Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Azzar: Il-Kummissjoni Ewropea tinsab sodisfatta bil-ftehim tal-Forum Globali ambizzjuż biex tiġi indirizzata l-kapaċità eċċessiva

Brussell, it-30ta' novembru 2017

Il-membri tal-Forum Globali jaqblu li firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet ta' politika biex tiġi indirizzata l-kapaċità eċċessiva globali tal-azzar, għandhom jiġu implimentati fl-2018 u l-2019.

Illum f'laqgħa f'Berlin, il-membri tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar qablu dwar pakkett ambizzjuż ta' soluzzjonijiet konkreti ta' politika biex tiġi indirizzata l-kwistjoni urġenti ta' kapaċità eċċessiva globali fis-settur tal-azzar.

Skont il-pakkett miftiehem, il-membri tal-Forum Globali iridu jiżguraw li r-riżultati bbażati fuq is-suq fl-industrija tal-azzar, jinżammu lura minn sussidji li jfixklu s-suq u miżuri ta' sostenn oħra mill-Istat li jikkontribwixxu għall-kapaċità eċċessiva, jipprovdu kundizzjonijiet indaqs bejn kumpaniji privati u dawk tal-Istat u jimplimentaw politiki effettivi ta' aġġustament. Dan il-ftehim jispjega l-prattiki tas-suq sottostanti tal-kapaċità eċċessiva u huwa sostnut minn mekkaniżmu b'saħħtu ta' monitoraġġ rigward il-kapaċità u l-iżviluppi ta' politika biex isegwi l-implimentazzjoni fl-2018 u l-2019.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström, preżenti fil-laqgħa, sostniet: “Il-problema tal-kapaċità eċċessiva tal-azzar għandha effetti reali fuq il-ħajja tan-nies – speċjalment dawk li jitilfu l-impjieg. Illum, qbilna fuq pakkett importanti u effikaċi biex tiġi indirizzata il-kwistjoni urġenti tal-kapaċità eċċessiva globali tal-azzar. Din il-firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet ta' politika se tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet indaqs u tappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi tal-UE. Din hija sfida globali u trid tiġi ttrattata kif xieraq. Fit-tħejjija tal-11-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Buenos Aires, dan is-suċċess jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni multilaterali effettiva biex jissolvew il-problemi globali. Naturalment, il-ħidma tagħna għadha ma spiċċatx. Issa jenħtieġ li dak li ngħidu nwettquh. L-industrija tagħna, il-forza tax-xogħol tagħna, il-konsumaturi u ċ-ċittadini tagħna jiddependu fuq dawn l-impenji li jitwettqu b'mod effikaċi. Bħala Kopresident ta' dan il-Forum matul is-sena d-dieħla, l-UE se ssegwi l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri mill-qrib.”

Il-kwistjoni tal-kapaċità eċċessiva tqajmet f'diversi okkażjonijiet mill-President Juncker kemm f'livell bilaterali kif ukoll multilaterali, b'mod partikolari matul l-aħħar żewġ Summits tal-G20. Imniedi f'Diċembru 2016 wara sejħa mill-Mexxejja tal-G20 f'Hangzhou, f'Lulju 2017, il-Forum issaħħaħ permezz tal-eżiti tas-Summit tal-G20 f'Hamburg. Il-forum se jkun iffaċilitat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD) u jirrapporta lill-ministri tal-G20 kull sena.

Bħala kwistjoni ta' prijorità, il-membri tal-Forum Globali issa jenħtieġ li jiżguraw applikazzjoni rapida tal-prinċipji miftiehma u r-rakkomandazzjonijiet u jaqsmu – fl-ewwel nofs tal-2018 – l-informazzjoni dwar il-passi meħuda biex jiġu eliminati s-sussidji li jfixklu s-suq. Il-Forum Globali se jkompli jiltaqa' mill-inqas tliet darbiet fis-sena biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-impenji tal-lum.

Sfond

Is-settur tal-azzar huwa industrija kruċjali fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u jokkupa pożizzjoni ċentrali f'katini ta' valur globali, li jipprovdu impjiegi għal mijiet ta' eluf ta' ċittadini Ewropej.

L-eċċess globali tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-azzar laħaq madwar 737 miljun tunnellata metrika fl-2016, l-ogħla li qatt tela'. Dan wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-azzar għal livelli mhux sostenibbli f'dawn l-aħħar snin u kellu impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar, kif ukoll fuq l-industriji relatati u l-impjiegi. 

F'Marzu 2016, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni fejn ippreżentat serje ta' miżuri li jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE.

Il-Kummissjoni aġixxiet fost affarijiet oħrajn permezz tad-difiża tal-kummerċ, li timponi dazji antidumping u antisussidji, biex tipproteġi l-industrija tal-azzar tal-UE mill-effetti ta' kummerċ inġust. Bħalissa l-UE għandha għadd mingħajr preċedent ta' miżuri ta' difiża kummerċjali fis-seħħ, li jimmiraw lejn importazzjonijiet inġusti ta' prodotti tal-azzar, b'total ta' 47 miżura ta' antidumping u ta' antisussidji.

Madankollu, id-difiża tal-kummerċ tista' tindirizza biss l-effetti tal-kapaċità eċċessiva globali fuq il-kummerċ u mhux il-kawżi fundamentali tagħha. Għal dan il-għan, f'Diċembru 2016, l-UE ħadet sehem fil-ħolqien tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar. Filwaqt li jlaqqa' flimkien 33 ekonomija - il-membri kollha tal-G20 flimkien ma' xi pajjiżi oħra interessati tal-OECD - dan jinkludi l-produtturi ewlenin kollha tad-dinja.

Sa mill-ħolqien tiegħu l-ekonomiji li jipparteċipaw skambjaw dejta dwar il-kapaċità tal-azzar, is-sussidji u l-miżuri l-oħra ta' sostenn. Din iż-żieda fit-trasparenza ppermettiet lill-membri tal-Forum Globali biex jiffokaw fuq il-kawżi sottostanti tal-problema tal-kapaċità eċċessiva tal-azzar u jaqblu fuq il-passi konkreti biex jindirizzawhom billi jsaħħu r-rwol tas-suq u jbiddlu l-istruttura tal-industrija. 

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: L-Industrija tal-Azzar: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tħares l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

MEMO: Azzar: Iż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa

IP/17/5049

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar