Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Brexit: Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' d-deċiżjoni li ħadu s-27 Stat Membru biex jiġu rrilokati l-Aġenziji bbażati fir-Renju Unit

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-ftehim fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali (fil-format tal-Artikolu 50) li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (European Medicines Agency, EMA) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) jiġu rrilokati f'Amsterdam u Pariġi, rispettivament. Iż-żewġ Aġenziji bħalissa huma bbażati f'Londra.

Ir-rilokazzjoni ta' dawn iż-żewġ Aġenziji hija konsegwenza diretta – u l-ewwel riżultat viżibbli – tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, kif notifikata lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017. L-EMA u l-EBA huma żewġ Aġenziji regolatorji ta' importanza ewlenija għas-Suq Uniku tal-UE, u huma essenzjali għall-awtorizzazzjoni tal-mediċini u għar-regolamentazzjoni bankarja. Huma jridu jkomplu jiffunzjonaw mingħajr xkiel u mingħajr interruzzjoni wara Marzu 2019.

Il-proċedura tal-votazzjoni tal-lum kienet ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti mill-President Jean-Claude Juncker u l-President Donald Tusk u approvati mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE27 fil-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) fit-22 ta' Ġunju 2017. Fit-30 ta' Settembru, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet valutazzjoni oġġettiva tal-offerti li waslu mill-Istati Membri.

Il-passi li jmiss: il-Kummissjoni issa se tħejji x-xogħol legali billi tagħmel proposti leġiżlattivi biex temenda r-Regolamenti fundaturi taż-żewġ Aġenziji. Dawn il-proposti se jkunu strettament limitati għall-kwistjoni ta' rilokazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill qablu li jagħtu prijorità lit-trattament ta' dawn il-proposti leġislattivi. Dan sabiex jiġi żgurat li l-Aġenziji jibqgħu operazzjonali matul dan il-proċess. Il-Kummissjoni se tkun qed issegwi mill-qrib il-proċess ta' rilokazzjoni u se tgħin lill-Aġenziji, fejn rilevanti u fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, fi kwistjonijiet relatati mal-baġit tal-UE, mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u ma' kwistjonijiet relatati mal-persunal, fost oħrajn.

Kuntest

Id-Deċiżjoni li jiġu rilokati l-EMA u l-EBA kienet fil-kompitu tal-gvernijiet tas-27 Stat Membru. Hija ma tiffurmax parti min-negozjati dwar il-Brexit, iżda kienet kwistjoni ta' diskussjoni esklussivament bejn is-27 Stat Membru tal-UE.

Għal Iktar Informazzjoni

Id-Deċiżjoni rigward il-proċedura għar-rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE li bħalissa jinsabu fir-Renju Unit (inklużi l-kriterji)

IP/17/4777

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar