Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: sena wara t-tnedija tiegħu

Brussell, is-7ta' dicembru 2017

Illum infakkru l-ewwel anniversarju tal-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Fis-sena minn mindu l-Kummissjoni Ewropea nediet il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, issieħbu 42,745 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Istati Membri kollha. Minn dawn, 2,166 bdew il-kollokamenti tagħhom ma' 1,434 organizzazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger, qal: "Iż-żgħażagħ se jaħdmu fuq proġetti ewlenin, jagħmlu ħbiberiji għal ħajjithom kollha u jagħmlu xi ħaġa ta' ġid għas-soċjetà tagħna taħt il-marka ta' kwalità tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà."

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Tibor Navracsics qal: “Qed nieħu pjaċir nara li ħafna żgħażagħ fl-Ewropa jemmnu fis-solidarjetà u huma impenjati li jivvolontarjaw, jitħarrġu u jaħdmu biex jappoġġaw lill-oħrajn. Sena wara t-tnedija tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, ħafna minnhom diġà qegħdin jagħmlu differenza, u qegħdin jagħtu serħan u tama lil dawk li għandhom bżonnhom. Issa jeħtieġ li naraw adozzjoni rapida tal-bażi ġuridika speċifika u tal-baġit speċifiku għas-snin li ġejjin sabiex il-benefiċċji potenzjali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru realtà.”

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, żiedet tgħid: “Il-parteċipazzjoni fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mhux biss hija mod eċċellenti biex wieħed juri s-solidarjetà tiegħu, iżda tippermetti wkoll liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet ġodda u tagħti valur miżjud lis-CV tagħhom. Nittama li l-proposta tagħna għal Korp ta' Solidarjetà aktar b'saħħtu tiġi adottata malajr sabiex ikunu nistgħu nżidu ħafna aktar l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej tagħna.”

Mit-tnedija, il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà kienu attivi fl-Ewropa kollha. F'Awwissu 2017, pereżempju, grupp mill-voluntieri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà wasal f'Norcia, l-Italja, sabiex jgħin fl-isforzi li għaddejjin biex tissewwa l-ħsara u biex jerġgħu jinbnew is-servizzi soċjali għall-komunità lokali milquta mit-terremoti severi li laqtu r-reġjun is-sena ta' qabel. Total ta' 230 membru tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jappoġġaw lill-komunitajiet Taljani li ntlaqtu mit-terremoti sal-2020. Parteċipanti oħrajn tal-Korp ta' Solidarjetà, pereżempju, jaħdmu maż-żgħażagħ li ġejjin minn familji żvantaġġati jew li għandhom ħtiġijiet partikolari, mar-refuġjati jew mal-anzjani, minn Rotterdam fin-Netherlands sa Aveiro fil-Portugall, u ħafna aktar postijiet fl-Ewropa.

Il-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi tassenjalu baġit u bażi ġuridika apposta għalih, u biex iżżid l-attivitajiet tiegħu, qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Fl-20 ta' Novembru 2017, l-Istati Membri laħqu ftehim bejniethom fil-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, li jwitti t-triq għal ftehim finali mal-Parlament Ewropew.

Kuntest

Waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President tal-Kummissjoni Juncker ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li joffri liż-żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 30 sena, l-opportunità li jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' solidarjetà fl-UE.

Xahrejn wara, tnieda l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bl-għan li jkollu 100,000 parteċipant żagħżugħ sa tmiem l-2020.

F'din l-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, ġew immobilizzati tmien programmi differenti biex iż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet diffiċli fl-UE. Il-parteċipazzjoni se tkun ta' benefiċċju mhux biss għaż-żgħażagħ mil-lat tal-iżvilupp personali tagħhom, tal-involviment attiv tagħhom fis-soċjetà u tal-impjegabbiltà tagħhom, iżda se tgħin ukoll lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-korpi pubbliċi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-isfidi tas-soċjetà u ma' sfidi oħrajn.

Wara il-kollokament tal-voluntiera mal-organizzazzjonijiet, fażi li bdiet f'Marzu 2017, il-parti professjonali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bdiet f'Lulju b'żewġ proġetti mmexxija mis-Servizz Pubbliċi tal-Impjiegi Taljani u Franċiżi u appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-proġetti qegħdin joffru impjiegi jew traineeships relatati mas-solidarjetà f'pajjiż ieħor tal-UE għal massimu ta' 6,000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Fit-30 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jitpoġġa fuq sisien sodi, b'baġit ta' €341.5 miljun għas-snin 2018 sa 2020 u b'bażi ġuridika speċifika għalih. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Minbarra li joffri kollokamenti f'volontarjat, fi traineeships u f'impjiegi, fil-ġejjieni l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jagħti wkoll l-opportunità lill-parteċipanti li jistabbilixxu l-proġetti ta' solidarjetà tagħhom stess jew li jivvolontarjaw bħala grupp.

Fis-17 ta' Novembru, f'Gothenburg (l-Iżvezja), il-President Juncker stieden lill-mexxejja tal-UE, waqt l-Ikla ta' Ħidma tagħhom dwar l-edukazzjoni u l-kultura, biex jilħqu mira ta' 1,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li qed jieħdu sehem fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-2025. Din il-mira tirrikjedi baġit ta' €6 biljun għall-perjodu 2021–2027.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-paġna tar-reġistrazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-paġna ta' facebook tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Twitter: #EUSolidarityCorps

Segwi lill-Kummissarju Oettinger fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Navracsics fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Thyssen fuq Twitter u Facebook

IP/17/5031

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar