Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-ebda reġjun ma jibqa' lura: tnedija tal-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni

Strasburgu, il-11ta' dicembru 2017

L-impenn tal-UE għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa huwa irreversibbli u mhux negozjabbli. F'din il-qabża lejn futur aktar sostenibbli, l-ebda reġjun m'għandu jitħalla lura hu u jibdel l-ekonomija tiegħu msejsa fuq il-fjuwils fossili.

Il-Pjattaforma l-ġdida mnedija llum se tiffaċilita l-iżvilupp ta' proġetti u strateġiji fit-tul fir-reġjuni li jużaw il-faħam, bl-għan li jinbeda l-proċess ta' tranżizzjoni u biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u soċjali. Din il-Pjattaforma se tiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fit-tranżizzjoni sabiex tgħinhom irawmu sħubijiet bejniethom u jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin. L-attivitajiet tal-Pjattaforma fil-bidu se jiffukaw fuq ir-reġjuni tal-faħam, bl-għan li fil-ġejjieni jiġu estiżi għar-reġjuni li jużaw il-faħam b'mod intensiv. Il-Pjattaforma hija mfassla biex issaħħaħ it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa billi tagħti aktar attenzjoni lejn il-ġustizzja soċjali, it-trasformazzjoni strutturali, il-ħiliet ġodda u l-finanzjament għall-ekonomija reali.

Il-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni se titnieda uffiċjalment aktar tard illum minn Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija, Miguel Arias Cañete, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija u Corina Creţu, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali flimkien mar-rappreżentanti tar-reġjuni Ewropej, il-partijiet ikkonċernati differenti u l-mexxejja tan-negozju fi Strasburgu. It-tnedija qed isseħħ lejliet il-“One Planet Summit” (Summit Pjaneta Waħda) imlaqqa' mill-President Franċiż Emanuel Macron biex jiġi ċċelebrat it-tieni anniversarju tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima. Fis-summit, il-Kummissjoni se terġa' tikkonferma l-impenn tagħha għal politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem u turi li l-UE qiegħda tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tagħti eżempju u permezz tal-azzjonijiet tagħha. Il-Pjattaforma l-ġdida hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin ta' akkumpanjament li jagħmlu parti mill-pakkett tal-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha (IP/16/4009) imniedi f'Novembru 2016.

Il-Viċi President responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Sefčovič, stqarr: “L-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-faħam jistgħu jiġu indirizzati biss fi sħubija mal-atturi kollha fuq il-post. L-Unjoni tal-enerġija hija l-aħjar qafas għal dan. Nixtiequ naħdmu fil-qrib mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali biex nappoġġaw it-trasformazzjoni strutturali, bl-użu ta' soluzzjonijiet imfassla apposta u l-mezzi kollha disponibbli. L-għan tagħna huwa li naraw ir-reġjuni kollha jibbenefikaw mit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, filwaqt li noħolqu impjiegi ġodda u nippromwovu l-investiment f'teknoloġiji ġodda.”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, żied jgħid: Il-gvernijiet, in-negozji u r-reġjuni fid-dinja kollha qed jieqfu jużaw il-faħam. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-faħam qed tonqos. Din hija tendenza irreversibbli lejn l-enerġija nadifa, hawnhekk fl-Ewropa wkoll. Iżda f'din il-bidla lejn ġejjieni aktar sostenibbli, se jkun hemm ċerti reġjuni li se jsibuha aktar diffiċli minn oħrajn biex jagħmlu din it-tranżizzjoni. L-Ewropej kollha għandhom jibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni, u l-ebda reġjun m'għandu jibqa' lura fit-tnaqqis tal-użu tal-fjuwils fossili. Din l-inizjattiva se tgħin lill-pajjiżi, lir-reġjuni, lill-komunitajiet u lill-ħaddiema Ewropej jiffaċċjaw l-isfida tad-diversifikazzjoni ekonomika meħtieġa tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa”.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, żiedet tgħid: “L-Unjoni Ewropea u l-politika ta' Koeżjoni jikkonċernaw il-ħidma tagħna lejn ġejjieni komuni aħjar. Il-messaġġ tagħna lir-reġjuni tal-faħam illum huwa li l-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjonijiet konkreti biex tgħinhom jiksbu tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija moderna, sostenibbli u ta' suċċess li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura”. 

Il-Kummissjoni diġà qed tappoġġa t-tranżizzjoni fir-reġjuni li jużaw il-faħam u l-karbonju b'mod intensiv permezz tal-politika ta' Koeżjoni tagħha. Din il-politika għall-UE kollha tgħin lir-reġjuni jiksbu t-trasformazzjoni ekonomika billi jibnu fuq l-assi tal-“ispeċjalizzazzjoni intelliġenti” tagħhom, jiġifieri l-oqsma speċifiċi tar-reġjuni tal-qawwiet kompetittivi, bl-għan li jitħaddnu l-innovazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni. Permezz tal-politika ta' Koeżjoni, l-UE hija f'kuntatt dirett u kostanti mal-isħab reġjonali fuq il-post u tista' tipprovdi appoġġ imfassal apposta biex tiggwida l-bidla strutturali.

B'mod parallel, il-Kummissjoni qed taħdem fuq bażi pilota ma' għadd żgħar ta' reġjuni fl-Istati Membri fuq l-ippjanar u l-aċċellerazzjoni tal-proċess tad-diversifikazzjoni ekonomika u t-tranżizzjoni teknoloġika permezz tal-assistenza teknika, l-iskambju tal-informazzjoni u d-djalogu bilaterali mfassal apposta dwar il-fondi, il-programmi u l-għodod ta' finanzjament tal-UE rilevanti. Abbażi tat-talbiet tal-Istati Membri, ġew stabbiliti timijiet pilota għal kull pajjiż għas-Slovakkja, il-Polonja u l-Greċja fit-tieni nofs tal-2017 biex jassistu lir-reġjuni ta' Trencin, Silesia u l-Maċedonja tal-Punent skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Hekk kif il-ħidma ta' dawn it-timijiet timxi 'l quddiem, l-esperjenzi tagħhom jiġu kondiviżi mal-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni.

 

Kuntest

41 reġjun fi 12-il Stat Membru qegħdin iħaffru għall-faħam, u b'hekk jipprovdu impjiegi diretti lil madwar 185,000 ċittadin. Madankollu, tul dawn l-aħħar deċennji l-produzzjoni u l-konsum tal-faħam fl-UE naqqsu b'mod kostanti. L-għeluq ta' minjieri tal-faħam ippjanat u li għadu għaddej, u l-impenn ta' għadd ta' Stati Membri biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, mistennija jaċċelleraw din ix-xejra 'l isfel. Fid-dawl ta' dan, il-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni hija mfassla biex tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jindirizzaw l-isfida taż-żamma tat-tkabbir u tal-impjiegi f'dawn il-komunitajiet affettwati. Din il-Pjattaforma se tippermetti li jkun hemm djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati dwar l-oqfsa tal-politika u l-finanzjament, u tkopri oqsma bħal pereżempju t-trasformazzjoni strutturali, inkluż id-diversifikazzjoni ekonomika u t-taħriġ mill-ġdid, it-tħaddim tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, l-ekoinnovazzjoni u t-teknoloġiji tal-faħam avvanzati.

Dan il-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha mhux biss jiffoka fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda jwassal ukoll għall-impjiegi u t-tkabbir - billi jistimola opportunitajiet ġodda ta' xogħol fis-settur tal-enerġija u l-investiment f'teknoloġiji moderni. Bejn l-2008 u l-2014, l-għadd ta' impjiegi fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli żdied b'70 %, u llum hemm madwar 2 miljuni impjiegi fis-settur tal-enerġija nadifa fl-UE kollha, l-aktar fis-setturi tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija. Jekk l-investiment pubbliku u privat jintuża biżżejjed, hemm il-potenzjal li jinħolqu 900,000 impjieg ieħor sal-2030. Sa 400,000 impjieg lokali ieħor jistgħu jinħolqu mis-settur tal-effiċjenza fl-enerġija.

 

Aktar informazzjoni

Unjoni tal-Enerġija

Il-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha

Is-sit web tar-REGIO

IP/17/5165

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar