Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Bdiet is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Illum jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 fil-Forum Ewropew tal-Kultura f'Milan.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali se tiġbed l-attenzjoni fuq il-ġid tal-Ewropa fil-wirt kulturali, filwaqt li tesponi r-rwol tiegħu fit-trawwim ta' sens ta' identità kondiviż u fil-bini tal-ġejjieni tal-Ewropa.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, li llum nieda uffiċjalment is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, qal: “Il-wirt kulturali huwa fil-qalba tal-istil ta' ħajja Ewropew. Jiddefinixxi min aħna u joħloq sens ta' appartenenza. Il-wirt kulturali mhux biss huwa magħmul mil-letteratura, mill-arti u mill-oġġetti, iżda wkoll mis-snajja' li nitgħallmu, mill-istejjer li nirrakkuntaw, l-ikel li nieklu u l-films li naraw. Hemm bżonn li nippreservaw u ngħożżu l-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Din is-sena ta' ċelebrazzjonijiet se tkun opportunità mill-aqwa biex ninkoraġġixxu lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jesploraw id-diversità kulturali rikka tal-Ewropa u biex jaħsbu dwar kemm huwa importanti l-wirt kulturali f'ħajjitna. Dan il-wirt jgħinna nifhmu l-passat u nibnu l-ġejjieni tagħna.”

1          Video

Il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, il-Ministru Estonjan tal-Kultura, Indrek Saar, li qed jirrappreżenta l-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE, il-Ministru Taljan għall-Kultura, Dario Franceschini, il-President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew, Petra Kammerevert, u 800 rappreżentant tal-UE tas-settur kulturali u s-soċjetà ċivili qegħdin jattendu l-avveniment illum.

L-iskop tas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali huwa li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza soċjali u ekonomika tal-wirt kulturali. Eluf ta' inizjattivi u avvenimenti fl-Ewropa kollha se jipprovdu l-possibbiltà li jiġu involuti ċ-ċittadini kollha, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi ta' ħajjithom. L-għan huwa li tintlaħaq l-akbar udjenza possibbli, b'mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, il-komunitajiet lokali u l-persuni li rari jkunu f'kuntatt mal-kultura, biex jitrawwem sens ta' sjieda komuni.

Il-proġetti u l-inizjattivi implimentati fl-Istati Membri, fil-muniċipalitajiet u fir-reġjuni tal-UE se jiġu appoġġati permezz ta' proġetti transnazzjonali finanzjati mill-UE. Pereżempju, il-Kummissjoni se torganizza, flimkien mal-Istati Membri, l-“Assises du Patrimoine” (Konferenza dwar il-Wirt Kulturali) bħala avveniment ewlieni tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali sabiex tibda taħdem fuq Pjan ta' Azzjoni tal-UE fit-tul għall-Kultura u l-Wirt Kulturali. Dan se jseħħ bħala segwitu għad-diskussjonijiet tal-mexxejja tal-UE dwar l-edukazzjoni u l-kultura fit-17 ta' Novembru f'Gothenburg.

Skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum, 8 minn kull 10 Ewropej jaħsbu li l-wirt kulturali mhux biss huwa importanti għalihom personalment, iżda huwa wkoll importanti għall-komunità tagħhom, għar-reġjun tagħhom, għal pajjiżhom u għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-maġġoranza l-kbira huma kburin bil-wirt kulturali, kemm jekk jinsab fir-reġjun tagħhom jew f'pajjiżhom kif ukoll jekk jinsab f'pajjiż Ewropew ieħor. Aktar minn 7 minn kull 10 Ewropej jaqblu wkoll li l-wirt kulturali jista' jtejjeb il-kwalità ta' ħajjithom. L-istħarriġ juri wkoll li 9 minn kull 10 jaħsbu li l-wirt kulturali għandu jiġu mgħallem fl-iskejjel. Tliet kwarti tal-Ewropej jemmnu li primarjament l-Istati Membri u l-UE għandhom jallokaw aktar riżorsi għall-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew.

Kuntest

Mis-siti arkeoloġiċi sal-arkitettura kontemporanja, mill-kastelli medjevali sat-tradizzjonijiet folkloristiċi u x-xogħlijiet artistiċi, il-wirt kulturali Ewropew jinsab fil-qalba tal-memorja kollettiva u tal-identità taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, il-wirt kulturali joħloq it-tkabbir u l-impjiegi fil-bliet u r-reġjuni u huwa essenzjali għall-iskambji tal-Ewropa mal-bqija tad-dinja. 7.8 miljun impjieg fl-UE huma marbuta indirettament mal-wirt (eż. fit-turiżmu, l-interpretazzjoni u s-sigurtà). Aktar minn 300,000 persuna huma impjegati fis-settur tal-wirt kulturali tal-UE, u b'453 siti elenkati fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO, l-Ewropa bħala reġjun tirrappreżenta kważi nofs din il-lista.

Din hija r-raġuni għalfejn, speċjalment fi żmien meta l-patrimonju kulturali qed jiġi mhedded u qed jinqered apposta fiż-żoni ta' kunflitt, il-Kummissjoni ħasset li l-wirt kulturali xeraqlu li jingħata Sena Ewropea fl-2018. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew li tistabbilixxi s-sena 2018 bħala s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali ġiet adottata fis-17 ta' Mejju 2017, fuq il-bażi tal-Proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2016.

Il-Forum Ewropew tal-Kultura, fejn illum qed titnieda s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, huwa avveniment ewlieni ta' kull sentejn organizzat mill-Kummissjoni Ewropea. Jippromwovi l-profil tal-kooperazzjoni kulturali Ewropea, jiġbor flimkien l-atturi ewlenin tas-settur, jevalwa fiex waslet l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura u jħeġġeġ id-dibattitu dwar il-politiki u l-inizjattivi tal-UE dwar il-kultura. Minbarra t-tnedija tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, il-Forum ta' din is-sena se jirrifletti dwar ir-rwol tal-kultura fl-indirizzar tal-isfidi Ewropej u dinjija kif ukoll dwar il-kontribuzzjoni tal-kultura u l-kreattività għall-iżvilupp soċjoekonomiku lokali u reġjonali.

Għal aktar informazzjoni

 

IP/17/5067

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar