Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri ta' ksur u l-ilmenti fis-settur tal-logħob tal-azzard

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-impenn politiku tagħha li terfa' rwol aktar strateġiku fl-infurzar tad-dritt tal-UE, iddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur tagħha u l-ilmenti li kienet qiegħda tindirizza fil-qasam tal-logħob tal-azzard.

Il-Kummissjoni Juncker ilha tiffoka fuq il-prijoritajiet politiċi tagħha u taħdem għalihom bla heda mill-bidu tal-mandat. Dan l-approċċ politiku jidher ukoll fil-mod li bih il-Kummissjoni titratta l-każijiet ta' ksur. Il-Komunikazzjoni “id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar” tispjega kif il-Kummissjoni tipprijoritizza l-każijiet b'mod strateġiku billi tiżen id-diversi interessi pubbliċi u privati involuti.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni llum iddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur tagħha u l-ilmenti kontra għadd ta' Stati Membri li kienet qiegħda tindirizza fil-qasam tal-logħob tal-azzard.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba rrikonoxxiet id-drittijiet tal-Istati Membri li jirrestrinġu s-servizzi tal-logħob tal-azzard fejn dan ikun meħtieġ għall-ħarsien tal-objettivi tal-interess pubbliku bħalma huma l-ħarsien tal-minorenni, il-ġlieda kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Il-Kummissjoni tagħraf il-leġittimità politika usa' tal-għanijiet tal-interess pubbliku li għandhom l-Istati Membri huma u jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard. Il-Kummissjoni ħadet nota wkoll tal-isforzi mill-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-oqfsa ġuridiċi tagħhom dwar il-logħob tal-azzard online, biex jiddevjaw id-domanda miċ-ċittadini għal-logħob tal-azzard minn fornituri mhux regolati lejn websites awtorizzati u sorveljati u biex jiżguraw li l-operaturi jħallsu t-taxxi dovuti. Fid-dawl ta' dan kollu, mhix prijorità għall-Kummissjoni li tuża s-setgħat tagħha fil-qasam tal-proċeduri tal-ksur biex tippromwovi Suq Uniku tal-UE fil-qasam tas-servizzi tal-logħob tal-azzard online.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-oqsfa ġuridiċi nazzjonali tagħhom tal-logħob tal-azzard online u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tal-logħob tal-azzard.

Kuntest

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-ilmenti fis-settur tal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu trattati b'mod aktar effiċjenti mill-qrati nazzjonali, anke fid-dawl tal-bosta sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard. L-ilmentaturi għalhekk huma mħeġġa jagħmlu użu mir-rimedji nazzjonali meta jkollhom problemi mal-liġi tal-UE fis-settur tal-logħob tal-azzard.

L-Istati Membri huma awtonomi fil-mod kif jorganizzaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard, u dan jinkludi l-livell ta' intaxxar, bil-kundizzjoni li l-libertajiet fundamentali tat-Trattat jiġu rrispettati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għenet biex tiċċara liema huma dawk ir-restrizzjonijiet fuq il-prinċipji tas-Suq Uniku - bħalma huma l-ħarsien tal-konsumaturi u tal-minorenni fil-qasam tal-logħob tal-azzard - li jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet tal-politika pubblika.

Il-Kummissjoni qiegħda tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-logħob tal-azzard mhux awtorizzat, iħarsu ċ-ċittadini vulnerabbli u jipprevjenu attivitajiet relatati oħra illegali. Wara l-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-logħob tal-azzard online, il-Kummissjoni varat għadd ta' inizjattivi, fosthom rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u r-reklamar fis-settur tal-logħob tal-azzard online, ħeġġet kooperazzjoni amministrattiva msaħħa u stabilixxiet Grupp ta' Esperti dwar is-Servizzi tal-Logħob tal-Azzard għar-regolaturi tal-logħob tal-azzard fiż-ŻEE ħalli dawn jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiki, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva u jtejbu l-fiduċja. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE f'oqsma bħalma huma l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, japplikaw għas-settur tal-logħob tal-azzard.

Għal Aktar Informazzjoni

- Dwar id-deċiżjonijiet ewlenin fil-pakkett ta' ksur ta' Diċembru 2017, ara l-MEMO/17/4767 sħiħ.

- Dwar il-proċedura ta' ksur ġenerali, ara MEMO/12/12(tabella informattiva)

- Dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE.

IP/17/5109

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar