Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Glifosat: Il-Kummissjoni twieġeb lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u tħabbar li se jkun hemm aktar trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi

Strasburgu, it-12ta' dicembru 2017

Il-Glifosat: Il-Kummissjoni twieġeb lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u tħabbar li se jkun hemm aktar trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi

Bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni llum, il-Kummissjoni wieġbet lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (European Citizens' Initiative, ECI) “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi” u timpenja ruħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2018, biex iżżid aktar it-trasparenza u l-kwalità tal-istudji li jintużaw fil-valutazzjoni xjentifika tas-sustanzi.

 

Bit-tweġiba tagħha lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tal-UE u tħabbar miżuri biex il-proċess għall-awtorizzazzjoni, ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi jkun aktar trasparenti fil-ġejjieni.

Il-Komunikazzjoni tal-lum twitti t-triq 'il quddiem:

  • Twieġeb lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u b'hekk tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tar-regoli tal-UE dwar il-pestiċidi;
  • Tħabbar proposta leġiżlattiva għar-rebbiegħa tal-2018 sabiex issaħħaħ it-trasparenza, il-kwalità u l-indipendenza tal-valutazzjonijiet xjentifiċi tas-sustanzi, bħal pereżempju l-aċċess pubbliku għad-dejta mhux ipproċessata, u;
  • Tħabbar emendi futuri għal-leġiżlazzjoni biex tissaħħaħ il-governanza tat-twettiq tal-istudji rilevanti, li pereżempju tista' tinkludi l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tad-deċiżjoni dwar liema studji jridu jitwettqu għal każ speċifiku.

Barra minn hekk, u wara valutazzjoni xjentifika bir-reqqa tad-dejta kollha disponibbli dwar il-glifosat li tikkonkludi li ma hemm l-ebda rabta bejn il-glifosat u l-kanċer fil-bniedem, u vot favur din is-sustanza mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fis-27 ta' Novembru 2017[1], illum il-Kummissjoni adottat tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat għal 5 snin. Il-perjodu li normalment tipproponi l-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni meta jkunu ġew issodisfati l-kriterji kollha għall-approvazzjoni huwa ta' 15-il sena, iżda l-glifosat mhuwiex każ normali. Din il-kwistjoni ġiet diskussa diversi drabi mill-Kummissjoni li f'dawn l-aħħar xhur kienet qed taħdem lejn deċiżjoni li tiġbor l-aktar appoġġ wiesa' possibbli mill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-proposta finali tal-Kummissjoni għal tiġdid ta' 5 snin qieset ukoll l-aktar Riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti reċenti adottati mill-Parlament Ewropew.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, stqarr: “Huwa tajjeb ħafna li aktar minn miljun ċittadin tal-UE investew l-ħin tagħhom biex jinvolvu ruħhom direttament f'kwistjoni li hija importanti. Il-Kummissjoni semgħet u issa se taġixxi. Neħtieġu aktar trasparenza dwar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f'dan il-qasam. Fir-rebbiegħa li jmiss il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti dwar l-ilma tajjeb għax-xorb li wegħedna bħala tweġiba lil inizjattiva oħra ta' suċċess. Fil-qosor, jien insostni b'mod qawwi d-dritt taċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom b'dan il-mod u qed inħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kunsill biex jagħmlu progress malajr fuq il-proposti tagħna biex fil-ġejjieni jkun aktar faċli li l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ikunu ta' suċċess.”

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis qal: “Ili nsostni ż-żieda tat-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-bidu tal-mandat tiegħi, anki f'termini ta' aċċess għall-istudji xjentifiċi li fuqhom hija bbażata l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. Se nressaq proposta biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet sar-rebbiegħa tal-2018. Madankollu huwa wkoll importanti li l-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi fis-swieq tagħhom stess. Iridu wkoll jiżguraw li l-pestiċidi jintużaw b'mod sostenibbli u f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tat-tikketta. L-għanijiet tagħna huma t-trasparenza, l-indipendenza u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Dawn għandhom ikunu l-bażi tal-ħidma tagħna u se niffoka fuqhom”.

 

It-tweġiba tal-Kummissjoni għat-tliet talbiet tal-ECI:

1. “Il-projbizzjoni tal-erbiċidi abbażi tal-glifosat, li l-esponiment għalihom huwa marbut mal-kanċer fil-bniedem, u wassal għad-degradazzjoni tal-ekosistemi”:

L-Istati Membri huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni, l-użu u/jew il-projbizzjoni tal-prodotti bbażati fuq il-glifosat fit-territorji tagħhom. Fl-UE, is-sustanzi li għalihom hemm evidenza oġġettiva għall-użu sikur biss huma approvati. Wara valutazzjoni xjentifika bir-reqqa tad-dejta kollha disponibbli dwar il-glifosat li tikkonkludi li ma hemm l-ebda rabta bejn il-glifosat u l-kanċer fil-bniedem, u vot favur din is-sustanza mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fis-27 ta' Novembru 2017, illum il-Kummissjoni adottat tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat għal 5 snin. Il-President Juncker żied din il-kwistjoni mal-aġenda tal-Kulleġġ f'diversi okkażjonijiet, biex jiżgura sjieda politika sħiħa mill-Kummissjoni. Abbażi ta' dawn id-diskussjonijiet politiċi, u filwaqt li qieset il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas it-tul tat-tiġdid propost mill-istandard ta' 15-il sena għal 5 snin, u dan żgura wkoll l-aktar appoġġ wiesa' possibbli mill-Istati Membri.

2. “Assigurazzjoni li l-valutazzjoni xjentifika tal-pestiċidi għall-approvazzjoni regolatorja fil-livell tal-UE tkun ibbażata biss fuq studji ppubblikati, ikkummisjonati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti minflok l-industrija tal-pestiċidi”:

Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ li t-trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija vitali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-sistema regolatorja tas-sikurezza alimentari. Iż-żamma u t-titjib ta' valutazzjoni xjentifika b'saħħitha, trasparenti u indipendenti huma kruċjali. Sar-rebbiegħa tal-2018, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva li tkopri dawn l-aspetti u aspetti rilevanti oħrajn bħal pereżempju l-governanza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Il-Kummissjoni se tipproponi li tbiddel ir-regoli attwali sabiex tiżgura li l-istudji xjentifiċi jkunu disponibbli għall-pubbliku. Iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jifhmu kif jittieħdu deċiżjonijiet estensivi bħal dawn biex jiġu awtorizzati jew projbiti ċerti sustanzi. Ir-responsabbiltà politika u aktar trasparenza huma ż-żewġ naħat tal-istess munita.

3. “Jiġu stabbiliti miri obbligatorji fil-livell tal-UE għat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi, bl-għan li jkollna ġejjieni ħieles mill-pestiċidi”:

Il-politika tal-UE diġà hija indirizzata lejn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi u lejn il-kisba ta' ġejjieni ħieles mill-pestiċidi kif titlob l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli u biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-pestiċidi. L-Istati Membri ġew mistiedna wkoll biex jistabbilixxu miri aktar preċiżi u li jistgħu jitkejlu fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġu mmonitorjati t-tendenzi fit-tnaqqis tar-riskju mill-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tistabbilixxi indikaturi tar-riskju armonizzati minbarra l-indikaturi tar-riskju nazzjonali eżistenti. Dawn jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni biex tiddetermina l-effettività tal-miżuri meta tkun qed tivvaluta l-għażliet ta' politiki futuri. Il-Kummissjoni se tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni abbażi tad-dejta li tirriżulta u tivvaluta l-ħtieġa ta' miri obbligatorji għall-pestiċidi għall-UE kollha.

 

Il-passi li jmiss:

- Dwar it-tħejjija ta' proposta leġiżlattiva:F'Jannar 2018 se jiġi ppubblikat rapport dwar il-Kontroll tal-Idoneità tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel li se jieħu kont tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Se titneda wkoll konsultazzjoni pubblika biex tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-proposta li għandha tiġi ppreżentata sar-rebbiegħa tal-2018.

- Dwar l-użu aktar sostenibbli tal-pestiċidi, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri fuq il-bażi ta' rapport li ġie ppubblikat f'Ottubru li għadda.

 

Kuntest:

Il-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat iġġenerat ħafna interess u dibattitu usa' dwar l-awtorizzazzjoni u l-użu tal-pestiċidi fl-UE. Fis-27 ta' Novembru 2017, l-Istati Membri vvutaw favur il-proposta tal-Kummissjoni li l-approvazzjoni tiġġedded għal 5 snin.

Fuq talba tal-President Juncker, il-kwistjoni ġiet diskussa diversi drabi mill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Il-Kummissjoni ilha taħdem lejn deċiżjoni li tiġbor l-aktar appoġġ wiesa' possibbli mill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara proċess xjentifiku komprensiv u trasparenti, fejn aktar minn 6,000 paġna ta' valutazzjoni xjentifika kienu disponibbli għall-pubbliku.

Filwaqt li 15-il sena huwa l-perjodu li normalment tipproponi l-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni meta jkunu ġew issodisfati l-kriterji kollha għall-approvazzjoni, il-glifosat mhuwiex każ normali. Tqiesu fatturi leġittimi oħra meta ġie stabbilit il-perjodu xieraq għat-tiġdid, bħal pereżempju l-fatt li qed tiġi ppubblikata informazzjoni addizzjonali dwar is-sustanza b'rata għolja. Barra minn hekk, il-proposta finali tal-Kummissjoni għal tiġdid ta' 5 snin qieset l-aktar Riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti reċenti adottati mill-Parlament Ewropew. Id-deċiżjoni li hija adottata uffiċjalment illum, qieset bir-reqqa wkoll l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi”.

Fil-bidu tal-mandat tiegħu, il-President Juncker ħabbar li l-governanza b'astensjoni m'għandhiex tkun għażla possibbli u ppropona li jinbidlu l-hekk imsejħa regoli ta' komitoloġija sabiex tittejjeb it-trasparenza dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata aktar responsabbiltà politika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għaċ-ċittadini tagħna.

 

Għal aktar informazzjoni:

Id-dokumenti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet relatati adottati llum mill-Kummissjoni, se jkunu disponibbli hawn.

Mistoqsijiet u tweġibiet: It-tweġiba mill-Kummissjoni lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Glifosat

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi

Approvazzjoni tal-pestiċidi fl-UE

Skeda informattiva: “Pestiċidi fl-UE: awtorizzazzjoni u użu”

Segwina fuq Twitter: @Food_EU

 

[1]Kumitat ta' Appell fis-27 ta' Novembru 2017, intlaħqet opinjoni pożittiva mal-Istati Membri, 18 minnhom (65.71 % tal-popolazzjoni tal-UE) ivvutaw favur it-tiġdid, 9 (32.26 %) kontra u 1 (2.02 %) astjena.

 

 

 

 

 

 

 

IP/17/5191

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar