Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea L-Investiment fiż-Żgħażagħ għal Futur Sostenibbli

Abidjan, it-30ta' novembru 2017

Il-Ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea sar bejn id-29 u t-30 ta' Novembru f'Abidjan, bit-tema ġenerali taż-Żgħażagħ. Is-Summit laqqa' flimkien mexxejja minn 55 Stat Membru tal-Unjoni Afrikana u minn 28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-UE kienet irrappreżentata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u mill-President tal-Kunsill tal-UE Donald Tusk flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Federica Mogherini, il-Viċi President responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali tal-UE Andrus Ansip u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali Neven Mimica. L-Unjoni Afrikana kienet irrappreżentata mill-President tal-Unjoni Afrikana Alpha Condé u mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Moussa Faki Mahamat.

Fl-okkażjoni, il-President Juncker qal: “Tkellimna ħafna dwar iż-żgħażagħ matul dan is-summit. Illum, il-parti l-kbira taċ-ċittadini Afrikani għandhom anqas minn 25 sena, u sa nofs dan is-seklu persuna minn kull erbgħa fid-dinja se tkun Afrikana. Dan id-dividend demografiku ma jistax jagħti l-frott mingħajr investimenti għaqlija. Għal din ir-raġuni se ninvestu fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, fil-paċi u s-sigurtà, kif ukoll fil-governanza tajba. Dan kollu se jħeġġeġ ambjenti ta' negozju tajba u se joħloq l-impjiegi u t-tkabbir li tant għandna bżonn.” Aqra l-kummenti kollha tal-President hawnhekk.

Fid-dikjarazzjoni politika tagħhom, il-mexxejja Ewropej u Afrikani stabbilixxew l-impenn komuni tagħhom biex jinvestu fiż-żgħażagħ għal futur sostenibbli. Fil-fatt, huma impenjaw ruħhom biex jiffukaw il-ħidma tagħhom fuq erba' prijoritajiet strateġiċi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana, fi żmien tliet xhur se jressqu proġetti u programmi konkreti.

Il-mobilizzazzjoni ta' investimenti għat-trasformazzjoni strutturali u sostenibbli tal-Afrika

Il-mexxejja Ewropej ippreżentaw il-Pjan ta' Investiment Estern innovattiv tal-UE, li ntlaqa' mill-mexxejja Afrikani. Dan se jimmobilizza SA EUR 44 biljun f'investimenti privati għall-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Se tingħata attenzjoni speċjali għat-tisħiħ tal-intraprenditorija tan-nisa u taż-żgħażagħ. Il-Pjattaforma Negozju Sostenibbli għall-Afrika (SB4A) li għadha kemm tnediet se tippermetti għal djalogu strutturat mas-settur privat Ewropew u Afrikan.

L-investiment fin-nies permezz tal-edukazzjoni, ix-xjenza, u t-teknoloġija u l-iżvilupp tal-ħiliet

Ġiet enfasizzata l-importanza li tiġi appoġġata l-edukazzjoni inklussiva u t-taħriġ vokazzjonali. Il-mexxejja qablu wkoll li jsaħħu l-mobilità tal-istudenti, il-persunal u l-akkademiċi madwar il-kontinent Afrikan, kif ukoll il-programmi ta' skambju bejn l-Afrika u l-Ewropa, bħal ERASMUS+.

It-tisħiħ tar-Reżiljenza, tal-Paċi, tas-sigurtà u tal-governanza

Il-mexxejja se jintensifikaw il-ħidma tagħhom biex isaħħu l-paċi u s-sigurtà fiż-żewġ kontinenti. F'dan ir-rigward, huma se jsaħħu l-kooperazzjoni strateġika, politika u operazzjonali bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, bi sħubija mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti. Reġa' ġie mtenni l-appoġġ għax-xogħol li jkun għaddej fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża t-Task Force Konġunta Multinazzjonali kontra l-Boko Haram, il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja, li l-UE hija l-akbar kontributur tagħhom.

Il-ġestjoni tal-mobilità u tal-migrazzjoni

Il-mexxejja Ewropej u Afrikani tennew mill-ġdid l-impenn politiku qawwi tagħhom biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari bi spirtu ta' sħubija ġenwina u responsabbiltà kondiviża, u b'rispett sħiħ tal-liġijiet internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll biex joħolqu mogħdijiet legali għall-migrazzjoni. Il-mexxejja impenjaw ruħhom biex ikabbru l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-mobilità f'qafas konġunt, inkluż djalogu kontinentali bejn l-Afrika u l-Ewropa.

Huma enfasizzaw il-bżonn assolut li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-migranti u r-refuġjati fil-Libja, u biex tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex tingħatalhom l-assistenza xierqa u biex tiġi ffaċilitata r-ripatrijazzjoni volontarja tagħhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, kif ukoll bħala soluzzjonijiet dewwiema għar-refuġjati. Biex tiġi indirizzata b'mod konġunt is-sitwazzjoni drammatika tal-migranti u r-refuġjati vittmi ta' netwerks kriminali, b'mod partikolari fil-Libja, il-President Jean-Claude Juncker, u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres u l-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana Moussa Faki Mahamat qablu dwar it-twaqqif ta' Task Force konġunta bejn l-UE, l-UA u n-NU biex isalvaw u jipproteġu l-ħajjiet tal-migranti u r-refuġjati tul ir-rotot u b'mod partikolari fil-Libja. Barra minn hekk, se jiġu intensifikati l-isforzi biex tiżdied il-mobilità intra-Afrikana u l-moviment liberu ta' persuni fl-Afrika.

Avvenimenti ta' tħejjija qabel is-Summit bejn l-UA u l-UE

Qabel is-Summit bejn l-UA u l-UE saru għadd ta' avvenimenti importanti, inkluż tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet lokali u tal-atturi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll tal-Parlament Ewropew u ta' dak Pan-Afrikan.

Bejn id-9 u l-11 ta' Ottubru, mexxejja żgħażagħ mill-Afrika u l-Ewropa nġabru fis-Summit taż-Żgħażagħ f'Abidjan, u l-ħidma tagħhom intensifikat fil-kuntest tal-Inizjattiva Plugin taż-Żgħażagħ bejn l-UA u l-UE. Huma żviluppaw Dikjarazzjoni taż-Żgħażagħ bi proposti konkreti għall-mexxejja li taw impetu siewi fit-tħejjija u fit-tiswir tar-riżultati tas-Summit bejn l-UA u l-UE. Barra minn hekk ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jindirizzaw lill-mexxejja Afrikani u Ewropej matul is-Summit biex jippreżentaw dawn il-proposti.

Is-sitt forum tan-Negozju UE-Afrika sar fis-27 ta' Novembru, meta l-mexxejja fin-negozju, l-investituri, in-negozji ġodda innovattivi, l-imprendituri żgħażagħ u nisa miż-żewġ kontinenti, żviluppaw rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb il-klima tan-negozju u tal-investiment.

Fil-jum ta' qabel is-Summit, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-Ewropa u mill-Afrika nġabru f'Abidjan għal laqgħa Ministerjali, kopreseduta mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini.

Għal Aktar Informazzjoni

Dikjarazzjoni Politika

Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sitwazzjoni tal-Migrazzjoni fil-Libja

Stqarrija għall-istampa konġunta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea dwar it-Task Force Konġunta

Intervent tal-President Jean-Claude Juncker fis-seduta inawgurali tal-Ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea

Kummenti tal-ftuħ mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini waqt il-Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea qabel il-Ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea

Kummenti tal-għeluq mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini fis-Sitt Forum tan-Negozju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika

Diskors mill-Viċi President Ansip dwar il-konferenza dwar it-trasformazzjoni diġitali fl-Afrika

Dikjarazzjoni tal-ftuħ mill-Viċi President Ansip fil-bord ta' livell għoli dwar l-ekonomija diġitali, Forum tan-Negozju bejn l-UE u l-Afrika

Riżultati ewlenin ta' 30 sena ta' kooperazzjoni ta' riċerka mal-Afrika u StoryMap tal-Afrika interattiva.

 

IP/17/5007

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar