Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Servizzi ta' pagamenti: Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn pagamenti elettroniċi iktar sikuri u innovattivi

Brussell, is-27ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni llum adottat regoli li se jagħmlu l-pagamenti elettroniċi fil-ħwienet u online iktar sikuri. Dan se jippermetti wkoll lill-konsumaturi jaċċessaw soluzzjonijiet iktar konvenjenti, kosteffikaċi u innovattivi offruti minn fornituri ta' pagamenti.

Dawn ir-regoli jimplimentaw id-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi tal-Pagamenti riveduta riċentement (Payment Services Directive, PSD2) li għandha l-għan li timmodernizza s-servizzi tal-pagamenti tal-Ewropa biex iżommu l-pass ma' dan is-suq li qed jevolvi b'mod rapidu u tippermetti li s-suq elettroniku Ewropew jikber. Ir-regoli tal-lum jippermettu lill-konsumaturi jużaw servizzi innovattivi offruti minn fornituri terzi, magħrufin ukoll bħala kumpaniji FinTech, filwaqt li jżommu protezzjoni u sigurtà tad-dejta rigorużi għal konsumaturi u negozji tal-UE. Dawn jinkludu soluzzjonijiet tal-pagamenti u għodod għall-ġestjoni tal-finanzi personali billi jiġbru informazzjoni minn kontijiet varji.

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Dawn ir-regoli l-ġodda se jiggwidaw lill-parteċipanti kollha tas-suq, kemm dawk antiki kif ukoll dawk ġodda, biex joffru servizzi ta' pagamenti aħjar lill-konsumaturi filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tagħhom.”

Għan prinċipali tal-PSD2 huwa li żżid il-livell ta' sigurtà u fiduċja tal-pagamenti elettroniċi. B'mod partikolari, il-PSD2 teħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti jiżviluppaw awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur (strong customer authentication, SCA). Ir-regoli tal-lum b'hekk għandhom dispożizzjonijiet ta' sigurtà fihom infushom biex inaqqsu l-livelli ta' frodi tal-pagamenti b'mod sinifikanti u biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-dejta finanzjarja tal-utenti, speċjalment rilevanti għal pagamenti online. Huma jeħtieġu kombinazzjoni ta' mill-inqas żewġ elementi indipendenti, li jistgħu jkunu oġġett fiżiku - card jew ċellulari - magħquda ma' password jew identifikatur bijometriku, bħall-marki tas-swaba' qabel ma jsir pagament.

Il-PSD2 tistabbilixxi wkoll qafas għal servizzi ġodda marbuta ma' kontijiet tal-pagamenti tal-konsumaturi, bħall-hekk imsejħa servizzi ta' bidu ta' pagament u servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet. Dawn is-servizzi innovattivi diġà huma disponibbli f'ħafna pajjiżi tal-UE iżda bis-saħħa tal-PSD2 se jkunu disponibbli għall-konsumaturi madwar l-UE, soġġetti għal rekwiżiti tas-sigurtà stretti. Dawn ir-regoli tal-lum jispeċifikaw ir-rekwiżiti għal standards komuni u sikuri tal-komunikazzjoni bejn il-banek u l-kumpaniji FinTech.

Wara l-adozzjoni tal-Istandards Tekniċi Regolatorji mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom tliet xhur biex jeżaminawhom bir-reqqa. Soġġetti għall-perjodu ta' skrutinju, ir-regoli l-ġodda se jkunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-banek u l-fornituri l-oħra tas-servizzi tal-pagamenti mbagħad se jkollhom 18-il xahar biex idaħħlu l-miżuri ta' sigurtà u l-għodod ta' komunikazzjoni.

Kuntest

L-Istandards Tekniċi Regolatorji tal-lum ġew żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn jispjegaw kif għandha tiġi applikata l-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur (SCA).

Is-sempliċi provvediment ta' password jew dettalji li jidhru fuq karta tal-kreditu f'ħafna sitwazzjonijiet, mhux se jibqgħu suffiċjenti biex isir pagament. F'ċerti każijiet, se tkun meħtieġa kodiċi li tkun valida biss għal tali tranżazzjoni flimkien maż-żewġ elementi indipendenti l-oħra. L-għan huwa li jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-livelli ta´ frodi attwali għall-metodi kollha ta' pagamenti, speċjalment il-pagamenti online, u biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-dejta finanzjarja tal-utenti.

Madankollu, ir-regoli jirrikonoxxu wkoll li l-livelli aċċettabli ta' sigurtà tal-pagamenti jistgħu, f'ċerti każijiet, jinkisbu b'modi oħra għajr li jintużaw iż-żewġ elementi indipendenti meħtieġa għall-SCA. Pereżempju, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jiġu eżentati jekk ikunu żviluppaw modi kif jivvalutaw ir-riskji tat-tranżazzjonijiet u jistgħu jidentifikaw tranżazzjonijiet frodulenti. Jeżistu wkoll eżenzjonijiet għal pagamenti contactless u tranżazzjonijiet għal ammonti żgħar, u b'mod partikolari tipi ta' pagamenti bħat-tariffi tat-trasport urban jew it-tariffi tal-parkeġġ. Bis-saħħa ta' dawn l-eżenzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jżommu l-pagamenti konvenjenti mingħajr ma' jirriskjaw is-sigurtà tal-pagamenti.

Dawn ir-regoli jispeċifikaw ukoll l-obbligi tal-banek u tal-fornituri ta' soluzzjonijiet tal-pagamenti innovattivi u għodod ta' informazzjoni tal-kontijiet. Il-konsumaturi li jridu jużaw servizzi ġodda bħal dawn ma jistgħux jitwaqqfu mill-banek tagħhom. Kull bank li joffri aċċess online għall-kontijiet irid ukoll jikkoopera mal-kumpaniji FinTech jew ma' banek oħra li jipprovdu servizzi ġodda bħal dawn. Minħabba f'hekk, il-banek iridu jistabbilixxu metodi ta' komunikazzjoni sikuri biex jittrasmettu d-dejta u jibdew il-pagamenti.

Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn iktar għażla u kompetizzjoni meta jħallsu għall-oġġetti u s-servizzi mixtrija online. Se jkunu jistgħu wkoll jimmaniġġaw il-finanzi personali tagħhom b'mod iktar effiċjenti permezz tal-applikazzjonijiet li jiġbru informazzjoni mill-kontijiet tagħhom li jinsabu f'banek differenti.

Għal aktar tagħrif

MEMO

Is-sit web tad-DĠ FISMA dwar is-servizzi ta' pagament

Standards Tekniċi Regolatorji tal-PSD2 dwar l-Awtentikazzjoni tal-Konsumatur

 

IP/17/4928

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar