Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Qbil dwar il-Proposta tal-Kummissjoni biex twebbes ir-regoli għal karozzi iktar sikuri u aktar nodfa

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu qbil politiku biex itejbu b'mod sinifikanti l-livell tal-kwalità u l-indipendenza tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi u tal-ittestjar tagħhom, biex jiżdiedu l-kontrolli fuq il-karozzi li diġà qegħdin fis-suq tal-UE u biex tissaħħaħ is-sistema kumplessiva b'element ta' monitoraġġ Ewropew.

Il-koleġiżlaturi tal-UE qablu dwar il-proposta tal-Kummissjoni ta' Jannar 2016 biex il-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jiġi rivedut b'mod komprensiv: ir-regoli għaċ-ċertifikazzjoni li vettura tissodisfa r-rekwiżiti kollha biex titqiegħed fis-suq u għall-kontrolli rigorużi tal-konformità kontinwa tal-manifatturi mad-dritt tal-UE. 

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “B'regoli u kontrolli aktar stretti, l-industrija tal-karozzi għandha l-opportunità li terġa' tikseb il-fiduċja tal-konsumaturi. Ftit ġimgħat biss wara l-proposti tal-Kummissjoni għall-mobilità nadifa, il-ftehim tal-lum huwa pass importanti fl-isforzi usa' tal-UE biex tissaħħaħ it-tmexxija tal-industrija tagħna tal-karozzi fid-dinja, fil-kuntest ta' vetturi nodfa u sikuri.” 

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “B'Dieselgate, inkixfu d-dgħufijiet tas-sistema regolatorja u tas-sorveljanza tas-suq tagħna. Nafu li ċerti manifatturi tal-karozzi kienu diżonesti u bosta oħrajn kienu qegħdin jisfruttaw il-lakuni fir-regoli. Biex dan kollu nġibuh fi tmiem, qegħdin inġeddu s-sistema kollha. Wara kważi sentejn ta' negozjati, ninsab sodisfatta li l-elementi ewlenin tal-proposta tagħna, fosthom is-setgħat ta' sorveljanza u infurzar reali tal-UE, intlaqgħu. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tkun tista' twettaq kontrolli fuq il-karozzi, tiskatta sejħiet lura mis-suq kollu tal-UE u timponi multi sa EUR 30,000 għal kull karozza meta tinkiser il-liġi.”

L-elementi ewlenin tar-regoli l-ġodda huma: 

  1. Titjib fil-livell tal-kwalità u l-indipendenza tal-approvazzjoni tat-tip u tat-testjar qabel ma karozza titqiegħed fis-suq:

    Is-servizzi tekniċi se jiġu vverifikati b'mod regolari u indipendenti, abbażi ta' kriterji stretti tal-prestazzjoni biex jiksbu u jżommu d-deżinjazzjoni tagħhom minn Stat Membru għat-testjar u l-ispezzjoni ta' mudelli ta' karozzi ġodda. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra se jkunu jistgħu jikkontestaw deżinjazzjoni jekk jitfaċċaw il-problemi.

    L-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip se jkunu suġġetti għal verifiki mill-Kummissjoni biex ikun żgurat li r-regoli rilevanti jiġu implimentati u infurzati b'mod rigoruż fl-UE kollha.

    Il-proposta tal-Kummissjoni biex isseħħ modifika tas-sistema ta' rimunerazzjoni biex jiġi evitat li s-servizzi tekniċi jitħallsu direttament mill-manifattur ma nżammitx. 

  2. Żieda fil-kontrolli tal-karozzi li diġà qegħdin fis-suq tal-UE:

    Filwaqt li r-regoli attwali tal-approvazzjoni tat-tip jittrattaw l-aktar kontrolli ex ante ta' prototipi meħuda mil-linja tal-produzzjoni, fil-ġejjieni, l-Istati Membri se jkollhom iwettqu kontrolli fuq il-post regolari fuq il-vetturi li diġà qegħdin fis-suq u dawn ir-riżultati se jkunu pubblikament disponibbli.

    L-Istati Membri kollha issa se jkunu jistgħu jieħdu miżuri ta' salvagwardja kontra vetturi mhux konformi fit-territorju tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li tittieħed azzjoni mill-awtorità li ħarġet l-approvazzjoni tat-tip, kif inhu l-każ bħalissa. 

  3. Sorveljanza Ewropea:

    Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se twettaq verifiki tas-suq b'mod indipendenti mill-Istati Membri u ser ikollha s-setgħa li tagħti bidu għal sejħiet lura ta' prodotti mis-suq kollu tal-UE. Se jkollha s-setgħa tikkontesta d-deżinjazzjoni tas-servizzi tekniċi, u timponi penali amministrattivi fuq il-manifatturi jew is-servizzi tekniċi sa EUR 30 000 għal kull karozza mhux konformi.

    Il-Kummissjoni se tmexxi forum ġdid ta' infurzar biex tiżgura interpretazzjoni iktar uniformi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, trasparenza sħiħa f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità u attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq aktar koordinati mill-Istati Membri.

Ir-Regolament il-ġdid iżomm il-projbizzjoni attwali fuq l-apparati ta' manipulazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom obbligu permanenti li jissorveljaw u jinfurzaw, iżda saħansitra jieħu pass ieħor f'dan ir-rigward. Fil-ġejjieni, il-manifatturi tal-karozzi jridu jipprovdu aċċess għall-protokolli tas-softwer tal-karozza. Din il-miżura tikkumplimenta l-pakkett tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali, li se jagħmilha verament diffiċli biex wieħed jimmanipula r-rekwiżiti tal-emissjonijiet u tinkludi obbligu għall-manifatturi biex jiżvelaw l-istrateġiji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, kif inhu l-każ fl-Istati Uniti. 

Ir-Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip jikkomplementa għadd ta' inizjattivi oħra importanti tal-Kummissjoni għall-mobbiltà nadifa, fosthom testijiet ġodda u mtejba tal-emissjonijiet tal-karozzi li saru obbligatorji mill-1 ta' Settembru 2017, u proposti għal miri ġodda tal-emissjonijiet tas-CO2 biex jgħinu fi tranżizzjoni aktar mgħaġġla lejn vetturi b'emissjonijiet baxxi jew żero.

Il-passi li jmiss

Il-qbil politiku preliminari li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fin-negozjati bejn it-tliet partijiet issa huwa soġġett għall-approvazzjoni formali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-Regolament imbagħad ikun japplika direttament fl-Istati Membri kollha u jsir obbligatorju fl-1 ta' Settembru 2020.

Kuntest

Bir-regoli attwali, l-UE tistabbilixxi l-qafas legali, iżda l-awtoritajiet nazzjonali huma kompletament responsabbli biex jikkontrollaw il-konformità tal-manifatturi tal-karozzi. Ladarba karozza tiġi ċċertifikata fi Stat Membru wieħed, din tkun tista' tiċċirkola liberament fl-UE kollha. Hija biss l-awtorità nazzjonali li tkun ħarġet l-approvazzjoni tat-tip ta' karozza li tista' tieħu azzjoni ta' rimedju bħalma hi l-impożizzjoni ta' sejħa lura mis-suq jew ta' penali amministrattivi f'każ ta' nuqqas ta' konformità. 

Il-Kummissjoni diġà kienet qed tirrevedi l-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi motorizzati qabel ir-rivelazzjonijiet tal-każ tal-Volkswagen f'Settembru 2015. Fis-27 ta' Jannar 2016, ipproponiet li għandha ssir riforma iktar estiża biex il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità ma jerġgħux jokkorru. 

B'mod parallel, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja jekk ir-regoli attwali humiex qed jiġu infurzati b'mod korrett mill-Istati Membri u qegħdha ssegwei mill-qrib l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali rigward il-karozzi li jniġġsu li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni. 

Il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma tal-Istati Membri billi żviluppat metodoloġija komuni tat-testjar biex tfittex l-apparati ta' manipulazzjoni li jimmodifikaw ir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju u jiżguraw il-konsistenza tar-riżultati tal-investigazzjonijiet nazzjonali. Ippubblikat gwida biex tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jivvalutaw jekk manifattur tal-karozzi hux qed juża apparati ta' manipulazzjoni jew strateġiji oħra li jwasslu għal emissjonijiet ogħla mill-vettura barra miċ-ċiklu tat-test u janalizzaw humiex teknikament ġustifikati. 

Il-Kummissjoni, minbarra li tiżgura li l-konsumaturi jiġu ttrattati b'mod ġust, tiżgura wkoll li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu rispettati u se tkompli tagħmel dan. 

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni Ewropea tissikka r-regoli għal karozzi iktar sikuri u li jniġġsu inqas (27 ta' Jannar 2016)

Mistoqsijiet frekwenti Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur, ittestjar tal-emissjonijiet reali waqt is-sewqan (27 ta' Jannar 2016)

Stqarrija għall-istampa: Fl-1 ta' Settembru se jsiru mandatorji testijiet ġodda u mtejba tal-emissjonijiet tal-karozzi (31 ta' Awwissu 2017)

Mistoqsijiet frekwenti Azzjoni tal-UE biex jonqos it-tniġġis tal-arja mill-karozzi (31 ta' Awwissu 2017)

Stqarrija għall-istampa: L-Unjoni tal-Enerġija: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex issaħħaħ ir-rwol mexxej globali tal-UE fil-qasam tal-vetturi li ma jniġġsux (8 ta' Novembru 2017)

Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Il-Valutazzjoni tal-Impatt

 

IP/17/5131

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar