoli tal-Omnibus u li jadottawhom bħala regolament għalih li jkun jidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018.

IP/17/5242

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar