Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

rescEU: sistema ġdida Ewropea biex tittratta d-diżastri naturali

Brussell, it-23ta' novembru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea żvelat pjanijiet ġodda ambizzjużi biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tittratta d-diżastri naturali.

Il-proposta tifforma parti ċentrali mill-aġenda tal-Presidenti Juncker dwar Ewropa li tipproteġi L-inizjattiva tasal fid-dawl ta' diżastri naturali iktar kumplessi u iktar frekwenti li kellhom effett serju fuq ħafna bliet Ewropej matul dawn l-aħħar snin. Parti ewlenija ta' din il-proposta hija l-ħolqien ta' rescEU, riżerva ta' kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili fil-livell Ewropew bħall-inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar mill-ajru, pompi speċjali tal-ilma, tiftix u salvataġġ urban u sptarijiet fil-post u timijiet mediċi ta' emerġenza. Dawn se jikkomplementaw l-assi nazzjonali u se jiġu ġestiti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jagħtu sostenn lil dawk il-pajjiżi milquta minn diżastri bħall-għargħar, in-nirien tal-foresti, it-terremoti u l-epidemiji. Fl-2017 biss, aktar minn 200 ruħ tilfu ħajjithom f'diżastri naturali fl-Ewropa u nqerdu aktar minn miljun ettaru ta' foresti.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropa ma tistax tibqa' fil-kwinti meta l-Istati Membri tagħna jġarrbu diżastri naturali u jkunu jeħtieġu l-għajnuna. L-ebda pajjiż fl-Ewropa ma huwa immuni għad-diżastri naturali li sfortunatament saru n-norma l-ġdida. Meta jfaqqa' diżastru, irrid li l-Unjoni Ewropea toffri aktar minn kondoljanzi. L-Ewropa hija kontinent ta' solidarjetà u rridu nkunu mħejjija aħjar minn qabel, u nkunu aktar rapidi biex inkunu fuq quddiem meta ngħinu lill-Istati Membri.

“It-traġedji tas-sajf li għadda u ta' dawn l-aħħar ftit snin urew li s-sistema attwali tagħna ta' rispons għad-diżastri laħqet il-limiti tagħha fil-format volontarju eżistenti tagħha. L-isfidi li qed niffaċċjaw evolvew, u hekk irridu nagħmlu aħna. Hija kwistjoni ta' solidarjetà u responsabbiltà kondiviża fil-livelli kollha. Dan huwa dak li ċ-ċittadini Ewropej jistennew mingħandna u jien issa nistenna li l-gvernijiet Ewropej u l-Parlament Ewropew jilqgħu din il-proposta,” qal Christos Stylianides, il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet.

Il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq żewġ fergħat kumplimentari ta' azzjoni, billi timmira lejn (i) rispons kollettiv aktar b'saħħtu fil-livell Ewropew u (ii) titjib fil-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u tħejjija:

  1. Tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' rispons Ewropej rescEU

- Se tiġi stabbilita riżerva ta' assi tal-protezzjoni ċivili għar-rispons tal-UE tal-protezzjoni ċivili sabiex tassisti lill-Istati Membri biex iwieġbu għad-diżastri, meta l-kapaċitajiet nazzjonali ma jkunux biżżejjed. rescEU se tinkludi assi, bħall-inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar u apparat ta' ppumpjar tal-ilma, li se jisspulimentaw il-kapaċitajiet nazzjonali. L-ispejjeż u l-kapaċitajiet kollha ta' rescEU se jkunu kompletament koperti mill-finanzjament tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni żżomm il-kontroll operazzjonali kollu ta' dawn l-assi u tiddeċiedi kif jitqassmu.

- B'mod parallel, il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom, billi tiffinanzja l-adattament, it-tiswija, it-trasport u l-ispejjeż operattivi tar-riżorsi eżistenti tagħhom – filwaqt li llum huma koperti biss l-ispejjeż tat-trasport. L-assi se jsiru parti minn pool kondiviż ta' riżorsi ta' rispons għall-emerġenza skont il-Pool Ewropew ta' Protezzjoni Ċivili, u jkunu disponibbli biex jintbagħtu meta jfaqqa' diżastru.

  1. Jiġu intensifikati l-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri

- Skont il-proposta tal-lum, l-Istati Membri se jintalbu jikkondividu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom rigward il-prevenzjoni u t-tħejjija, sabiex flimkien jidentifikaw u jindirizzaw il-possibbiltà ta' lakuni.

-Il-proposta ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koerenza ma' politiki eżistenti tal-UE li jittrattaw il-prevenzjoni u t-tħejjija. Dan jinkludi pereżempju l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond ta' Soldarjetà, il-leġiżlazzjoni ambjentali (pereż. il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistema), il-politiki ta' riċerka u innovazzjoni biex jindirizzaw theddid transfruntier għas-saħħa u aktar.

Fl-aħħar nett, il-proposta se tissimplifika l-proċeduri amminsitrattivi sabiex jonqos il-ħin li fih tiġi skjerata l-assistenza.

Kuntest

Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE bħalissa huwa bbażat fuq sistema volontarja, li permezz tagħha l-UE tikkoordina l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati parteċipanti lejn pajjiż li jkun talab l-assistenza. L-offerti ta' assistenza huma kkoordinati fiċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza, ibbażat fi Brussell. F'dawn l-aħħar snin, kundizzjonijiet estremi tat-temp u fenomeni oħra kienu ta' sfida kbira għall-kapaċità tal-Istati Membri biex jgħinu lil xulxin, speċjalment meta diversi Stati Membri kellhom jiffaċċjaw l-istess tip ta' diżastru fl-istess ħin. F'tali każijiet fejn hemm ftit jew l-ebda disponibbiltà ta' assi, l-UE ma għandhiex kapaċità biex tassisti lill-Istati Membri f'diffikultà.

Is-sena 2017 rat firxa wiesgħa ta' diżastri. B'kollox, fl-2017 aktar minn 200 ruħ tilfu ħajjjithom f'diżastri naturali fl-Ewropa. Iżda d-diżastri naturali kellhom ukoll impatt ekonomiku qawwi. Sa mill-1980, apparti t-telf fil-ħajja umana, l-Istati Membri tal-UE tilfu madwar EUR 360 biljun f'avvenimenti ta' temp u klima estremi. Fil-Portugall biss, id-dannu ekonomiku dirett tan-nirien fil-foresti bejn Ġunju u Settembru huwa stmat li kien qrib is-EUR 600 miljun, jiġifieri 0.34% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Portugall.

Mit-tnedija tiegħu fl-2001, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għamel monitoraġġ ta' aktar minn 400 diżastru u rċieva aktar minn 250 talba għall-assistenza. Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jista' jiġi attivat b'rispons għal diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, iżda jappoġġa wkoll it-tħejjija għad-diżastri u l-prevenzjoni tagħhom.

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jinkludi lill-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll bosta Stati parteċipanti oħra barra l-UE, jiġifieri, l-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija. rescEU se tiġi estiża għal dawn l-Istati parteċipanti bħala sinjal ta' solidarjetà Ewropea.

Għal aktar tagħrif

Communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the Committee of the regions - Strengthening EU Disaster Management: rescEU Solidarity with Responsibility

MEMO Mistoqsija u Tweġiba: Insaħħu l-Ġestjoni tad-diżastri fl-UE

Skeda informattiva: Insaħħu r-rispons tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE

Skeda informattiva: Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza tal-UE

IP/17/4731

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar