Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tilqa' ftehim storiku li jimmodernizza d-difiża tal-kummerċ tal-UE

Brussell, il-5ta' dicembru 2017

Illum intlaħaq ftehim politiku bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE.

It-tibdil li ntlaħaq ftehim dwaru llum għar-regolamenti antidumping u antisussidji tal-UE se jagħmel l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE aktar adattati għall-isfidi tal-ekonomija globali: se jsiru aktar effettivi, trasparenti u aktar faċli biex jintużaw mill-kumpaniji, u f'xi każijiet se jippermettu li l-UE timponi dazji ogħla fuq il-prodotti li huma l-oġġett ta' dumping. Il-ftehim iwassal fil-milja tiegħu proċess li nediet il-Kummissjoni fl-2013 u jirrappreżenta eżitu bbilanċjat li jqis l-interessi tal-produtturi, tal-utenti u tal-importaturi tal-UE.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: "L-azzjonijiet tagħna li niddefendu lill-produtturi u lill-ħaddiema Ewropej kontra prattiki kummerċjali inġusti jridu jkunu kuraġġużi u effiċjenti u l-ftehim tal-lum se jipprovdilna għodda oħra biex nagħmlu dan. M'aħniex kummerċjanti ħielsa inġenwi u s-sensiela ta' bidliet li qbilna fuqhom illum għal darb'oħra jikkonfermaw dan. L-Ewropa se tkompli tirrappreżenta lis-swieq miftuħa u lill-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli iżda m'aħniex se noqogħdu lura milli nirrikorru għas-sett ta' għodod tagħna għad-difiża tal-kummerċ biex niżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji u għall-ħaddiema tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström qalet: "Aħjar tard milli qatt. Domna ftit biex wasalna s'hawn, iżda l-ftehim tal-lum ifisser li l-UE se jkollha l-għodod meħtieġa biex tindirizza malajr u b'mod effettiv il-prattiki inġusti tal-kummerċ. Flimkien mal-bidliet li ntlaħaq qbil dwarhom dan l-aħħar dwar il-metodoloġija tal-antidumping, is-sett ta' għodod tal-UE tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ jinsab f'qagħda li jindirizza l-isfidi globali. L-UE tirrappreżenta kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli, iżda jeħtieġ li niżguraw li ħadd ma jieħu vantaġġ minn dan il-ftuħ. Aħna nirrappreżentaw kumpaniji u ħaddiema li jbatu minn kompetizzjoni inġusta, u dan se nkomplu nagħmluh.”

Ir-regoli l-ġodda se jqassru l-perjodu ta' investigazzjoni attwali ta' disa' xhur għall-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji u se jagħmlu s-sistema aktar trasparenti. Il-kumpaniji se jibbenefikaw minn sistema ta' twissija bikrija li se tgħinhom jadattaw irwieħhom għas-sitwazzjoni l-ġdida f'każ li jiġu imposti dazji. Kumpaniji iżgħar ukoll se jingħataw għajnuna minn helpdesk speċifiku, u dan jagħmilha aktar faċli li dawn jiskattaw u jipparteċipaw fi proċedimenti ta' difiża tal-kummerċ.

Barra minn hekk, f'xi każijiet, l-UE se tadatta r-”regola tad-dazju inferjuri” u tista' timponi dazji ogħla. Dan se japplika għal każijiet dwar importazzjonijiet sussidjati b'mod inġust jew oġġetti li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi fejn il-materja prima u l-prezzijiet tal-enerġija huma artifiċjali.

Il-ftehim politiku li ntlaħaq illum se jidħol fis-seħħ ladarba l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jagħtu l-approvazzjoni finali tagħhom.

Sfond

Flimkien mal-metodoloġija antidumping il-ġdida, dan huwa l-ewwel tiġdid maġġuri tal-istrumenti antidumping u antisussidji tal-UE fi 15-il sena. Huwa l-frott ta' ħdima ta' aktar minn erba' snin, inkluż konsultazzjonijiet mifruxa ma' diversi partijiet ikkonċernati u negozjati mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni ipproponiet riforma tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali tal-UE għall-ewwel darba fl-2013. Il-Kunsill laħaq kompromess f'Diċembru 2016 li ppermetta negozjati tridirezzjonali bejniethom, il-Kummissjoni, u l-Parlament Ewropew.

Aktar informazzjoni

Difiża tal-Kummerċ tal-UE

Metodoloġija antidumping ġdida

IP/17/5136

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar