Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Proprjetà intellettwali: Il-protezzjoni tal-għarfien espert u tal-pożizzjoni minn ta' quddiem fl-innovazzjoni tal-Ewropa

Brussell, id-29ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta miżuri biex tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu protetti sew, u b'hekk tinkoraġġixxi lill-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji ġodda, biex jinvestu fl-innovazzjoni u l-kreattività.

L-inizjattivi ppreżentati llum se jagħmluha aktar faċli li wieħed jaġixxi b'mod effikaċi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, kif ukoll jiffaċilitaw il-litigazzjoni transkonfinali u jippermettu li jiġu indirizzati l-iffalsifikar u l-piraterija ta' oġġetti importati fl-UE (b'valur ta' EUR 85 biljun). Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll negozjar ta' għoti ta' liċenzji li jkun ġust u bilanċjat b'mod li jippremja lill-kumpaniji għall-innovazzjoni tagħhom filwaqt li jippermetti wkoll lil kumpaniji oħrajn jibbażaw fuq din it-teknoloġija biex jiġġeneraw prodotti u servizzi innovattivi ġodda.

Il-Viċi-President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, sostna: “It-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa fil-biċċa l-kbira jiddependu fuq id-diversi intraprendituri tagħna – minn negozji ġodda sa kumpaniji kbar – li jinvestu fl-għarfien u f'ideat ġodda. Il-pakkett komprensiv li qed nippreżentaw illum itejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jinkoraġġixxi l-investiment fit-teknoloġija u l-iżvilupp tal-prodotti fl-Ewropa.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs Elżbieta Bieńkowska, qalet ukoll: “Illum qed insaħħu l-kapaċità kollettiva tagħna biex naqbdu l-“ħuta l-kbira” responsabbli għall-falsifikazzjoni tal-prodotti u għall-piraterija tal-kontenut li jagħmlu ħsara lill-kumpaniji u l-impjiegi tagħna – kif ukoll lis-saħħa u s-sikurezza f'ċerti oqsma bħalma huma dawk tal-mediċini jew tal-ġugarelli. Qegħdin ukoll inpoġġu lill-Ewropa bħala mexxej globali b'sistema ta' liċenzjar ta' privattivi li tikkontribwixxi għall-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti, minn smartphones sa' karozzi konnessi.”

Il-miżuri adottati llum jinkludu:

L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija: Il-Kummissjoni għandha l-għan li ċċaħħad lill-kontraventuri tal-Proprjetà Intellettwali li joperaw fuq skala kummerċjali mis-sorsi ta' dħul li jagħmlu l-attività kriminali tagħhom profitabbli – dan huwa 'l hekk imsejjaħ approċċ “segwi l-flus” li jiffoka fuq il-“ħuta l-kbira” aktar milli fuq l-individwi. Dan jiżgura wkoll li l-azzjonijiet ta' infurzar jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-era diġitali tal-lum. Permezz tal-inizjattivi tal-lum, il-Kummissjoni għandha l-għan li:

  • Tiżgura livell għoli ta' protezzjoni legali u qafas ġuridiku prevedibbli fl-UE kollha. Gwida ġdida tipprovdi kjarifika dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED) tal-2004. Din id-Direttiva kienet għodda rilevanti fil-ġlieda kontra l-abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda matul is-snin, fost l-Istati Membri, kien hemm interpretazzjonijiet differenti ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha. Il-gwida tiċċara dawn il-kwistjonijiet ta' interpretazzjoni, u b'hekk għandha żżid iċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha u tiffaċilita minnufih l-infurzar ċivili fl-UE kollha, mingħajr il-bżonn ta' leġiżlazzjoni ġdida. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom billi jagħtu spinta lit-taħriġ ġudizzjarju, jippubblikaw sistematikament is-sentenzi dwar każijiet ta' proprjetà intellettwali u jinkoraġġixu l-użu ta' għodod alternattivi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim.
  • Tinkoraġġixxi lill-industrija fil-ġlieda kontra l-ksur fil-materja tal-Proprjetà Intellettwali. Abbażi tal-esperjenzi pożittivi mill-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati permezz tal-internet, il-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-inizjattivi mmexxija mill-industrija biex jiġi miġġieled il-ksur fil-materja tal-proprjetà intellettwali, li jinkludu ftehimiet volontarji dwar ir-reklamar fuq is-siti elettroniċi, dwar is-servizzi ta' ħlas u dwar it-trasport u l-kunsinna. Dawn il-ftehimiet jistgħu jwasslu għal azzjoni aktar rapida kontra l-iffalsifikar u l-piraterija milli permezz ta' proċedimenti fil-qorti. Il-ftehimiet jikkomplementaw il-linji gwida riċenti tal-Kummissjoni għal pjattaformi online biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali.
  • Tnaqqas il-volum ta' prodotti ffalsifikati li jidħlu fis-suq tal-UE. Il-Kummissjoni qed tipproponi t-tisħiħ tal-programmi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (iċ-Ċina, l-Asja tax-Xlokk, l-Amerka Latina) u l-ħolqien ta' lista ta' sorveljanza tas-swieq li huma rrappurtati li jinvolvu ruħhom fi, jew jiffaċilitaw, ksur sostanzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni se tippubblika rapport aġġornat dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-UE, b'mod partikolari billi tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-UE dwar każi ta' ksur tal-PI għall-2013–2017 u tipproponi aktar għajnuna mmirata lejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali.

Il-ħolqien ta' sistema ġusta u bilanċjata għall-Privattivi Essenzjali Standard: Diversi teknoloġiji ewlenin li huma parti mill-istandards industrijali globali (bħall-WiFi jew il-4G) huma protetti permezz ta' Privattivi Essenzjali Standard. Illum il-Kummissjoni qed toffri gwida u rakkomandazzjonijiet għal sistema bbilanċjata u effiċjenti ta' Privattivi Essenzjali Standard, fejn jiġu rrikonċiljati żewġ objettivi: il-manifatturi tal-prodotti jingħataw l-aċċess għat-teknoloġiji permezz ta' regoli tal-liċenzjar trasparenti u prevedibbli; u fl-istess ħin id-detenturi ta' privattivi jiġu ppremjati għall-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp u f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni biex jiġu inċentivati joffru l-aħjar teknoloġiji tagħhom għall-inklużjoni fl-istandards. Iż-żieda ta' trasparenza u prevedibbiltà għandha tagħti lill-UE – inkluż lid-diversi negozji ġodda tagħha – vantaġġ fit-tellieqa globali tal-innovazzjoni teknoloġika u tippermettilha tapprofitta bis-sħiħ mill-potenzjal tal-5G u tal-Internet tal-Oġġetti.

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-progress fir-rigward tal-miżuri proposti u tivvaluta l-ħtieġa għal passi ulterjuri.

 

Sfond

L-inizjattivi tal-lum ġew imħabbra fl-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-2015, pjan direzzjonali li għandu jwassal għar-riżultati mistennija mill-impenn politiku tal-President Juncker biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u jagħmlu l-punt tat-tluq biex l-Ewropa tistagħna fl-ekonomija globali. Fit-twettiq tagħha tal-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni diġà ressqet proposti dwar il-kummerċ elettroniku, gwida dwar l-ekonomija kollaborattiva, passi biex timmodernizza l-politika tal-istandardizzazzjoni tal-UE, Inizjattiva dwar in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, miżuri biex tagħti spinta ġdida lis-settur tas-servizzi u passi biex issaħħaħ il-konformità u l-funzjonament prattiku tas-Suq Uniku tal-UE.

 

Għal iktar informazzjoni:

MEMO/17/4943 - Mistoqsijiet Frekwenti

Skeda informattiva - Il-protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali

Skeda informattiva - Għaliex id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali huma importanti

Skeda informattiva - Privattivi Essenzjali Standard

Komunikazzjoni: Sistema ta' infurzar tal-Proprjetà Intellettwali bilanċjata li twieġeb għall-isfidi soċjetali tal-lum

Komunikazzjoni: Gwida dwar id-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

Rapport dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati permezz tal-internet

Rapport dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (IPRED)

Komunikazzjoni: L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali Standard

 

IP/17/4942

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar