Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aktar trasparenza dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE: reġistru ġdid tal-atti delegati

Brussell, it-13ta' dicembru 2017

Reġistru ġdid onlajn, imniedi nhar it-Tlieta, 12 ta' Diċembru, se jagħmilha iktar faċli biex wieħed ifittex u jintraċċa d-deċiżjonijiet tal-UE meħuda f'forma ta' atti delegati.

Biex jgħin lill-pubbliku u lill-partijiet interessati jsegwu din il-parti tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, ġie mniedi reġistru online ġdid komuni mit-tliet istituzzjonijiet, biex kulħadd ikun jista' jfittex faċilment u jsib l-atti delegati marbuta ma' ċertu suġġett jew leġiżlazzjoni.

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans qal: “Illum qed inwettqu mill-ġdid l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-impenn konġunt tagħna mal-Parlament u mal-Kunsill biex ir-regolamentazzjoni aħjar għaċ-ċittadini tal-Ewropa. Bit-tnedija ta' dan ir-reġistru online ġdid illum, qegħdin nagħmlu lill-UE aktar trasparenti u jiftaħ twieqi fuq il-proċess tal-adozzjoni ta' regoli tekniċi biex jiġu implimentati l-politiki tagħna”.

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal: “Ir-reġistru għandu jippermetti liċ-ċittadini li jsegwu l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-atti ddelegati, li ħafna drabi jidhru tekniċi, iżda jista' jkun politikament sensittiv ukoll. Din hija tweġiba għal dak li ilu jisħaq fuqha l-Parlament biex it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jinġieb eqreb lejn iċ-ċittadini u b'hekk l-istituzzjonijiet tal-UE u bl-liġi tal-UE jsiru aktar trasparenti.”

Il-Viċi Ministru għall-Affarijiet tal-UE, Matti Maasikas, f'isem il-Presidenza Estonjana tal-Kunsill qal: “Il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE jrid isir iktar aċċessibbli għaċ-ċittadini. Ninsab kuntent li r-reġistru l-ġdid mniedi llum se jagħmilha iktar faċli għal kulħadd biex isegwi kif ikunu adottati l-atti delegati. Dan huwa skont l-għan tagħna li nwasslu għal aktar trasparenza fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE.”

Ir-Reġistru Interistituzzjonali l-ġdid tal-Atti Delegati joffri stampa sħiħa taċ-ċiklu tal-ħajja ta' dan il-proċess. Huwa jippermetti lill-utenti jfittxu u jsegwu l-iżvilupp tal-atti delegati mill-istadju ta' ppjanar imwettaq mill-Kummissjoni sal-pubblikazzjoni finali fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-reġistru juri wkoll il-passi varji meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill kif ukoll il-ħidma tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jkunu involuti fit-tħejjija tal-atti delegati. Ir-Reġistru jżid it-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet hekk kif joffri punt uniku ta' servizz għall-atti delegati fejn tista' tinstab l-informazzjoni kollha rilevanti. Huwa jippermetti wkoll lill-utenti li jabbonaw u jirċievu notifiki dwar l-iżvilupp ta' atti delegati speċifiċi li jkunu interessati fihom.

L-atti delegati jintużaw biex jissupplimentaw jew jemendaw il-liġijiet tal-UE. L-atti delegati huma l-aktar komuni fl-oqsma tal-ekonomija, l-agrikultura, l-ambjent u s-saħħa pubblika, is-suq uniku u l-kummerċ. Huma forma ta' leġiżlazzjoni sekondarja li tintuża, pereżempju, biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti tekniċi fil-leġiżlazzjoni. Il-Parlament u l-Kunsill jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tfassal atti delegati, li mbagħad jiġu ppreżentati lilhom. Il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jirrifjutaw l-abbozzi ta' atti delegati.

Sfond

Fil-15 ta' Marzu 2016, it-tliet Istituzzjonijiet tal-UE qablu dwar Ftehim Interistituzzjonali (IIA) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżentata fl-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar ta' Mejju 2015. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali jistabbilixxi bidliet matul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika, mill-konsultazzjonijiet u l-valutazzjoni tal-impatt għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Skont il-Ftehim Interistituzzjonali, it-tliet Istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017, jistabbilixxu reġistru funzjonali konġunt ta' atti delegati, li jipprovdi informazzjoni b'mod strutturat tajjeb u faċli għall-utent sabiex tiżdied it-trasparenza, jiġi ffaċilitat l-ippjanar u tkun tista' ssir it-traċċabbiltà tal-istadji differenti kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' att delegat. It-tnedija tal-lum tar-reġistru twettaq dan l-impenn.

Għal aktar tagħrif

Ir-reġistru tal-Atti Delegati

Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

Fuljett dwar Reġistru tal-Atti Delegati

IP/17/5221

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar