Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tassazzjoni Ġusta: Il-Kummissjoni tipproponi għodod ġodda biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.

Brussell, it-30ta' novembru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet għodod ġodda biex is-sistema tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) tal-UE tkun aktar reżistenti għall-frodi u tagħlaq il-lakuni li jistgħu jwasslu għall-frodi tal-VAT fuq skala kbira.

Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jibnu klima ta' fiduċja bejn l-Istati Membri sabiex huma jkunu jistgħu jaqsmu aktar informazzjoni bejniethom kif ukoll jagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u dawk tal-infurzar tal-liġi.

L-aktar stimi prudenti juru li l-frodi tal-VAT tista' twassal għal telf ta' dħul ta' aktar minn EUR 50 biljun fis-sena għall-Istati Membri tal-UE — flus li għandhom imorru għall-investiment pubbliku bħal fi sptarijiet, skejjel u toroq. Il-kixfiet tal-“Paradise Papers” reġgħu urew kif skemi ta' evitar tat-taxxa jistgħu jintużaw biex jgħinu lil individwi għonja u lil kumpaniji jduru mar-regoli tal-VAT tal-UE, biex jevitaw li jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa. Rapporti riċenti jissuġġerixxu wkoll li skemi ta' frodi tal-VAT jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati organizzazzjonijiet kriminali, inkluż it-terroristi.

Il-proposti tal-lum jippermettu lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni aktar rilevanti u biex jikkooperaw aktar fil-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal: “Il-frodi transfruntiera tal-VAT hija l-kawża ewlenija ta' telf mid-dħul għall-Istati Membri u għall-baġits tal-UE. Il-proposta tal-lum tgħin biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jaħdmu fil-livell nazzjonali u fil-livell ta' UE sabiex jindirizzaw b'mod effikaċi din il-problema u biex jitjieb il-ġbir tat-taxxa.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Il-Paradise Papers reġgħu wrew kif xi wħud qed jieħdu vantaġġ mill-applikazzjoni laxka tar-regoli tal-VAT fl-UE biex iħallsu inqas VAT minn oħrajn. U aħna nafu li l-frodi tal-VAT tista' tkun sors ta' finanzjament għal atti kriminali, inkluż it-terroriżmu. Biex din tiġi miġġielda hemm bżonn li l-qsim tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkun ħafna iktar effikaċi minn dak li jeżisti bħalissa - u l-proposti tal-lum se jaraw li dan iseħħ. Bħala eżempju, l-Eurofisc, in-netwerk tal-UE ta' esperti ta' kontra l-frodi se jkollhom aċċess għal dejta dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozzi minn Stati Membri oħra, u dan jgħin biex sors ewlieni ta' frodi tal-VAT, marbut mal-bejgħ tal-karozzi ġodda apparagun ta' dawk użati, jiġi interrott.

Filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri diġà jaqsmu xi informazzjoni fuq in-negozju u l-bejgħ transfruntier, din il-kooperazzjoni tiddependi ħafna fuq l-ipproċessar manwali tal-informazzjoni. Fl-istess ħin, l-informazzjoni dwar il-VAT u l-intelligence dwar gruppi organizzati involuti fil-każijiet l-aktar serji ta' frodi tal-VAT mhumiex sistematikament kondiviżi ma' korpi tal-infurzar tal-UE. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta' koordinazzjoni investigattiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u tal-UE jfisser li din l-attività kriminali, f'evoluzzjoni kontinwa, bħalissa mhix qed tiġi segwita u lanqas iffaċċjata kemm jista' jkun malajr.

Il-proposti tal-lum jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jippermettulhom li jindirizzaw l-frodi tal-VAT aktar malajr u b'mod aktar effikaċi, inkluża l-frodi li ssir online. Meħuda flimkien, il-proposti se jagħtu spinta kbira biex inkunu kapaċi nsegwu u nrażżnu lil dawk li jwettqu l-frodi u lill-kriminali li jisirqu d-dħul mit-taxxa għall-qligħ tagħhom stess.

Il-miżuri ewlenin f'din il-leġiżlazzjoni jinkludu:

  • It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri: Il-frodi tal-VAT tista' sseħħ fi ftit minuti, għaldaqstant l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom l-għodda biex jaġixxu malajr kemm jista' jkun. Il-proposta tal-lum tistabbilixxi sistema online għall-iskambju ta' informazzjoni f'“Eurofisc”, in-netwerk ta' esperti ta' kontra l-frodi li jeżisti fl-UE. Is-sistema tippermetti lill-Istati Membri biex jipproċessaw, janalizzaw u jawditjaw dejta dwar attività transfruntiera, biex jiġi żgurat li r-riskju jista' jkun evalwat mill-aktar fis possibbli u bl-aktar mod preċiż possibbli. Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-kontroll tal-provvisti transfruntiera, l-awditi konġunti se jippermettu li uffiċjali minn żewġ awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jew aktar, jiffurmaw tim tal-awditjar wieħed biex jiġġieldu l-frodi, b'mod partikolari għal każijiet ta' frodi fis-settur tal-kummerċ elettroniku. Setgħat ġodda se jingħataw ukoll lil Eurofisc biex jikkoordina l-investigazzjonijiet transfruntiera.
  • Il-ħidma ma' korpi ta' infurzar tal-liġi: Il-miżuri l-ġodda jiftħu linji ġodda ta' komunikazzjoni u ta' skambju tad-dejta, bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-korpi Ewropej tal-infurzar tal-liġi, dwar l-attivitajiet transfruntiera li dwarhom hemm is-suspett li jwasslu għal frodi tal-VAT: l-OLAF, il-Europol u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) li għadu kif twaqqaf. Il-kooperazzjoni ma' korpi Ewropej tippermetti li l-informazzjoni nazzjonali tiġi kontroverifikata ma' rekords kriminali, bażijiet tad-dejta u informazzjoni oħra f'idejn il-Europol u l-OLAF, sabiex jiġu identifikati realment dawk li jikkommettu l-frodi u n-netwerks tagħhom.
  • Il-kondiviżjoni ta' informazzjoni fundamentali dwar l-importazzjonijiet minn barra l-UE: Il-qsim ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana se jiġi mtejjeb iktar għal ċerti proċeduri doganali li bħalissa huma miftuħin għall-frodi tal-VAT. Permezz ta' proċedura speċjali, oġġetti li jaslu minn barra l-UE b'destinazzjoni finali fi Stat Membru wieħed jistgħu jaslu fl-UE permezz ta' Stat Membru ieħor u minn hawn 'il quddiem ikomplu jimxu mingħajr VAT. Il-VAT imbagħad tiġi biss imposta meta l-oġġetti jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom. Din il-karatteristika tas-sistema tal-VAT tal-UE għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ għall-kumpaniji onesti, iżda tista' tiġi abbużata biex il-merkanzija tiġi ddevjata lejn is-suq illeċtu u biex jiġi evitat il-pagament tal-VAT għal kollox. Skont ir-regoli l-ġodda, informazzjoni dwar merkanzija li tkun dieħla għandha tiġi kondiviża, u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana għandha tissaħħaħ fl-Istati Membri kollha.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-karozzi: In-negozju fil-karozzi kultant huwa wkoll suġġett għall-frodi minħabba d-differenza dwar kif il-VAT hija applikata għal karozzi ġodda u għal karozzi użati. Karozzi minn tal-aħħar jew karozzi ġodda, li għalihom l-ammont sħiħ huwa taxxabbli, jistgħu jinbiegħu bħala prodotti użati li għalihom il-marġni ta' profitt biss huwa suġġett għall-VAT. Sabiex tiġi indirizzata din it-tip ta' frodi, l-uffiċjali ta' Eurofisc jingħataw ukoll aċċess għal dejta dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozzi minn Stati Membri oħra.

Dawn il-proposti leġiżlattivi issa se jkunu ppreżentati quddiem il-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u quddiem il-Kunsill għall-adozzjoni.

Il-kuntest

Il-miżuri proposti jkomplu jibnu fuq “il-pilastri” għal żona unika ġdida definittiva tal-VAT fl-UE proposta f'Ottubru 2017, u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT lejn żona unika tal-VAT fl-UE ppreżentat f'April 2016.

Is-sistema komuni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) għandha rwol importanti fis-Suq Uniku tal-Ewropa. Il-VAT hija sors ewlieni u li qed jikber ta' dħul fl-UE, li ġġenerat 'il fuq minn EUR 1 triljun fl-2015, li jikkorrispondi għal 7 % tal-PDG tal-UE. Waħda mir-riżorsi proprji tal-UE hija wkoll ibbażata fuq il-VAT.

Minkejja bosta riformi, is-sistema tal-VAT ma rnexxilhiex żżomm il-pass mal-isfidi tal-ekonomija globali, diġitali u mobbli tal-lum. Is-sistema attwali tal-VAT ilha mill-1993 u kienet maħsuba bħala sistema tranżitorja. Hija frammentata u wisq kumplessa għal għadd dejjem jikber ta' negozji li joperaw bejn il-fruntieri, u tħalli l-bieb miftuħ għall-frodi: it-tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntiera huma trattati b'mod differenti u l-merkanzija jew is-servizzi jistgħu jinxtraw mingħajr VAT fis-Suq Uniku. Il-Kummissjoni għamlet pressjoni b'mod konsistenti għal riforma fis-sistema tal-VAT. Għall-kumpaniji li jagħmlu l-kummerċ fl-UE, il-fruntieri għadhom fatt tal-ħajja ta' kuljum f'dak li għandu x'jaqsam mal-VAT. Ir-regoli attwali tal-VAT huma wieħed mill-aħħar oqsma tal-liġi tal-UE li ma jikkonformawx mal-prinċipji li s-Suq Uniku jissejjes fuqhom.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistioqsijiet u tweġibiet dwar l-għodod proposti għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT

Pjan ta' Azjoni dwar il-VAT: Lejn żona unika tal-VAT fl-UE

Stqarrija għall-istampa dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-VAT

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-VAT

Skeda informattiva dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-VAT

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku

IP/17/4946

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar