Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

#InvestEU: Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom dwar l-adozzjoni finali tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi estiż u mtejjeb

Strasburgu, it-12ta' dicembru 2017

Il-vot plenarju tal-Parlament Ewropew japprova l-FEIS 2.0

Illum il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw biex jadottaw ir-Regolament li jestendi u jtejjeb il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-pilastru ċentrali tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Dan l-aħħar pass ittieħed b'suċċess wara li ntlaħaq qbil fil-prinċipju mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri fit-13 ta' Settembru.

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Il-Pjan ta' Investiment ġab benefiċċji reali lill-kumpaniji madwar l-Ewropa. U nixtiequ naħdmu aktar. Tajna kas ir-reazzjonijiet li rċevejna dwar kif jaħdem il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u tejjibnieh. Qegħdin nagħmlu mezz li d-deċiżjonijiet tal-FEIS dwar l-investimenti jsiru aktar trasparenti u qegħdin nipprovdu aktar appoġġ tekniku fil-livell lokali. Qegħdin ukoll nestendu l-FEIS sa tmiem l-2020 u l-mira tal-investiment tiegħu għal EUR 500 biljun. Il-FESI diġà għen fil-ħolqien ta' 300 000 impjieg - ejja nibqgħu sejrin hekk”.

“Meta ħabbarnieh l-ewwel darba l-FEIS, kien hemm xi xettiċiżmu,” qal il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Werner Hoyer. “Fl-aħħar sentejn u nofs urejna li din l-inizjattiva tat il-frott. Bis-saħħa tagħha ġew appoġġati eluf ta' kumpaniji u nħolqu mijiet ta' eluf ta' impjiegi. Jiena kburi li l-għarfien speċjalizzat tal-BEI kellu rwol daqstant importanti għall-irkupru tal-Ewropa u kuntent ħafna li, bl-estensjoni tal-lum tal-FEIS, se ningħataw l-opportunità li saħansitra nagħmlu aktar.

Ir-Regolament dwar il-FEIS 2.0 huwa mistenni jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018. Minbarra li l-iskeda taż-żmien ittawlet minn nofs l-2018 għal tmiem l-2020, u li l-mira tal-investiment żdiedet minn EUR 315 biljun għal mill-inqas EUR 500 biljun, il-verżjoni l-ġdida u l-imtejba tal-FEIS għandha dawn il-karatteristiċi:

Aktar trasparenza

Fl-FEIS il-ġdid, il-Kumitat tal-Investiment se jippubblika d-deċiżjonijiet tiegħu onlajn u se juri għaliex ikun għażel proġett u mhux ieħor biex jingħata appoġġ mill-garanzija tal-baġit tal-UE. It-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi se tiġi ppublikata wara l-iffirmar ta' kull proġett tal-FEIS. Ir-Regolament il-ġdid jispjega wkoll f'aktar dettall x'jagħmel proġett eliġibbli għall-appoġġ mill-FEIS - l-hekk imsejħa “addizzjonalità”.

Proporzjon akbar ta' proġetti sostenibbli

Mill-inqas 40 % tal-proġetti tal-FEIS fl-infrastruttura u fl-innovazzjoni se jkunu intiżi biex jikkontribwixxu għall-azzjoni favur il-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi. Il-FEIS 2.0 se jkollu espliċitament fil-mira tiegħu wkoll is-setturi l-ġodda: l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli.

Konċentrazzjoni ikbar fuq il-proġetti ż-żgħar.

Il-FEIS estiż se jżid il-proporzjon tal-garanzija għall-SMEs minn 26 % għal 40 % biex ikompli jibni fuq is-suċċess li diġà kellu fl-appoġġ tal-kumpaniji ż-żgħar: sa Novembru 2017 diġà kienu bbenefikaw 528 000 SMEs. Il-FEIS il-ġdid se jħeġġeġ ukoll lill-Grupp tal-BEI biex jgħin lill-banek promozzjonali nazzjonali jwaqqfu pjattaformi ta' investiment biex jiġbru flimkien proġetti żgħar differenti skont it-tema jew ir-reġjun sabiex jattiraw l-investituri.

Iktar appoġġ tekniku fil-livell lokali

Qed jirriżulta li ċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, li jitmexxa b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-BEI, huwa riżorsa utli għan-negozji li jkollhom bżonn tal-għajnuna teknika biex iniedu l-proġett tagħhom. Fil-FEIS 2.0, ix-xogħol taċ-Ċentru se jittejjeb billi se tiġi pprovduta għajnuna prattika iktar speċifika u se jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-banek promozzjonali nazzjonali.

Titjib tal-ambjent tan-negozju fl-UE

Kif urew dan l-aħħar it-Tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni u r-rapport tal-investiment tal-BEI, il-livelli tal-investiment fl-UE qed jiżdiedu bil-mod il-mod. Madankollu, għadhom ma reġgħux waslu fil-livelli ta' qabel il-kriżi. Fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2018, il-Kummissjoni ħabbret li se twettaq valutazzjoni sħiħa ta' x'sar s'issa biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju u biex jitneħħew l-ostakli għall-investiment mill-bidu tal-Kummissjoni ta' Juncker ‘l hawn, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri.

 

Sfond

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, il-Pjan Juncker, jiffoka fuq iż-żieda tal-investimenti biex jinħolqu l-impjiegi u jagħtu spinta lit-tkabbir billi jsir użu iktar intelliġenti mir-riżorsi finanzjarji eżistenti, billi jitneħħew l-ostakli għall-investiment u billi l-proġetti tal-invesimenti jingħatawlhom il-viżibbiltà u l-assistenza teknika. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa l-pilastru ċentrali tal-Pjan Juncker. Dan il-fond jipprovdi garanzija kontra l-ewwel telf u b'hekk jippermetti lill-BEI jinvesti f'aktar proġetti u li ħafna drabi jkunu aktar riskjużi.

S'issa, il-proġetti u l-ftehimiet tal-FEIS li ġew approvati għall-finanzjament huma mistennija li jimmobilizzaw aktar minn EUR 250 biljun f'investimenti u li jappoġġaw madwar 528 000 SME fl-Istati Membri kollha. Il-BEI jistma li sal-2020, il-FEIS se jkun għen biex jinħolqu 700 000 impjieg u biex il-PDG tal-UE jiżdied b'0,7%.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) huwa l-istituzzjoni ta' kreditu fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha stess. Il-Bank joffri finanzjament fuq żmien twil għal investiment b'saħħtu sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet politiċi tal-UE.Il-Fond Ewropew għall-Investimenti (FEI) huwa parti mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-missjoni ċentrali tiegħu hija li jappoġġa n-negozji mikro, żgħar u medji (SMEs) tal-Ewropa billi jgħinhom ikollhom aċċess għall-finanzi. 

 

Aktar informazzjoni

Skeda informattiva: X'hemm ġdid fil-FEIS 2.0?

Memo: Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) – Mistoqsijiet Frekwenti

Sit web tal-Pjan tal-Investment: l-aħħar aħbarijiet u riżultati tal-FEIS

Sit web tal-FEIS tal-BEI: Il-lista lista sħiħa tal-proġetti tal-FEIS u kif tapplika għall-finanzjament

Iċ-Ċentru ta' Konsulenza: assistenza teknika għall-promoturi tal-proġetti u għan-negozji ż-żgħar

Portal tal-Proġetti: servizz b'xejn, tisjib ta' opportunitajiet ta' investiment għall-investituri

IP/17/5169

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar