Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ġestjoni tal-migrazzjoni li tibqa' valida fil-futur: il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi t-triq' il quddiem

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Qabel id-dibattitu tematiku tal-mexxejja tal-UE dwar il-migrazzjoni li se jsir fl-14 ta' Diċembru, il-Kummissjoni llum qed tipproponi pjan direzzjonali politiku biex sa Ġunju 2018 jintlaħaq qbil komprensiv dwar kif tista' tkompli tiġi segwita politika sostenibbli dwar il-migrazzjoni.

Hekk kif l-Ewropa qed titbiegħed mill-ġestjoni tal-kriżi, hemm bżonn ta' ftehim fit-tul fuq politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil li hija stabbli u li tibqa' valida fil-futur sabiex jinżamm il-momentum f'kull aspett – intern u estern.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Anki jekk issa qed nitbiegħdu minn stat ta' kriżi, huwa evidenti li l-migrazzjoni se tibqa' sfida għal ġenerazzjoni ta' Ewropej. Hemm bżonn urġenti li l-Ewropa tgħammar lilha nnifisha b'mezzi għall-ġestjoni ta' migrazzjoni li jibqgħu validi fil-futur li huma responsabbli u ġusti. Għamilna progress sod f'dawn l-aħħar tliet snin iżda issa wasal iż-żmien biex il-proposti jinbidlu f'liġi, u l-liġi fi prattika.”

Matul dawn l-aħħar tliet snin, żviluppa approċċ ġdid tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, li jappoġġa lill-Istati Membri l-aktar esposti, isaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u jirrinforza l-kooperazzjoni tagħna mal-pajjiżi sħab. Filwaqt li l-ħidma kkoordinata kienet kapaċi tistabbilizza sitwazzjoni volatili ħafna – bil-wasliet irregolari lejn l-UE jonqsu bi 63 % fl-2017 – ix-xejra għas-snin li ġejjin u fatturi bħat-tibdil fil-klima, id-demografija u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-UE u l-viċinat tagħha, jindikaw li l-migrazzjoni se tibqa' sfida għal għexieren ta' snin.

Illum il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-mexxejja jieħdu 'l quddiem il-ħidma li tinsab għaddejja billi jiżguraw progress rapidu fir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tal-UE, ikomplu jsaħħu s-sħubijiet ma' pajjiżi terzi, ikomplu jiftħu rotot legali lejn l-Ewropa u jiżguraw finanzjament adegwat għall-futur. Approċċ komprensiv biss jista' jiffunzjona. L-iffukar fuq id-dimensjoni interna u s-sostenn lill-Istati Membri biss mhux biżżejjed. Fl-istess ħin, politika tal-migrazzjoni esterna waħedha ma ssolvix l-isfida li qed tiffaċċa l-Ewropa minħabba l-migrazzjoni.

Solidarjetà u responsabbiltà dwar l-ażil u l-fruntieri

Peeress li l-progress fid-diskussjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal riforma mill-qiegħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kien kajman ħafna, huwa essenzjali li l-Kunsill Ewropew jiżblokka d-dibattitu dwar approċċ aktar effettiv u aktar ġust biex jinstab bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Meta wieħed iqis il-pożizzjonijiet differenti, mod kif isir progress fir-riforma ta' Dublin jista' jkun li jiġi adottat approċċ fejn il-komponent ta' rilokazzjoni obbligatorja jkun japplika għal sitwazzjonijiet ta' kriżi serja, filwaqt li f'sitwazzjonijiet inqas problematiċi, ir-rilokazzjoni tkun ibbażata fuq impenji volontarji mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li sa Ġunju 2018 il-Kunsill iqis il-proposti tal-Kummissjoni kollha f'daqqa u jfittex li japprova reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin bħala parti minn ftehim usa' dwar ir-riformi kollha proposti.Filwaqt li qed tkompli d-diskussjoni dwar l-aspetti ċentrali tas-solidarjetà u r-responsabbiltà, xi elementi tal-pakkett, bħall-proposti tal-Aġenzija Ewropea tal-Ażil u tal-Eurodac, jistgħu jiġu adottati sa Marzu 2018 sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-pedamenti operazzjonali għas-sistema tal-ażil riformata.

Sabiex tiġi pprovduta għajnuna immedjata lill-Istati Membri biex jipproteġu l-fruntiera esterna, jeħtieġ li l-UE tibda topera l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jitlesta t-tfassil ta' sistema ta' ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni. Sa Marzu 2018 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assi u l-persunal kollha meħtieġa għar-riżervi ta' reazzjoni rapida tal-Aġenzija jkunu lesti biex jiġu skjerati.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ lil pajjiżi terzi

Id-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni jeħtieġ li tiġi kkonsolidata, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u involviment akbar ma' pajjiżi terzi sħab u mal-aġenziji tan-NU. Issa l-UE jeħtieġ li tkun lesta biex timmobilizza riżorsi addizzjonali tal-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija, issaħħaħ is-sħubija strateġika mal-Unjoni Afrikana u l-Istati Membri tagħha u tiffinalizza l-ewwel grupp ta' proġetti taħt il-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE, u tirrifornixxi l-Komponent tat-Tramuntana tal-Afrika tal-Fond Fiduċjarju tal-UE.

Biex tiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari u teqred il-mudell tan-negozju tal-kuntrabandisti t-traffikanti tal-bnedmin, l-UE jeħtieġ li toffri alternattiva għal vjaġġi perikolużi, billi jinfetħu rotot sikuri u legali għal dawk fi bżonn ġenwin ta' protezzjoni. Dan se jkun jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jirrisistemaw 50,000 rifuġjat vulnerabbli ieħor sa Mejju 2019. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jeħtieġ li jagħtu riżultati rigward ir-ritorn u r-riammissjoni rapidi u effiċjenti ta' dawk li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE. L-Istati Membri jeħtieġ li sa Mejju 2018 jiżguraw kapaċità ta' ritorn li tiffunzjona kompletament fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li sa Ġunju 2018 iżidu b'50% l-għadd ta' migranti li jirritornaw f'operazzjonijiet organizzati f'kooperazzjoni mal-Aġenzija meta mqabbla mal-2017. .

Permezz tat-Task Force konġunta tal-Unjoni Ewropea / l-Unjoni Afrikana / in-Nazzjonijiet Uniti stabbilita fid-29 ta' Novembru 2017, l-Istati Membri jeħtieġ li jappoġġaw l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni biex jitħaffef ir-ritorn mil-Libja, b'żieda ta' 15,000 ritorn volontarju assistit iffinanzjat mill-Kummissjoni li għandu jitwettaq sa Frar 2018,

Aktar finanzjament u finanzjament flessibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni hija sfida ewlenija li teħtieġ investiment finanzjarju. Mill-2015 'l hawn, l-UE żiedet bi kważi 75 % il-finanzjament disponibbli taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u s-Sigurtà Interna u lill-Aġenziji tal-UE. Hekk kif jimxu 'l quddiem, il-mexxejja għandhom jirriflettu dwar kif jistgħu jiggarantixxu finanzjament għad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u jiżguraw mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni u tiġi żgurata l-protezzjoni tar-rifuġjati u l-migranti. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (il-baġit fuq 7 snin tal-UE) jeħtieġ li jirrifletti l-esperjenza ta' dawn l-aħħar tliet snin u jipprovdi strumenti flessibbli biex iwieġeb għall-isfidi migratorji tal-ġejjieni.

Kuntest

Mal-ħatra tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħatar Kummissarju b'responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, biex jaħdem taħt il-kooperazzjoni tal-Ewwel Viċi President Frans Timmermans dwar politika ġdida tal-migrazzjoni, bħala waħda mill-10 Prijoritajiet Politiċi tal-Kummissjoni Juncker.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet programm ambizzjuż tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tittratta l-isfidi immedjati tal-kriżi tal-2015 u jipprovdu għodda lill-UE biex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fit-terminu medju u twil.

Fis-7 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli nedew Sħubija dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, l-aktar fl-Afrika, biex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar b'mod konġunt.

Id-Dibattitu tematiku li se jsir taħt l-Aġenda tal-Mexxejja fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru jipprovdi opportunità biex issir riflessjoni dwar kif għandna nsegwu politika sostenibbli dwar il-migrazzjoni għall-UE u li tagħti orjentament strateġiku dwar suġġerimenti għal-linji ta' politika ewlenin stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

 Dokumenti leġiżlattivi

Komunikazzjoni: Il-kontribut tal-Kummissjoni fid-dibattitu tematiku tal-Mexxejja tal-UE dwar it-triq 'il quddiem rigward id-dimensjoni interna u esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni

 Skedi informattivi

Skeda Informattiva 1: Migrazzjoni: Pjan direzzjonali

Skeda Informattiva 2: Il-migrazzjoni u l-fruntieri – Sitwazzjoni attwali ta' Proposti Prinċipali

Skeda Informattiva 3: Ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-ażil

Skeda Informattiva 4: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta

Skeda Informattiva 5: Il-baġit tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati u għat-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni  

Skeda Informattiva 6: Migrazzjoni: Solidarjetà fl-UE

Skeda Informattiva 7: Risistemazzjoni u migrazzjoni legali

Skeda Informattiva 8: Naħdmu mal-pajjiżi sħab

Skeda Informattiva 9: Is-Sħubija Ewlenija tal-UE mal-Afrika

Skeda Informattiva 10: Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika

Skeda Informattiva 11: L-Azzjoni tal-UE fil-Libja dwar il-Migrazzjoni

Skeda Informattiva 12: Dikjarazzjoni UE-Turkija

 

ANNESS: Pjan direzzjonali għal ftehim sa Ġunju 2018

 .

IP/17/5132

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar