Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment ivaraw servizz ta' konsulenza ġdid biex jgħin lill-ibliet jippjanaw l-investimenti

Brussell, it-28ta' novembru 2017

URBIS, għal “ Urban Investment Support” (Appoġġ għall-Investiment Urban) se jgħin lill-ibliet jippjanaw investimenti biex jappoġġaw l-istrateġiji ta' żvilupp urban tagħhom stess u jiksbu aċċess iktar faċli għall-finanzjament.

Logo BEI

L-ibliet jaffaċċjaw sfidi partikolari meta jiġu biex jaċċessaw il-finanzjament. Proġetti muniċipali individwali, pereżempju fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, ir-riġenerazzjoni urbana jew l-effiċjenza fl-enerġija, jistgħu jkunu wisq riskjużi jew żgħar għas-suq. Fl-istess ħin, il-finanzjament għal programmi urbani integrati jista' jkun diffiċli wkoll biex jiġi aċċessat, għax jiġbru diversi proġetti żgħar madwar setturi differenti. Fl-aħħar, l-ibliet jistgħu jaffaċċjaw ukoll limiti ta' self.

URBIS għandu l-ħsieb li jgħin l-ibliet jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet speċifiċi. Huwa se jgħinhom ifasslu, jippjanaw u jimplimentaw l-istrateġiji tal-investiment u l-proġetti tagħhom, b'pariri tekniċi u finanzjarji personali, kif ukoll fuq għażliet ta' finanzjament innovattivi. L-għan huwa li jinbdew proġetti solidi fit-terminu qasir u medju, pereżempju fil-qasam tal-azzjonijiet tal-klima urbana.

Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Enerġija tal-Unjoni, qal: “Is-sindki jridu jieħdu azzjoni u jagħmlu l-ibliet tagħhom iktar intelliġenti u iktar sostenibbli. Min-naħa tagħna, URBIS se jagħmilha iktar faċli għalihom biex jaċċessaw l-investimenti li għandhom bżonn biex jagħmlu dan - permezz ta' pariri personali u mobilizzazzjoni ta' fondi u assi eżistenti. L-innovazzjoni urbana teħtieġ tiġi mnedija, tikber biżżejjed u tiġi replikata madwar l-Ewropa.”

Filwaqt li kienet qed tniedi URBIS illum fil-Forum tal-Ibliet 2017 ġewwa Rotterdam, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu qalet: “Aħna għandna għanijiet ambizzjużi għal żvilupp urban sostenibbli taħt l-Aġenda Urbana għall-UE u URBIS se jgħinna nilħquhom. Bis-saħħa ta' din l-inizjattiva, l-ibliet se jkollhom l-appoġġ li jeħtieġu biex joħolqu opportunitajiet ġodda għall-abitanti tagħhom.”

“L-ibliet huma iktar attraenti minn qatt qabel: fi tliet deċennji tmienja (8) minn kull għaxar (10) Ewropej se jkunu qed jgħixu ġewwa belt,” qal Vazil Hudák, Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment responsabbli għall-appoġġ ta' konsulenza u tal-proġett fi bliet u reġjuni. “L-ibliet u r-reġjuni għandhom bżonn ta' finanzjament kif ukoll ta' konsulenza biex isiru intelliġenti, moderni, ambjentali u innovattivi, u bl-għajnuna tal-proġett pilota tagħna URBIS aħna nistgħu nwasslu dan.”

URBIS se jikkonsisti minn esperti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mis-servizzi ta' konsulenza u ta' proġett differenti tal-istituzzjoni, inkluż persunal tal-BEI li jinsab fl-Istati Membri u esperti minn JASPERS, it-tim indipendenti speċjalizzat fit-tħejjija ta' proġetti ta' kwalità finanzjati mill-UE.

Fejn meħtieġ, huwa jqabbad esperti tal-bord li jistgħu jispjegaw kif fondi tal-UE jistgħu jitħalltu ma' finanzjament tal-banek promozzjonali nazzjonali u lokali u ma' opportunitajiet ta' finanzjament innovattivi. Pereżempju, dawn l-opportunitajiet jinkludu investimenti tal-impatt, jiġifieri investimenti li jsiru f'kumpaniji jew fondi li għandhom l-għan li jiskattaw impatt soċjali u ambjentali flimkien ma' redditu finanzjajru.

L-ibliet ta' kull daqs fl-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw għall-appoġġ ta' URBIS permezz ta' sit web li jinsab fuq iċ-Ċentru Ewropew għall-Investiment u l-Konsulenza.

URBIS se jgħin:

  • Titjieb l-istrateġija tal-investiment ta' belt billi jagħti pariri fl-ippjanar strateġiku, il-prijorità u l-ottimizzar ta' programmi u proġetti tal-investiment.
  • Iġib proġetti u programmi ta' investiment fi stadju bankabbli, pereżempju billi jipprovdi analiżi fuq talba jew appoġġ fl-istrutturar finanzjarju u billi jagħmel rieżaminazzjoni ta' abbozzi ta' applikazzjonijiet tal-għotjiet.
  • Jesplora opportunitajiet ta' finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), fondi ta' Politika ta' Koeżjoni - li taħthom qed jiġi investit iktar minn €100 biljun f'żoni urbani bejn l-2014 u l-2020 - jew it-tnejn li huma f'daqqa.
  • Jappoġġa l-ħidma ta' tħejjija għal pjattaformi ta' investiment u faċilitajiet li jikkombinaw fondi, jagħmel kuntatt ma' intermedjarji finanzjarji u jistabbilixxi arranġamenti ta' implimentazzjoni għal dawn il-faċilitajiet.
  • Jiżviluppa approċċi ta' finanzjament li għandhom l-għan li jtaffu l-piż fuq id-dejn muniċipali u jgħin lill-kumpaniji muniċipali u l-fornituri tas-servizz urban privat jaċċessaw il-finanzjament.

Il-passi li jmiss:

URBIS se jibda billi juża' s-servizzi ta' konsulenza u ta' proġett eżistenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment u se jiffoka fuq numru magħżul ta' kompiti.

Din il-ħidma inizjali, kif ukoll id-domanda tal-ibliet għall-appoġġ ta' URBIS, se jkunu vvalutati mill-BEI u l-Kummissjoni fit-tieni nofs tal-2018. Jekk URBIS ikollu suċċess, se jiġu kkunsidrati riżorsi addizjonali, bil-ħsieb li titkompla, tittejjeb u titkabbar l-inizjattiva.

Il-ħidma u l-analiżi ta' URBIS se jmorru fir-riflessjoni li għaddejja bħalissa dwar il-qafas baġitarju li jmiss wara l-2020, speċjalment fir-rigward tal-aċċess u l-ġestjoni ta' fondi tal-Politika ta' Koeżjoni mill-ibliet.

Għal Aktar Informazzjoni:

Aġenda Urbana tal-UE: punt uniku ta' kuntatt għall-ibliet fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea

Appoġġ tal-BEI lill-Aġenda Urbana

Il-Pjan Juncker

Pjattaforma tad-Dejta Miftuħa ta' Koeżjoni

IP/17/4941

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar