Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-programm Erasmus+: sena rekord oħra

Brussell, it-30ta' novembru 2017

Illum, hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 anniversarju tal-Erasmus waslu fi tmiemhom, il-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar il-kisbiet tal-programm Erasmus+ fl-2016.

Ir-rapport dwar l-Erasmus+ fl-2016 jikkonferma r-rwol ewlieni tal-programm fil-bini ta' Ewropa aktar reżiljenti u magħquda madwar il-valuri komuni Ewropej.

Permezz ta' żieda ta' 7.5 % fil-baġit tal-Erasmus+ meta mqabbla mas-sena preċedenti, l-UE investiet rekord ta' EUR 2.27 biljun biex tappoġġja 725,000 Ewropew b'għotja għall-mobilità biex jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Dan iwassal għal total ta' aktar minn 2 miljuni minn mindu beda l-programm attwali fl-2014. Fl-2016, il-programm investa wkoll f'21,000 proġett bl-involviment ta' 79,000 organizzazzjoni tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, li jfisser żieda ta' 15 % meta mqabbel mal-2015.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Tibor Navracsics, sostna: “Il-programm Erasmus+ issa wasal f'nofs il-vjaġġ ta' seba' snin tiegħu.Inħossni kburi bil-mod kif il-programm irnexxielu jixpruna l-għaqda fl-Ewropa, filwaqt li kkontribwixxa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-individwi u tas-soċjetà tagħna.Il-mobilità tal-Erasmus+ tiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi, u ssaħħaħ identità Ewropea li tikkomplementa u tarrikkixxi l-identitajiet nazzjonali u reġjonali.Din hija r-raġuni għalfejn ħeġġiġna lill-mexxejja tal-UE li ltaqgħu f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru biex jaħdmu favur Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u biex jagħmlu l-mobilità realtà għal kulħadd sal-2025, billi jirdoppjaw l-għadd ta' parteċipanti tal-Erasmus+ u jilħqu lil persuni li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati.”

Ir-riżultati juru li l-Erasmus+ jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu li jappoġġja 3.7 % taż-żgħażagħ fl-UE bejn l-2014 u l-2020. Juru wkoll li l-programm għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għal Ewropa miftuħa fejn il-mobilità fit-tagħlim hija n-norma, kif stipulat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “It-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u tal-Kultura” diskussa mill-mexxejja tal-UE waqt l-Ikla ta' Ħidma tagħhom f'Gothenburg, fl-Iżvezja, fis-17 ta' Novembru.

Matul is-sena akkademika 2015/2016, l-Erasmus+ ta l-opportunità lill-istituti ta' edukazzjoni għolja li jibagħtu u jirċievu 330,000 student u persunal, fosthom 26,000 lejn u minn pajjiżi sħab. Franza, il-Ġermanja u Spanja kienu t-tliet pajjiżi li l-aktar li bagħtu parteċipanti, filwaqt li Spanja, il-Ġermanja u r-Renju Unit kienu l-aktar tliet pajjiżi popolari li ospitaw lill-parteċipanti.

Ir-rapport ippubblikat illum juri wkoll kif l-Erasmus+ ikkontribwixxa biex jirrispondi għall-isfidi soċjali usa' fl-2016. Dan jinkludi azzjonijiet biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u biex jiżguraw li ż-żgħażagħ jiksbu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali u jitgħallmu jaħsbu b'mod kritiku.

  • Fl-2016, il-Programm Erasmus+ appoġġja, permezz ta' EUR 200 miljun, 1,200 proġett ta' kooperazzjoni li ffokaw fuq il-promozzjoni tat-tolleranza, in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali.
  • Is-settur taż-żgħażagħ, permezz ta' proġetti mmirati lejn ir-rifuġjati, il-persuni li jfittxu l-ażil u l-migranti, kien partikolarment attiv f'dan il-qasam.
  • Ġiet imnedija sejħa speċifika għal proposti (EUR 13-il miljun) għall-iżvilupp ta' politiki u ta' strateġiji li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni vjolenti u jippromwovu l-inklużjoni ta' studenti żvantaġġati, inklużi persuni minn sfond ta' migrazzjoni. Is-sejħa ffinanzjat 35 proġett bl-involviment ta' 245 organizzazzjoni. 

It-30 anniversarju tal-Erasmus: Kampanja ta' suċċess għal 30 sena

Il-pubblikazzjoni tar-rapport taħbat mal-għeluq tal-kampanja li tiċċelebra t-30 anniversarju tal-programm Erasmus u mal-preżentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Ġenerazzjoni tal-Erasmus+ dwar il-ġejjieni tal-Erasmus+. Matul l-2017, aktar minn 750,000 persuna ħadu sehem f'aktar minn 1,900 avveniment f'44 pajjiż biex jiċċelebraw, jiddiskutu dwar l-impatt, u jiddibattu dwar il-ġejjieni tal-Erasmus+. Ġew ippubblikati 65,000 artiklu dwar il-programm, li ġew kondiviżi għal aktar minn żewġ miljun darba fil-midja soċjali u laħqu aktar minn 90 miljun ruħ. L-applikazzjoni ġdida tal-mobile tal-Erasmus+, li tnediet f'Ġunju 2017, diġà tniżżlet aktar minn 22,000 darba.

F'Gothenburg, il-President Juncker stieden lill-mexxejja tal-UE biex jirdoppjaw l-għadd ta' żgħażagħ fl-UE li jipparteċipaw fl-Erasmus+ (minn 3.7 % għal 7.5 %) sal-2025, li se jkun jeħtieġ baġit ta' EUR 29.4 biljun għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Matul il-laqgħa tagħhom, il-mexxejja tal-UE qablu li jżidu l-mobilità u l-iskambji, inkluż permezz ta' programm tal-Erasmus+ li jkun sostanzjalment imsaħħaħ, inklużiv u estiż għall-kategoriji kollha ta' studenti.

Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-Ġenerazzjoni Erasmus+ biex tipparteċipa fid-dibattitu u toħloq “meeting point” online tal-ġenerazzjoni tal-Erasmus+. Din id-diskussjoni rriżultat fi 30 rakkomandazzjoni dwar kif l-Erasmus+ jista' jsir “programm ikbar” b'“impatt ikbar fuq il-ġejjieni tal-Ewropa”. Id-Dikjarazzjoni mfassla mill-Ġenerazzjoni tal-Erasmus+ se tiġi ppreżentata uffiċjalment u diskussa llum matul l-avveniment ta' għeluq tal-kampanja tal-anniversarju. 

Kuntest

L-Erasmus+ u l-predeċessuri tiegħu huma fost l-aktar programmi tal-Unjoni Ewropea li għamlu suċċess. Għal tletin sena, offrew opportunitajiet, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, biex jiksbu esperjenzi ġodda u jwessgħu l-orizzonti tagħhom billi jsiefru. Dak li fl-1987 beda bħala skema modesta ta' mobilità għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja, bi 3,200 student fl-ewwel sena, żviluppa fi programm ewlieni li minnu kull sena jibbenefikaw kważi 300,000 student tal-edukazzjoni għolja.

Il-programm Erasmus+ attwali, mill-2014 sal-2020, għandu baġit ta' EUR 14.7 biljun u se jipprovdi opportunitajiet għal 3.7 % taż-żgħażagħ fl-UE biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta' xogħol u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom (jiġifieri madwar 3.3 miljun żagħżugħ tul dak il-perjodu). Il-firxa ġeografika tal-programm kibret minn 11-il pajjiż fl-1987 għal 33 bħalissa (it-28 Stat Membru kollha tal-UE, kif ukoll it-Turkija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein). Barra minn hekk, il-programm huwa miftuħ għal pajjiżi sħab madwar id-dinja. 

Aktar informazzjoni

Memo

Ir-Rapport Annwali tal-Erasmus+ 2016

Skeda informattiva dwar l-Erasmus+

Skedi informattivi speċifiċi għal kull pajjiż

Skeda informattiva dwar it-30 anniversarju tal-Erasmus

Skedi informattivi dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

 

IP/17/4964

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar