Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan Direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

Brussell, is-6ta' dicembru 2017

Bi Pjan direzzjonali għal azzjoni u numru ta' miżuri konkreti, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tagħti riżultati fuq l-impenn magħmul mill-President Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 u r-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015 biex tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa.

Abbażi tal-viżjoni stabbilita fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015 u d-Dokumenti ta' Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Futur tal-Finanzi tal-UE tar-rebbiegħa 2017, il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi Pjan direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inklużi passi konkreti li għandhom jittieħdu matul it-18-il xahar li ġejjin. Qed jiġu ppreżentati wkoll għadd ta' inizjattivi bħala parti minn dan il-pakkett. L-għan globali huwa li jiġu mtejba l-unità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà demokratika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa sal-2025.

Il-President Juncker qal: “Wara snin ta' kriżijiet, issa huwa ż-żmien li nieħdu r-riedni f'idejna għall-futur tal-Ewropa. It-tkabbir ekonomiku b'saħħtu tal-lum jinkoraġġina nimxu ‘l quddiem biex niżguraw li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna tkun iktar magħquda, effiċjenti u demokratika, u li taħdem għaċ-ċittadini kollha tagħna. Ma hemmx żmien aħjar biex nippreparaw għal meta jkun hemm bżonn.”

L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) huwa mezz biex jinkiseb għan: iktar impjieg, tkabbir, investiment, ġustizzja soċjali u stabbiltà makroekonomika. Il-munita unika toffri protezzjoni u opportunitajiet lill-Ewropej, u żona tal-euro b'saħħitha u stabbli hija essenzjali għall-membri tagħha kif ukoll l-UE b'mod ġenerali. Fis-snin riċenti kien hemm riformi istituzzjonali importanti biex isaħħu l-UEM tal-Ewropa iżda l-arkitettura tagħha tibqa' mhux kompluta. Il-Pjan direzzjonali tal-lum jirrifletti l-isfidi li fadal u jistabbilixxi t-triq ‘il quddiem.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet l-Ewropa ma bdietx fiż-żona tal-euro iżda kixfet xi dgħufijiet istituzzjonali tagħha. Kważi għaxar snin wara, bis-saħħa tal-isforzi determinati fil-livelli kollha, l-Ewropa qed tesperjenza rkupru robust fit-tkabbir ekonomiku fl-Istati Membri kollha. Il-qgħad jinsab fl-inqas livell tiegħu mill-2008. Is-sentiment ekonomiku jinsab fl-ogħla punt tiegħu mill-2000. L-Ewropej qed juru wkoll l-ogħla livell ta' appoġġ għall-munita unika mill-introduzzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro.

Dan jipprovdi opportunità għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa. It-18-il xahar li ġejjin jenħtieġ li jiġu użati biex jittieħdu l-passi meħtieġa li jmiss, kif maqbul fl-Aġenda tal-Mexxejja.

Apparti l-Pjan direzzjonali, il-pakkett tal-lum jinkludi erba' inizjattivi prinċipali:

  1. Proposta biex jiġi stabbilit Fond Monetarju Ewropew (FME), ankrat fil-qafas legali tal-UE u mibni fuq l-istruttura stabbilita sew tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES). Fis-snin riċenti, il-MES kellu rwol deċiżiv fis-salvagwardja tal-istabbiltà taż-żona tal-euro billi assista l-Istati Membri biex jerġgħu jiksbu jew iżommu aċċess għas-swieq tal-bonds sovrani. L-FME jibni fuq l-arkitettura tal-MSE, filwaqt li essenzjalment jinżammu l-istrutturi finanzjarji u istituzzjonali attwali tiegħu, inkluż fir-rigward tar-rwol li għandhom il-parlamenti nazzjonali. B'hekk ikompli jassisti l-Istati Membri taż-żona tal-euro f'diffikultà finanzjarja. Barra minn hekk, l-FME jipprovdi l-garanzija komuni ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni u jaġixxi bħala s-sellief aħħari sabiex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ordnata tal-banek f'diffikultà. Huwa previst ukoll teħid tad-deċiżjonijiet iktar rapidu f'każijiet ta' urġenza u involviment iktar dirett fil-ġestjoni ta' programmi ta' assistenza finanzjarja. Maż-żmien, l-FME jista' jiżviluppa wkoll strumenti finanzjarji ġodda, pereżempju biex jappoġġaw funzjoni ta' stabbilizzazzjoni possibbli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw din il-proposta sa nofs l-2019.
  1. Proposta biex tiġi integrata s-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fil-qafas legali tal-Unjoni, filwaqt li titqies il-flessibbiltà xierqa mibnija fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u identifikata mill-Kummissjoni minn Jannar 2015. Fl-2012, il-25 Stat Membru firmatarji impenjaw irwieħhom legalment li jinkorporaw s-sustanza tat-Trattat fil-liġi tal-Unjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2018. Il-Parlament Ewropew ukoll talab dan. Il-proposta tinkorpora l-elementi prinċipali tat-Trattat fil-liġi tal-Unjoni sabiex tappoġġa oqfsa legali b'saħħithom fuq livell nazzjonali u hija f'konformità sħiħa mar-regoli eżistenti definiti fil-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw din il-proposta sa nofs l-2019.
  1. Komunikazzjoni dwar strumenti baġitarji ġodda għal żona tal-euro stabbli fil-qafas tal-Unjoni li tistabbilixxi viżjoni dwar kif ċerti funzjonijiet baġitarji essenjzali għaż-żona tal-euro u l-UE b'mod ġenerali jistgħu jiġu żviluppati fil-qafas tal-finanzi pubbliċi tal-UE tal-lum u għada. Il-Komunikazzjoni tiddiskuti erba' funzjonijiet speċifiċi: a) appoġġ lil Stati Membri għal riformi strutturali permezz ta' għodda ta' konsenja ta' riforma u appoġġ tekniku wara talba mill-Istati Membri; b) faċilità ta' konverġenza dedikata għal Stati Membri li jinsabu fil-proċess biex jingħaqdu mal-euro; c) garanzija għall-Unjoni Bankarja, permezz tal-FME/MES, li għandha tiġi maqbula sa nofs l-2018 u ssir operazzjonali sal-2019; u d) funzjoni ta' stabbilizzazzjoni sabiex iżżomm il-livelli tal-investiment fil-każ ta' xokkijiet asimetriċi kbar. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-inizjattivi meħtieġa f'Mejju 2018 fil-kuntest tal-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill imbagħad ikunu mistiedna jadottaw dawn il-proposti sa nofs l-2019. Għall-perjodu 2018-2020, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li jissaħħaħ il-Programm ta' Appoġġ għal Riforma Strutturali, billi jiġi rdoppjat il-finanzjament disponibbli għal attivitajiet ta' appoġġ tekniku, biex b'hekk jilħaq €300 miljun sal-2020. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tiġi ttestjata l-għodda ta' konsenja ta' riforma ġdida f'fażi pilota. Għal dan l-għan, hija tipproponi bidliet immirati fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirregola l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) sabiex jiġu estiżi l-possibbiltajiet li tintuża parti mir-riżerva tal-prestazzjoni tagħhom b'appoġġ ta' riformi maqbula. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw dawn l-aħħar żewġ proposti sa nofs l-2018.
  1. Komunikazzjoni li tispjega l-funzjonijiet possibbli ta' Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi li jista' jservi bħala Viċi President tal-Kummissjoni u president tal-Grupp tal-Euro, kif huwa possibbli skont it-Trattati tal-UE attwali. Billi tgħaqqad flimkien responsabbiltajiet eżistenti u għarfien espert disponibbli, din il-pożizzjoni l-ġdida ssaħħaħ il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika ta' tfassil tal-politika ekonomika għall-UE u ż-żona tal-euro, b'rispett sħiħ għall-kompetenzi nazzjonali. Jekk jintlaħaq fehim komuni dwar ir-rwol ta' Ministru sa nofs l-2019, dan jippermetti l-istabbiliment tiegħu bħala parti mill-formazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss. Il-Grupp tal-Euro mbagħad jista' wkoll jiddeċiedi li jeleġi l-Ministru bħala l-President tiegħu għal żewġ termini konsekuttivi sabiex jallinja ż-żewġ mandati.

Il-pakkett tal-lum la huwa l-ewwel u lanqas l-aħħar pass fil-proċess tat-tlestija ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa - waħda mal-ikbar prijoritajiet għall-Kummissjoni tal-President Juncker, kif stabbilit fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti u d-Dokumenti ta' Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Futur tal-Finanzi tal-UE. Ir-riformi kollha mibdija sa issa ġew xprunati mill-ħtieġa li jingħaqdu s-solidarjetà u r-responsabbiltà fil-livelli kollha u din hija wkoll prijorità ċentrali tal-pakkett tal-lum.

Ir-riħ fil-qala' tal-Ewropa” mhux biss rigward prestazzjoni ekonomika, iżda wkoll fir-rigward tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-munita unika. Ewrobarometru Flash ġdid dwar iż-żona tal-euro ppubblikat illum juri li 64 % ta' dawk li wieġbu jgħidu li l-euro huwa xi ħaġa tajba għal pajjiżhom.

Sfond

Il-pakkett tal-lum huwa parti mill-Pjan Direzzjonali usa' tal-President Juncker għal Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika kif ukoll mill-Aġenda tal-Mexxejja fit-triq għal Sibiu, ippreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, fejn fid-9 ta' Mejju 2019 għandhom jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-futur tal-Ewropa. Il-pakkett, li jibni wkoll fuq ideat ippreżentati mill-Parlament Ewropew u l-President Franċiż Emmanuel Macron fid-Diskors tiegħu ta' Sorbonne f'Settembru, huwa ppreżentat qabel is-Summit tal-Euro inklużiv fil-15 ta' Diċembru 2017 fejn il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu għall-ewwel diskussjoni dwar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu, u laqgħa ddedikata ppjanata fit-28-29 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li jintlaħqu deċiżjonijiet konkreti.

Għal Aktar Informazzjoni

IP/17/5005

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


EMU Roadmap.pdf