Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-belt Franċiża ta' Lyon tingħata l-Premju għall-Belt Aċċessibbli tal-2018 minħabba li qiegħdet l-aċċessibilità fiċ-ċentru tal-ħajja tal-belt

Brussell, il-5ta' dicembru 2017

Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-Persuni b'Diżabilità, illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li l-belt Franċiża ta' Lyon hija r-rebbieħa tal-Premju għall-Belt Aċċessibbli (“Access City Award”). Il-belt ġiet ippremjata għall-aċċessibilità inklużiva u universali tagħha.

Waqt il-preżentazzjoni tal-premju, Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: “Din il-Kummissjoni timpenja ruħha bis-sħiħ biex tagħti l-prijorotà lin-nies u biex tqiegħed l-inklużjoni soċjali bħala prijorità ewlenija fuq l-aġenda politika. Bil-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-17 ta' Novembru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea qablu li Ewropa soċjali u inklużiva tikkostitwixxi t-triq 'il quddiem. Għalhekk huwa indispensabbli li nagħmlu l-bliet u s-soċjetajiet tagħna aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità. Nirringrazzja lil Lyon, u lill-bliet l-oħra li pparteċipaw f'din il-kompetizzjoni, għall-isforzi tagħhom biex dan iseħħ. Nittama li s-suċċessi ta' dawn il-bliet iservu ta' ispirazzjoni għal ħafna bliet oħra, kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kollha.”

F'Lyon, il-karozzi tal-linja pubbliċi huma 100 % aċċessibbli, u l-aċċess għall-kultura huwa żgurat għal kulħadd ukoll permezz tal-inklużjoni ta' tagħmir aċċessibbli fil-libreriji, bħal magni tal-qari, apparat għall-qari tal-kotba awdjo u skrins li jkabbru l-immaġni. Din il-belt żviluppat ukoll għodod diġitali għall-persuni b'diżabilità, u f'termini ta' integrazzjoni fix-xogħol, 7.8 % tal-impjegati taċ-ċivil huma persuni b'diżabilità. Dan huwa ferm ogħla mill-kwota minima legali ta' 6 % li teżiġi l-leġiżlazzjoni Franċiża.

Il-Kummissjoni Ewropea ppremjat ukoll lill-belt ta' Ljubljana, fis-Slovenja, u l-belt ta' Lussemburgu, fil-Lussemburgu, bit-tieni u t-tielet post rispettivament. Ljubljana integrat l-aċċessibilità fil-politika ġenerali tagħha, billi ħatret kumitat konsultattiv speċjali li jinkludi persuni anzjani u persuni b'diżabilità sabiex dawn ikunu involuti direttament fit-tfassil tal-politika tal-belt. Il-belt ta' Lussemburgu għamlet sforz kbir biex tissensibilizza liċ-ċittadini tagħha, bl-għan li tiġi evitata l-istigma relatata mad-diżabilità u li l-belt issir waħda ferm aktar inklużiva fejn kulħadd iħossu komdu.

Finalment, il-belt ta' Viborg fid-Danimarka rċeviet nomina speċjali għar-rikonċiljazzjoni tal-wirt storiku u tal-pajsaġġi bl-għoljiet tagħha b'infrastruttura aċċessibbli.

Sfond

Il-Premju għall-Belt Aċċessibbli, organizzat mill-Kummissjoni flimkien mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, huwa wieħed mill-azzjonijiet previsti fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità 2010–2020 li għandha l-għan li toħloq Ewropa mingħajr ostakoli għall-persuni b'diżabilità. Dan il-premju jkompli jirrikonoxxi dawk il-bliet li huma l-aktar ta' eżempju biex jingħelbu l-ostakoli fl-Ewropa llum. Il-Premju jingħata lill-belt li tkun tejbet b'mod ċar u sostenibbli l-aċċessibilità f'aspetti fundamentali tal-ħajja fil-belt, u li jkollha pjanijiet konkreti għal aktar titjib f'dan il-qasam. L-għan tal-Premju huwa li jispira lil bliet oħrajn li jistgħu jiffaċċjaw sfidi simili u li jippromwovi prattiki tajbin fl-Ewropa kollha.

Il-Premju għall-Belt Aċċessibbli huwa mmirat għall-bliet Ewropej b'aktar minn 50,000 abitant. Il-bliet iridu juru approċċ komprensiv fir-rigward tal-aċċessibilità fl-erba' oqsma ewlenin: l-ambjent mibni u l-ispazji pubbliċi; it-trasport u l-infrastruttura relatata; l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda (ICT); il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi.

Il-premju jingħata waqt il-konferenza annwali tal-Jum Ewropew tal-Persuni b'Diżabilità, li għaliha jattendu madwar 400 parteċipant minn madwar l-Ewropa kollha.

Politika tal-UE dwar l-Aċċessibilità

Li l-Ewropa ssir post aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità huwa element ewlieni tal-istrateġija globali tal-UE dwar id-diżabilità 2010-2020. Din l-istrateġija tipprovdi l-qafas ġenerali għal azzjoni fil-qasam tad-diżabilità u l-aċċessibilità fil-livell tal-UE biex tikkumplimenta u tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri. Fil-leġiżlazzjoni tal-UE jinsabu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-aċċessibilità f'oqsma bħat-trasport u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar l-Aċċessibilità, pereżempju, għandha l-għan li tagħmel il-prodotti u s-servizzi iżjed aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità. F'Settembru, il-Parlament Ewropew ressaq għall-votazzjoni Rapport dwar l-Att dwar Aċċessibilità u fis-7 ta' Diċembru, il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) huwa mistenni jivvota favur it-teħid ta' approċċ ġenerali.

L-UE tuża bosta għodda lil hinn mill-leġiżlazzjoni u l-politika, bħar-riċerka u l-istandardizzazzjoni, biex tottimizza l-aċċessibilità tal-ambjent mibni, l-ICT, it-trasport u oqsma oħra, u biex trawwem suq mifrux mal-UE kollha għal prodotti u servizzi aċċessibbli.

Bliet rebbieħa ta' premjijiet preċedenti: 2011, Avila (Spanja); 2012, Salzburg (l-Awstrija); 2013, Berlin (il-Ġermanja); 2014, Gothenburg (l-Iżvezja); 2015, Boras (l-Iżvezja); 2016, Milan (l-Italja); 2017, Chester (ir-Renju Unit).

Għal iktar informazzjoni:

Verżjoni aċċessibbli ta' din l-istqarrija għall-istampa hija disponibbli bħala verżjoni PDF jew bħala verżjoni Word.

Premju għall-Belt Aċċessibbli tal-2018

Il-Jum Ewropew tal-Persuni b'Diżabilità tal-2017

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter

IP/17/5069

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar