Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni telimina l-lakuni tal-informazzjoni sabiex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini

Strasburgu, it-12ta' dicembru 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li telimina l-lakuni tal-informazzjoni billi taġġorna s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, il-fruntieri u l-migrazzjoni u tagħmilhom jaħdmu flimkien b'mod aktar intelliġenti u aktar effiċjenti.

Il-miżuri se jippermettu skambju ta' informazzjoni u kondiviżjoni ta' dejta bejn is-sistemi differenti u se jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri u l-uffiċjali tal-pulizija jkollhom aċċess għall-informazzjoni t-tajba eżattament fejn u meta jeħtiġuha biex iwettqu l-kompiti tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-ogħla standards ta' protezzjoni tad-dejta u rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Fil-kuntest tal-isfidi tas-sigurtà u migratorji riċenti, il-proposta se tiżgura aktar sikurezza taċ-ċittadini tal-UE billi tiffaċilita l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u żżid is-sigurtà interna.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, stqarr: “ll-veloċità hija rilevanti meta rridu nipproteġu ċ-ċittadini tagħna kontra t-terroriżmu u nsalvaw il-ħajjiet. F'dan il-mument, is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri qed jaħdmu separatament, ħaġa li ddewwem l-eżekuzzjoni tal-liġi. Permezz tal-proposta tagħna, dawn se jsiru interoperabbli bis-sħiħ. Dan ifisser li min jeżegwixxi l-liġi f'kull post fl-UE se jkun jista' jaħdem direttament u instantanjament bl-informazzjoni kollha disponsibbli.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Illum, qegħdin inwettqu l-element finali u dak l-aktar importanti fix-xogħol tagħna biex neliminaw id-distakki u nneħħu l-punti mhux viżibbli fis-sistemi ta' informazzjoni tagħna għas-sigurtà, il-fruntieri u l-migrazzjoni. Minn issa ‘l quddiem, il-gwardji tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u tal-pulizija jenħtieġ ikollhom l-informazzjoni t-tajba fil-waqt xieraq biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Din hija inizjattiva ewlenija għal din il-Kummissjoni, u nħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jagħmluha wkoll prijorità tagħhom u jwettqu xogħlhom sal-2018.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: “Jenħtieġ li t-terroristi u l-kriminali serji ma jaħarbux mix-xibka jew mir-radar ta' sigurtà tagħna. Dan huwa approċċ ġdid ambizzjuż għall-ġestjoni u l-użu ta' informazzjoni eżistenti: huwa aktar intelliġenti u mmirat; irażżan l-identitajiet multipli u jsaħħaħ verifiki effettivi tal-pulizija; itebbaq iż-żoni fejn hemm id-distakk biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jipproteġi wkoll id-dejta permezz tad-disinn u b'mod awtomatiku.”

Attwalment, is-sistemi tal-informazzjoni tal-UE ma jikkonnettjawx flimkien – l-informazzjoni hija maħżuna separatament f'sistemi mhux konnessi flimkien, li tagħmilhom frammentati, kumplessi u diffiċli li jiġu operati. Dan jirriskja li biċċiet ta' informazzjoni jaħarbu mix-xibka u t-terroristi u l-kriminali ma jinkixfux billi jużaw identitajiet multipli jew frodulenti, li jipperikola s-sigurtà interna tal-UE u jagħmel il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni aktar ta' sfida. Il-miżuri li ġew proposti llum se jeliminaw dawn id-distakki u jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-gwardji tal-fruntiera u lill-pulizija tkun kompluta, akkurata u affidabbli. L-istrumenti l-ġodda se jgħinu għal detezzjoni aħjar ta' persuni li huma ta' theddida mhux biss meta jaqsmu l-fruntieri tal-UE, iżda wkoll meta jivvjaġġaw f'Schengen. Permezz ta' kontroverifiki simultanji tal-informazzjoni f'bażijiet tad-dejta differenti u simplifikar fl-aċċess mill-pulizija, l-istrumenti ġodda se jallertaw lill-gwardji tal-fruntieri jew il-pulizija b'mod rapidu jekk persuna tkun qiegħda tuża identitajiet multipli jew frodi tal-identità. Huma se jgħinu wkoll biex persuni vulnerabbli bħall-minorenni mhux akkumpanjati jiġu identifikati aħjar, filwaqt li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati bis-sħiħ.

Intebbqu ż-żoni fejn hemm id-distakk u neliminaw il-punti mhux viżibbli

Il-proposta tal-lum tintroduċi elementi ġodda biex tagħmel użu aktar intelliġenti u mmirat mill-informazzjoni disponibbli fis-sistemi eżistenti u futuri: Dan se jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali:

  • jagħmlu l-aħjar użu mid-dejta eżistenti. Il-portal ta' tfittix Ewropew se jipprovdi "one-stop shop" fuq skrin tal-kompjuter waqt li l-gwardji tal-fruntiera jew l-uffiċjali tal-pulizija jkunu qegħdin jivverifikaw d-dokumenti tal-identità. Minflok ma jkollhom niddeċiedu liema bażi tad-dejta għandha tiġi verifikata f'sitwazzjoni partikolari, l-uffiċjali se jkunu jistgħu ifittxu simultanjament f'sistemi ta' informazzjoni multipli tal-UE. Dan se jtemm id-distakki fl-informazzjoni u jiżgura li l-uffiċjali jkollhom stampa sħiħa ta' persuna bla dewmien.
  • jagħrfu identitajiet multipli u jiġġieled kontra l-frodi tal-identità Servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku – bl-użu ta' dejta bijometrika, bħall-fingerprints jew l-immaġnijiet tal-uċuħ, biex jiskanja bażijiet ta' dejta eżistenti u jippermetti d-detezzjoni tal-informazzjoni f'sistemi ta' informazzjoni differenti tal-UE. Repożitorju komuni tal-identità – se jipprovdi informazzjoni bijografika u bijometrika, bħall-ismijiet u d-dati ta' twelid ta' ċittadini mhux tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod affidabbli. Filwaqt li jibni fuq dawn, detettur tal-identitajiet multipli se jimmarka immedjatament lill-gwardji tal-fruntiera u lill-pulizija każijiet ta' identitajiet frodulenti jew multipli.
  • biex iwettqu verifiki rapidi u efettivi. Meta jwettaq verifiki f'ċertu pajjiż, l-uffiċjali tal-pulizija se jkunu jistgħu jistaqsu dwar id-dejta tal-identità ta' ċittadini ta' pajjiż terz u jikkonfermaw min huma, inkluż għall-fini li jikxfu identitajiet multipli.

Il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ b'żewġ passi għal dawk l-uffiċjali tal-pulizija li jipprevjenu, jinvestigaw, jikxfu jew jipprosegwixxu kriminalità serja jew terroriżmu biex jaċċessaw l-informazzjoni li jeħtieġu dwar ċittadini ta' pajjiż terz f'sistemi mhux ta' eżekuzzjoni tal-liġi. B'rispett sħiħ għall-protezzjoni tad-dejta, l-approċċ jiċċara li bħala l-ewwel pass it-tfittix se jitwettaq fuq bażi ta' “hit/no hit”. Bħala t-tieni pass, jekk tiġi ġġenerata “hit”, l-uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġi jistgħu jitolbu aċċess għall-informazzjoni meħtieġa f'konformità mar-regoli u s-salvagwardji rispettivi. Biex jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-pulizija jkollhom informazzjoni kompluta u preċiża għad-dispożizzjoni tagħhom, se jinħolqu wkoll mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità.

Il-bini tar-reżiljenza f'kull qasam

Illum, il-Kummissjoni rrapportat ukoll dwar il-progress li sar fuq fajls prijoritarji oħrajn relatati mas-sigurtà, inklużi l-proposti leġiżlattivi li għadhom għaddejjin biex isaħħu sistemi ta' informazzjoni u l-implimentazzjoni korretta u applikazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni u l-istrumenti eżistenti. It-12-il rapport tal-Unjoni tas-Sigurtà jikkunsidra l-azzjonijiet meħuda biex jinnegaw lit-terroristi l-mezzi biex jaġixxu, isaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika, jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni online u offline, u biex jibnu d-dimensjoni ta' sigurtà esterna.

Sfond

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f'Settembru 2016 enfasizza l-importanza tan-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tad-dejta u li titjieb l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni eżistenti. L-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar poġġew dan f'dawl aktar qawwi, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li s-sistemi ta' informazzjoni jkunu interoperabbli, u li jiġu eliminati l-punti mhux viżibbli attwali fejn suspettati terroristiċi jistgħu jiġu rreġistrati f'bażijiet tad-dejta differenti u mhumiex konnessi ma' xulxin, taħt psewdonimi differenti.

F'April 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni dwar sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti filwaqt li bdiet diskussjoni dwar kif tara li s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jaħdmu aħjar biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri u tas-sigurtà interna. Bħala parti minn dan il-proċess inklużiv u trasparenti, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar sistemi ta' informazzjoni u interoperabbiltà biex imexxu 'l quddiem din il-ħidma u biex jindirizzaw l-isfidi legali, tekniċi u operazzjonali biex tinkiseb l-interoperabbiltà. Il-grupp ta' esperti ta' livell għoli ppreżenta r-rapport finali tiegħu f'Mejju 2017 li stabbilixxa firxa ta' rakkomandazzjonijiet. Filwaqt li tibni fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi approċċ ġdid biex tikseb l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE għas-sigurtà, il-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni sal-2020 u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, proposta leġiżlattiva dwar l-interoperabbiltà. Dan kien segwit b'diskussjoni konġunta bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-triq 'il quddiem dwar l-interoperabbiltà.

F'Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew tenna mill-ġdid il-ħtieġa li jaġixxi u stieden lill-Kummissjoni tħejji, mill-aktar fis possibbli, abbozz ta' leġiżlazzjoni li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli. Fil-kuntest tal-Programm ta' Ħidma 2018, il-Kummissjoni ħabbret li proposta dwar l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni se tiġi ppreżentata sa tmiem l-2017.

Għal Aktar Informazzjoni

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE (pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja, ażil u migrazzjoni)

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE (fruntieri u viża)

 Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Il-Valutazzjoni tal-Impatt (parti 1)

 Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Il-Valutazzjoni tal-Impatt (parti 2)

 Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt

It-Tnax-il Rapport ta' Progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

M u T: L-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, il-fruntieri u l-migrazzjoni

Skeda informattiva: L-Unjoni tas-Sigurtà - It-tneħħija tad-distakk tal-informazzjoni

Skeda informattiva: Is-Sistemi ta' Informazzjoni tal-UE

Ewrobarometru

IP/17/5202

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar