Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa: Il-President Juncker u l-Prim Ministru Żvediż Löfven jippreżentaw t-triq 'il quddiem wara s-Summit Soċjali

Brussell, it-28ta' novembru 2017

Inqas minn ġimagħtejn wara s- Summit Soċjali li sar fis-17 ta' Novembru f'Gothenburg, iż-żewġ ospitanti tas- Summit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker u l-Prim Ministru Żvediż Löfven, jagħmlu rendikont tal-eżitu tiegħu.

Ir-rapport finali ppubblikat llum se jservi bħala qafas għas-segwitu tas-Summit, li jibda bil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru. Id-diskussjonijiet bejn il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fis-Summit urew li bosta għandhom pożizzjoni komuni dwar il-ħtieġa li l-Ewropa tiġi mgħammra b'dimensjoni soċjali b'saħħitha u tanġibbli. Waqt li nimxu 'l quddiem, li nindirizzaw l-isfidi tas-swieq tax-xogħol, u niffukaw kemm fuq l-iżvilupp ekonomiku kif ukoll fuq dak soċjali se jkunu essenzjali. Is-Summit kien l-ewwel pass importanti fid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa kif ippreżentat fil-Pjan Direzzjonali għal Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika tal-President Juncker, kif ukoll l-ewwel pass fit-triq lejn il-laqgħa tal-Mexxejja tal-UE f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal: “Is-Summit Soċjali kien mument fundamentali fid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Huwa bagħat messaġġ ċar li Unjoni aktar b'saħħitha, aktar demokratika u aktar ġusta fl-Unjoni trid tkun mibnija fuq impjiegi ġusti, tkabbir inklużiv, u opportunitajiet indaqs. Bil-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-istituzzjonijiet u l-mexxejja kollha tal-UE għamluha ir-responsabbiltà konġunta tagħna li niddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħna f'dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel. Issa wasal iż-żmien għat-twettiq. Dan jibda bil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru. U tistgħu sserrħu raskom li l-Kummissjoni Ewropea se tkompli jkollha rwol b'saħħtu f'dan l-isforz, notevolment permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Löfven, żied jgħid: “Wasal iż-żmien għal Ewropa soċjali. Jeħtieġ li ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini u fl-istess ħin inżidu l-kompetittività tagħna f'ekonomija globali.

Fis-Summit, il-parteċipanti affermaw mill-ġdid ir-responsabbiltà konġunta tagħhom biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol tagħna fil-livelli kollha. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġie pproklamat waqt is-Summit mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea bħala espressjoni ta' dan l-impenn konġunt. Fl-ispirtu tal-Pilastru, il-parteċipanti waqt is-Summit qablu li l-ħtieġa li tkun promossa l-konverġenza tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet tagħna jinħtieġ li tintlaħaq permezz ta' sforzi fil-livelli kollha, anki mis-sħab soċjali. Jinħtieġ li jittieħdu aktar passi sabiex jitjieb l-aċċess għas-swieq tax-xogħol biex jiżdied l-għadd ta' rġiel u nisa fl-impjieg, ikunu żgurati kundizzjonijiet ġusti tal-impjieg u tax-xogħol u jkunu appoġġati t-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi billi ninvestu fin-nies, filwaqt li nikkunsidraw id-diversità ta' tradizzjonijiet soċjali madwar l-Ewropa.

B'mod aktar speċifiku, is-Summit fakkar fil-ħtieġa li ċ-ċittadin jiġi l-ewwel permezz ta' sforzi konġunti fil-livelli kollha, u li tkun żviluppata d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni bbażata fuq impenn kondiviż u kompetenzi stabbiliti. Bħala l-ewwel pass li jmiss, dan li ġej jinħtieġ li jitmexxa 'l quddiem:

F'Diċembru, il-Kunsill Ewropew se jsegwi fuq is-Summit ta' Gothenburg, billi jindirizza d-dimensjoni soċjali fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Bħala ospitant konġunt tas-Summit Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli twettaq il-parti tagħha f'dawn id-diskussjonijiet. Is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika jinħtieġ li jkun il-qafas ewlieni biex id-diskussjonijiet dwar id-dimensjoni soċjali jimxu 'l quddiem.

Kuntest

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iltaqgħu f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017 mal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, l-istudenti u l-esperti ewlenin waqt is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, organizzat mill-Gvern Żvediż u mill-Kummissjoni Ewropea.

Tmien xhur wara ċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma, is-Summit kien jikkostitwixxi opportunità straordinarja għall-mexxejja u għall-partijiet ikkonċernati biex jiddiskutu suġġetti li jolqtu l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. Bħala tali, huwa kkontribwixxa għad-dibattitu dwar il-futur tal-UE, li nbeda fis-Summit ta' Bratislava u li ssawwar mill-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea u mill-ħames dokumenti sussegwenti ta' riflessjoni, b'mod partikolari dak dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, li kien ippreżentat aktar kmieni din is-sena.

Is-Summit iffoka fuq kif għandha tingħata spinta lit-tkabbir inklużiv, lill-ħolqien tal-impjiegi ġusti u jittrawmu opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa kollha, filwaqt li jkunu rikonoxxuti sfidi komuni u r-rikkezza ta' esperjenzi differenti madwar l-Ewropa. Id-diskussjonijiet saru f'format uniku, miftuħ u interattiv li wassal għal perspettivi differenti biex jinstemgħu u biex ikunu diskussi soluzzjonijiet differenti, waqt li jkunu kkunsidrati l-isfidi komuni u l-ispeċifiċitajiet tal-kuntest u tal-prijoritajiet nazzjonali. Streaming dirett ippermetta li ċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha jsegwu d-diskussjoni f'ħin reali. Is-Summit kien ukoll xhieda tal-proklamazzjoni konġunta tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea. Dan bagħat messaġġ qawwi ta' unità u impenn politiku.

Għal Aktar Informazzjoni

Rapport ta' għeluq dwar is-Summit Soċjali

Sit web dwar is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir

Noti ta' input għat-tliet sessjonijiet ta' ħidma tas-Summit dwar kif nippromwovu l-impjiegi ġusti u t-tkabbir fil-futur

Skeda informattiva tal-Kummissjoni dwar is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

 

 

 

IP/17/4973

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar