Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja - favur Politika Agrikola Komuni flessibbli, ġusta u sostenibbli

Brussell, id-29ta' novembru 2017

Regoli ssemplifikati u approċċ iktar flessibbli se jiżguraw li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) tikseb riżultati konkreti fl-appoġġ lill-bdiewa u tmexxi l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikultura tal-UE.

Dawn huma l-ideat fundamentali tal-Komunikazzjoni dwar “Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja” li ġiet adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea. Din il-Komunikazzjoni tfassal il-modi biex jiżguraw li l-eqdem politika komuni tal-UE tadatta ruħha biex tibqa' dejjem xierqa fil-ġejjieni.

L-inizjattiva ewlenija hija li l-Istati Membri jingħataw aktar responsabbiltà biex jagħżlu kif u fejn jinvestu l-finanzjament li jirċievu mill-PAK, bil-għan li jilħqu għanijiet komuni fl-oqsma tal-ambjent, tat-tibdil fil-klima u tas-sostenibbiltà.

Jyrki Katainen, il-Viċi President responsabbli għall-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, stqarr: “Il-Politika Agrikola Komuni ilha fuq il-platt tagħna mill-1962. Filwaqt li għandna niżguraw li tibqa' tagħti l-frott, bħal pereżempju ikel bnin u ta' togħma tajba għall-konsumaturi, u l-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir fiż-żoni rurali, jeħtieġ ukoll li l-PAK tibqa' tevolvi paripassu ma' politiki oħra. Il-proposta tagħna hija pass importanti biex nimmodernizzaw u nissemplifikaw il-PAK, wara r-riżultati tal-konsultazzjoni wiesgħa li saret mal-partijiet ikkonċernati. Il-mudell ġdid għall-għoti ta' riżultati introdott mill-Kummissjoni se jagħti aktar sussidjarjetà lill-Istati Membri, filwaqt li jitlobhom ifasslu Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK li jkopru l-azzjonijiet tagħhom taħt il-pilastru I u l-pilastru II. Dawn iż-żewġ pilastri jippermettu s-semplifikazzjoni, aktar koerenza u titjib fil-monitoraġġ tar-riżultati.”

Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal: “Il-Komunikazzjoni mnedija llum tiżgura li l-Politika Agrikola Komuni tagħti riżultati fir-rigward ta' għanijiet ġodda u emerġenti, fosthom it-trawwim ta' settur agrikolu intelliġenti u reżiljenti, it-tisħiħ tal-kura tal-ambjent u t-tkattir tal-azzjonijiet klimatiċi, u s-sedqa tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali. Minflok is-sistema attwali, se tiddaħħal sistema ġdida ta' implimentazzjoni li tagħti lill-Istati Membri u lir-reġjuni livell ħafna ogħla ta' sussidjarjetà.”

Filwaqt li tinżamm l-istruttura attwali ta' żewġ pilastri, l-approċċ il-ġdid, li huwa aktar sempliċi u aktar flessibbli, se jistipula l-azzjonijiet iddettaljati biex jintlaħqu l-għanijiet li jiġu miftiehma fil-livell tal-UE. Wara dan, kull pajjiż tal-UE se jiżviluppa l-pjan strateġiku tiegħu – għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni – li fih għandu jistipula kif beħsiebu jilħaq l-għanijiet. Flok il-konformità, se tingħata attenzjoni l-iktar lill-monitoraġġ tal-progress, u se jiġi żgurat li l-finanzjament ikun immirat lejn riżultati konkreti. Billi naqilbu minn soluzzjoni waħda għal kulħadd għal approċċ adattat għal kull pajjiż, il-politika u l-implikazzjonijiet tagħha fil-ħajja reali se jkunu iktar qrib dawk li jimplimentawha fil-kuntest lokali tagħhom.

L-appoġġ lill-bdiewa se jkompli permezz tas-sistema ta' pagamenti diretti. Il-Komunikazzjoni ma tantiċipax ir-riżultat tad-dibattitu dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, u lanqas ma tantiċipa l-kontenut tal-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. Mingħajr ma tkun eżawrjenti, il-Komunikazzjoni tesplora għadd ta' possibbiltajiet biex jiġi żgurat appoġġ għall-introjtu tal-bdiewa aktar ġust u mmirat aħjar.

It-tibdil fil-klima u l-pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali se jkomplu jolqtu ħażin lill-biedja u lill-produzzjoni tal-ikel. Il-PAK tal-ġejjieni għandha tirrifletti ambizzjoni aktar qawwija fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-kura tal-ambjent u l-azzjoni klimatika.

Proposti oħra jinkludu:

  • It-tħeġġiġ tal-użu tat-teknoloġiji moderni biex jappoġġaw lill-bdiewa fir-realtà tagħhom ta' kuljum, u biex jipprovdu aktar trasparenza u ċertezza fis-suq
  • Aktar attenzjoni biex iż-żgħażagħ jitħeġġew jidħlu fil-biedja, b'koordinazzjoni mas-setgħat proprji tal-Istati Membri fejn jidħlu, fost l-oħrajn, it-tassazzjoni tal-artijiet, l-ippjanar u l-iżvilupp tal-ħiliet
  • L-indirizzar tat-tħassib taċ-ċittadini fir-rigward tal-produzzjoni agrikola sostenibbli, inkluż is-saħħa, in-nutrizzjoni, l-iskart tal-ikel u l-benessri tal-annimali
  • It-tiftix ta' azzjoni koerenti fost il-politiki bi qbil mad-dimensjoni globali tal-PAK, speċifikament fejn jidħlu l-kummerċ, il-migrazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli
  • Il-ħolqien ta' pjattaforma fil-livell tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji, biex jiġi diskuss kif il-bdiewa jistgħu jkampaw l-aħjar bl-inċertezza tal-klima, bil-volatilità tas-suq u riskji oħra

Il-proposti leġiżlattivi rilevanti li jdaħħlu fis-seħħ il-miri mfassla fil-Komunikazzjoni se jitressqu mill-Kummissjoni qabel is-sajf tal-2018, wara l-proposta tal-QFP.

Kuntest

Fit-2 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex tifhem aħjar fejn il-politika attwali tista' tiġi ssemplifikata u mmodernizzata. Matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet aktar minn 320 000 tweġiba, l-iktar mingħand persuni individwali. Mill-konsultazzjoni ħareġ li l-biċċa l-kbira minn dawk li wieġbu jixtiequ li tinżamm politika agrikola komuni b'saħħitha fil-livell tal-Unjoni Ewropea, iżda jeħtieġ li tkun iktar sempliċi u iktar flessibbli, u aktar iffukata fuq l-isfidi ewlenin, jiġifieri l-iżgurar ta' livell diċenti ta' għajxien għall-bdiewa, il-preżervazzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Għal aktar tagħrif

Il-Komunikazzjoni

MEMO: Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja

Skeda informattiva: Semplifikazzjoni

Skeda informattiva: L-agrikultura u l-PAK fl-UE

Skeda informattiva: Appoġġ lill-bdiewa

Skeda informattiva: Il-PAK u l-ambjent

Skeda informattiva: L-Agrikoltura 2.0

Filmati dwar l-agrikultura

IP/17/4841

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar