Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Summit tas-Sħubija tal-Lvant 2017: Flimkien aktar b'saħħitna

Brussell, I-24ta' novembru 2017

Il-Ħames Summit tas-Sħubija tal-Lvant sar illum fi Brussell. Kienet okkażjoni biex niċċelebraw il-kisbiet tal-aħħar sentejn fir-relazzjonijiet tal-UE mas-sitt sħab tal-Lvant tagħha, u biex inħarsu ‘l quddiem biex nimplimentaw 20 objettiv sal-2020, li se jagħtu benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini.

Is-Summit, li sar fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, laqqa' flimkien l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, rappreżentati mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u s-sitt sħab tal-Lvant, jiġifieri l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna. Magħhom ingħaqdet ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn u l-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström.

Il-parteċipanti tas-Summit qablu dwar Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit. Fil-marġnijiet tas-Summit, saru għadd ta' ftehimiet, inkluż ftehim bilaterali ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja; Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-Armenja; u l-estensjoni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport tal-UE (TEN-T) għas-sħab tal-Lvant.

“L-ewwel u qabel kollox, is-Sħubija tal-Lvant hija sħubija ta' persuni. Għandha l-għan li ttejjeb il-ħajjiet fil-pajjiżi kollha tagħna u tqarreb is-soċjetajiet tagħna aktar lejn xulxin. Għandha l-għan li tiddefendi l-valuri, il-prinċipji u l-aspirazzjonijiet kondiviżi b'mod kollettiv min-nies fl-Unjoni Ewropea u fis-Sħubija tal-Lvant tagħna", qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. “Fis-Summit tal-lum, qbilna dwar sett ta' 20 azzjoni konkreta li jridu jittieħdu sal-2020. Permezz tas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni Ewropea kkontribwiet għall-ħolqien ta' 10,000 impjieg, għat-taħriġ ta' eluf ta' 20,000 persuna u pprovdiet aktar minn 100,000 self lil kumpaniji. Tejjibna l-aċċess għal servizzi legali b'xejn, investejna f'konnessjonijiet tat-trasport, ippromovejna l-ugwaljanza bejn is-sessi u tajna għajnuna lil eluf ta' studenti biex jiċċaqilqu bejn l-Ewropea u r-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant. Hekk kif inħarsu lejn l-2002 u lil hinn, issa wasal iż-żmien għal aktar azzjonijiet. Ninsabu fit-triq it-tajba, ejjew nibqgħu sejrin hekk.”

Il-kummenti sħaħ tal-President Juncker fil-konferenza tal-aħbarijiet konġunta huma disponibbli online.

Is-Sħubija tal-Lvant tagħti benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini: 20 riżultat għall-2020

Il-bidla għall-aħjar tal-ħajjiet ta' kuljum taċ-ċittadini tinsab fiċ-ċentru tas-Sħubija tal-Lvant. Mill-aħħar Summit f'Riga fl-2015, il-kooperazzjoni kienet ibbażata fuq erba' oqsma prijoritarji:

  1. Ekonomija aktar b'saħħitha: l-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq aħjar;
  2. Governanza aktar b'saħħitha: it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba;
  3. Konnettività aktar b'saħħitha: it-titjib tal-konnettività, speċjalment fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija, kif ukoll tal-ambjent u t-tibdil fil-klima;
  4. Soċjetà aktar b'saħħitha: It-tisħiħ tal-mobbiltà u tal-kuntatti bejn in-nies

Skont dawn il-prijoritajiet, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-pajjiżi sħab illum approvaw 20 riżultat li jistabbilixxu pjan ta' ħidma ċar għall-futur, li jridu jinkisbu sas-sena 2020. Dawn jinkludu:

  • Ilħiq aktar wiesa' u appoġġ immirat, b'mod partikolari għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali;
  • Appoġġ lin-negozji u provvista ta' self f'muniti lokali, bi sħubija ma' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali ewlenin;
  • Titjib fil-kapaċità ta' pajjiżi sħab biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tal-kummerċ mal-UE u ma' xulxin;
  • Impenji ta' riforma u investimenti speċifiċi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika;
  • L-iżvilupp ta'konnessjonijiet tat-trasport sal-2030 b'investiment ta' terminu twil li jikkontribwixxi biex jikkonnettja l-pajjiżi sħab mal-UE u bejniethom;
  • Pakkett diġitali, inklużi passi konkreti lejn prezzar armonizzat tar-roaming u tariffi tar-roaming imnaqqsa bejn il-pajjiżi sħab, aċċess aktar faċli u rħis għall-internet permezz tal-introduzzjoni ta' strateġiji nazzjonali tal-broadband, u appoġġ għall-ħolqien tax-xogħol f'industriji diġitali;
  • Pakkett ta' appoġġ sostanzjali ġdid għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni;
  • Approċċ ta' komunikazzjoni ġdid komprensiv dwar l-assistenza għas-Sħubija tal-Lvant, u tisħiħ tal-komunikazzjoni strateġika.

Is-Summit adotta wkoll struttura istituzzjonali multilaterali riveduta għas-Sħubija tal-Lvant, li tipprevedi gwida politika aktar b'saħħitha u approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati għall-kooperazzjoni tagħna.

Is-Sħubija tal-Lvant: Sħubija li tagħti riżultati

Mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant (SL), li sar f'Riga fl-2015, inkiseb progress sinifikanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-sitt pajjiżi sħab tagħha. Issa daħlu fis-seħħ kompletament Ftehimiet ta' Assoċjazzjonijiet li jinkludu Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, li fetħu opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-indirizzar ta' sfidi ewlenin, kif ukoll għall-integrazzjoni ekonomika u kummerċ. Il-kummerċ bejn it-tliet pajjiżi sħab assoċjati u l-UE żdied b'mod sinifikanti. L-implimentazzjoni ta' dawn il-Ftehimiet se tkun iggwidata mill-Aġendi ta' Assoċjazzjonijiet li ġew adottati riċentement. Wara sett ta' riformi diffiċli, l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta' Schengen ġie implimentat għad-detenturi ta' passaporti bijometriċi tal-Georgia u l-Ukrajna, minbarra dak mar-Repubblika tal-Moldova, li ilu fis-seħħ mill-2014.

Ir-relazzjonijiet mal-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarussja avvanzaw ukoll. Illum, l-Unjoni Ewropea u l-Armenja ffirmaw Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ. Dan il-ftehim il-ġdid se jippermetti lill-Unjoni Ewropea u l-Armenja jaħdmu aktar mill-qrib flimkien biex jindirizzaw l-isfidi li naffaċċaw u nisfrutttaw kemm nistgħu l-opportunitajiet disponibbli għalina. Sar ukoll progress tajjeb fin-negozjati ta' ftehim qafas ġdid mal-Ażerbajġan, filwaqt li r-relazzjonijiet mal-Belarussja kienu avvanzati permezz ta' Grupp ta' Koordinazzjoni stabbilit ġdid. Il-Prijoritajiet ta' Sħubija futuri tagħna mat-tliet pajjiżi se jistabbilixxu qafas strateġiku ġdid għall-assistenza tagħna. Sar qbil dwar il-Prijoritajiet ta' Sħubija mal-Armenja u l-Prijoritajiet ta' Sħubija qed jiġu diskussi wkoll mal-Ażerbajġan u l-Belarussja.

Illum, l-UE u l-Armenja bdew ukoll Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni. Se jtejjeb l-aċċess tas-suq għal linji tal-ajru miż-żewġ naħat u jipprovdi konnettività aħjar, li tirriżulta f'aktar għażla, servizzi aħjar u tariffi aktar baxxi għall-vjaġġaturi. Il-ftehim, parti minn Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa, se jistabbilixxi wkoll qafas regolatorju komuni, pereżempju fl-oqsma tas-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni. Iżjed informazzjoni tinsab hawnhekk.

Fil-qasam tal-interkonnessjonijiet tat-trasport, l-UE u l-pajjiżi sħab qablu dwar il-mapep indikattivi li jestendu n-netwerk ewlieni Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għall-Pajjiżi tal-Lvant, bħala bażi biex jitjiebu l-konnettività tat-trasport u l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-infrastruttura komuni. Għal dan il-għan, ġew iffirmati Ftehimiet ta' Livell Għoli fil-marġni tas-Summit,

Is-Sħubija tal-Lvant qed tissawwar minn soċjetà aktar wiesgħa

Kien hemm għadd ta' avvenimenti paralleli bi tħejjija għas-Summit, li kienu jinvolvu s-soċjetà ċivili, il-midja, in-negozji, il-parlamenti u partijiet ikkonċernati oħrajn. Dawn l-impenji juru li s-SL tmur lil hinn mir-relazzjoni intergovernattiva u testendi lejn is-soċjetà aktar wiesa'. Bi tħejjija għas-Summit fl-2017, ġew organizzati l-avvenimenti paralleli li ġejjin:

Ara: Skeda Informattiva tal-Konferenza tal-Media tas-Sħubija tal-Lvant

Ara: Skeda Informattiva tas-Sħubija Elettronika tas-Sħubija tal-Lvant

Ara: Skeda Informattiva tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant

Ara: Skeda Informattiva tal-Forum tan-Negozju tas-Sħubija tal-Lvant

Ara: Skedi informattivi dwar l-appoġġ tal-UE lin-negozji fl-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

 

Aktar informazzjoni:

Sit web tal-Ħames Summit tas-Sħubija tal-Lvant

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ħames Summit tas-Sħubija tal-Lvant

Skeda informattiva dwar l-20 riżultat tas-Sħubija tal-Lvant għall-2020

Sħubija tal-Lvant - Niffokaw fuq il-prijoritajiet u r-riżultati ewlenin (Dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal)

Skeda informattiva dwar is-Sħubija tal-Lvant

Kummenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, fil-konferenza tal-aħbarijiet konġunta wara l-Ħames Summit tas-Sħubija tal-Lvant

Stqarrija għall-Istampa: Ftehim ġdid iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja se jipprovdi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini

Skeda informattiva: Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ UE-l-Armenja

Skeda informattiva: Ftehim dwar l-Avjazzjoni mal-Armenja

Fatti u ċifri dwar ir-relazzjonijiet tal-UE ma': l-Armenja; l-Ażerbajġan; il-Belarussja; il-Georgia;

ir-Repubblika tal-Moldova; l-Ukrajna

Siti web tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal: l-Armenja; l-Ażerbajġan; il-Belarussja; il-Georgia; ir-Repubblika tal-Moldova; l-Ukrajna

 

 

 

logo

IP/17/4845

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar