Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: In-negozjaturi tal-UE qablu li jtemmu l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Illejla l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni onoraw l-impenji li ħadu f'Tallinn waqt is-Summit Diġitali ta' Settembru, billi temmew l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat, wieħed mill-fajls ta' prijorità tal-UE għall-2017.

Illejla, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku biex itemmu l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat għall-konsumaturi li jixtiequ jixtru prodotti jew servizzi onlajn fl-UE. Ir-regoli l-ġodda se jagħtu spinta lill-kummerċ elettroniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji li jieħdu vantaġġ mis-suq onlajn Ewropew li qed jikber.

Il-Viċi-President Andrus Ansip, responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali, stqarr: “Illum temmejna d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata fix-xiri onlajn. Din hija aħbar eċċellenti għall-konsumaturi. Bir-regoli l-ġodda, l-Ewropej se jkunu jistgħu jagħżlu minn liema sit web jixtiequ jixtru, mingħajr ma jiġu mblukkati jew jittieħdu fuq xi sit ieħor. Dan se jkun possibbli sal-Milied tas-sena d-dieħla.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs, żiedet tgħid: “Qed naġġornaw is-Suq Uniku tal-UE għad-dinja diġitali billi nagħtu lill-konsumaturi l-istess possibbiltà ta' aċċess għal firxa wiesgħa ta' offerti kemm jekk huma jidħlu fiżikament ġewwa ħanut f'pajjiż ieħor u kemm jekk jixtru onlajn. Il-pass li jmiss: it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-konsenji transfruntiera tal-pakketti, li għadhom jaqtgħu qalb in-nies milli jixtru u jbigħu l-prodotti fl-UE kollha.”

Il-Kummissarju Mariya Gabriel, responsabbli mill-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, ikkonkludiet li: “It-tmiem tal-imblukkar ġeografiku inġust huwa pass kbir 'il quddiem għall-konsumaturi u biex jinbena Suq Uniku Diġitali reali li jaħdem għal kulħadd. Flimkien mat-tmiem tat-tariffi tar-roaming u l-portabbiltà, iċ-ċittadini tal-UE se jkunu jistgħu jixtru l-għamara l-ġdida tagħhom onlajn, jirriżervaw il-kmamar tal-lukandi jew jużaw il-karta tal-kreditu tagħhom minn pajjiż għall-ieħor, bħallikieku qedgħin f'pajjiżhom.”

Għaċ-ċittadini, dan ifisser li se jkunu jistgħu jixtru l-oġġetti tal-elettriku l-ġodda tagħhom onlajn, jikru karozza jew jiksbu l-biljetti tagħhom għall-kunċerti fil-pajjiżi kollha, kif jagħmlu f'pajjiżhom. Dan se jiżgura li ma jibqgħux iħabbtu wiċċhom ma' xi xkiel, pereżempju jintalbu jħallsu b'karta tad-debitu jew tal-kreditu maħruġa f'pajjiż ieħor. Għan-negozji, dan ifisser iktar ċertezza legali fl-operazzjonijiet transfruntiera tagħhom.

Bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal waqt is-Summit Diġitali f'Tallinn f'Settembru li għadda, li l-leġiżlaturi tal-UE għandhom jikkonkludu fuq l-24 proposta leġiżlattiva li l-Kummissjoni ressqet mill-bidu ta' dan il-mandat biex jitlesta s-Suq Uniku Diġitali. Il-Kummissjoni Ewropea lesta li tgħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex isibu ftehimiet tajbin u dan urietu llejla billi wittiet it-triq biex dan il-ftehim ikun possibbli.

Ir-regoli l-ġodda jiddefinixxu tliet sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-ebda ġustifikazzjoni u l-ebda kriterju oġġettiv ma jistgħu jintużaw biex ikun hemm trattament differenti bejn il-konsumaturi minn Stati Membri differenti tal-UE.

Dawn huma:

· Il-bejgħ ta' oġġetti mingħajr konsenja fiżika. Eżempju: Klijent Belġjan jixtieq jixtri friġġ u jsib l-aqwa offerta fuq sit web Ġermaniż. Il-klijent ikun intitolat li jordna l-prodott u li jiġbru mingħand l-istabbiliment tan-negozjant jew jorganizza l-konsenja hu stess lejn daru.

· Il-bejgħ ta' servizzi fornuti b'mod elettroniku. Eżempju: Konsumatriċi Bulgara tixtieq tixtri servizzi ta' ospitant għas-sit web tagħha minn kumpanija Spanjola. Issa se jkollha aċċess għas-servizz, u tista' tirreġistra u tixtri dan is-servizz mingħajr ma jkollha tħallas tariffi addizzjonali meta mqabbel ma' konsumatur Spanjol.

· Il-bejgħ ta' servizzi pprovduti f'post fiżiku speċifiku. Eżempju: Familja Taljana tista' tixtri vjaġġ lejn park ta' divertiment fi Franza direttament mingħajr ma tittieħed fuq xi sit web Taljan.

Ir-Regolament ma jimponix obbligu ta' bejgħ u ma jarmonizzax il-prezzijiet. Madankollu jindirizza d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi f'każijiet li fihom din ma tistax tiġi ġġustifikata b'mod oġġettiv (eż. b'obbligi tal-VAT jew b'rekwiżiti legali differenti).

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ direttament wara disa' xhur mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, sabiex in-negozjanti ż-żgħar b'mod partikolari jilħqu jadattaw.

Sfond

Minn stħarriġ tal-Kummissjoni nstab li l-prattiki tal-imblukkar ġeografiku ġew identifikati f'63 % tas-siti web kollha li ġew ivvalutati. Dan juri li fl-2015, inqas minn 40 % tas-siti web kienu jħallu lill-klijenti jixtru b'mod transfruntiera. Dan jirriżulta f'inqas dħul għall-kumpaniji u f'inqas għażla għall-konsumaturi. Propost f'Mejju 2016 bħala parti mis-Suq Uniku Diġitali, ir-Regolament biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat ġie identifikat bħala prijorità leġiżlattiva għall-2017 permezz tal-ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom iktar kmieni din is-sena. Dan ir-Regolament kien parti minn pakkett dwar il-kummerċ elettroniku flimkien ma' proposta leġiżlattiva dwar servizzi transfruntiera ta' konsenja tal-pakketti u proposta leġiżlattiva biex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi.

Għal Iktar Informazzjoni

Studju ta' Mejju 2016 dwar l-imblukkar ġeografiku tal-konsumaturi onlajn:

Findings of a mystery shopping carried out by the European Commission (Sejbiet ta' studju ta' xiri bil-moħbi mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea)

Factsheets on Digital Single Market strategy (Skedi informattivi dwar l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali)

IP/17/4781

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar