Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

€278 biljun diġà investiti fl-ekonomija reali tal-Ewropa taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Brussell, it-13ta' dicembru 2017

Rapport ġdid ippubblikat illum jenfasizza dak li l-ħames fondi tal-UE kisbu mill-bidu tal-perjodu ta' finanzjament, hekk kif l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 issa laħqet il-qofol tagħha.

Sa Ottubru 2017, kważi nofs il-baġit tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) għall-201-2020 ġie impenjat għal proġetti konkreti. Sal-aħħar tal-2016, kważi 793,500 negozju rċevew appoġġ mill-fondi, filwaqt li nħolqu madwar 154,000 impjieg ġdid.

Diġà bbenefikaw 7.8 miljun persuna minn għajnuna biex isibu impjieg jew biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li tjiebet il-bijodiversità ta' 23,5 miljun ettaru ta' art agrikola. B'mod globali, 2 miljun proġett iffinanzjat mill-UE ġew magħżula sal-aħħar tal-2016, li jammonta għal miljun iktar mis-sena ta' qabel.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, stqarr: “Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom rwol kruċjali fit-tisħiħ tas-Suq Uniku tagħna. Huma jgħinu lill-ekonomiji tagħna jikbru u jixprunaw il-ħolqien tax-xogħlijiet u l-innovazzjoni fl-Ewropa. L-għaqda ta' Fondi Strutturali mal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi wkoll tippermetti l-finanzjament ta' proġetti iktar riskjużi iżda promettenti. Ninkoraġġixxi l-promoturi tal-proġetti biex iqisu din l-għażla.”

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, qalet: “L-għadd ta' proġetti finanzjati mill-UE rdoppjaw f'sena waħda biss, li juri li issa lħaqna l-qofol f'termini ta' implimentazzjoni. Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej qed jaħdmu b'mod sħiħ u se jixprunaw lill-Ewropa fid-deċennju li jmiss.”

Apparti l-proġetti diġitali, tal-inklużjoni soċjali u ambjentali finanzjati mill-UE li issa qed jiġu terminati, ir-rapport juri li novitajiet introdotti fil-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 taw ir-riżultati.

Prerekwiżiti ġodda kkontribwixxew għal ambjent aħjar għall-investimenti

F'Marzu 2017, l-ewwel valutazzjoni tal-prerekwiżiti l-ġodda għal investimenti ta' suċċess (“kondizzjonalitajiet ex ante) uriet li dawn huma inċentivi b'saħħithom għal riformi madwar varjetà wiesgħa ta' setturi - konformità mal-leġiżlazzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija jew tal-akkwist pubbliku, l-ippjanar tal-investiment għall-innovazzjoni, it-trasport jew it-teknoloġiji diġitali.

Għall-perjodu ta' finanzjament ta' wara l-2020, huwa ppjanat li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-fondi tal-UE u l-appoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri, kif spjegat fid-dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE tal-Kummissjoni u fil-proposti tal-Kummissjoni għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, ippreżentati l-ġimgħa l-oħra.

Inqas burokrazija għall-benefiċjarji tal-fondi

Ir-rapport isemmi li l-Istati Membri qed jużaw dejjem iktar l-opportunitajiet ta' simplifikazzjoni tal-qafas ta' Politika ta' Koeżjoni 2014-2020, jiġifieri proċeduri onlajn fil-ġestjoni tal-fondi (“koeżjoni elettronika”), proċessi ta' applikazzjoni iktar sempliċi għan-negozji (“punti uniċi ta' dħul”) u modi iktar sempliċi biex il-benefiċjarji jieħdu rimborżi mill-UE.

Is-simplifikazzjoni wkoll tinsab fil-qalba tar-riflessjoni dwar it-tfassil tal-Politika ta' Koeżjoni futura, b'input ta' valur tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni.

Użu iktar intelliġenti ta' riżorsi disponibbli għal iktar mobilizzazzjoni tal-finanzi privati

F'konformità mal-objettiv tal-Pjan ta' Investiment li jiġu mobilizzati iktar investimenti, il-qafas tal-2014-2020 ġie stabbilit biex jiġi appoġġat użu iktar mifrux ta' strumenti finanzjarji. Sal-aħħar tal-2016, ġew impenjati €13.3 biljun taħt il-programmi tal-Fondi tal-SIE għal dawn l-istrumenti, l-iktar għal appoġġ tal-SMEs, għar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

Iktar minn 76,000 negozju bħalissa huma appoġġati mill-fondi tal-SIE permezz ta' strumenti finanzjarji. Proġetti ta' appoġġ għall-SMEs magħżula sa issa taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jirrappreżentaw €11.5 biljun ta' finanzjament privat sfruttat, minn mira ta' €42 biljun. 

Aktar informazzjoni:

Skeda informattiva - Il-ħidma tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Ir-Rapport strateġiku tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Il-Pjattaforma tad-Dejta Miftuħa dwar il-Koeżjoni

 

IP/17/5201

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar