Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tal-Enerġija - is-sena ta' impenn

Brussell, I-24ta' novembru 2017

It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija juri li t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju qed issir ir-realtà l-ġdida fil-ħajja ta' kuljum fl-UE.

Permezz tal-progress li sar fl-2017, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex timplimenta l-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija u tipprovdi impjiegi, tkabbir u investimenti ġodda. Qed jittieħdu diversi azzjonijiet li jappoġġaw tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn l-enerġija nadifa.

Issa wasal iż-żmien li s-soċjetà timmobilizza ruħha - iċ-ċittadini, il-bliet, iż-żoni rurali, il-kumpaniji, l-istituti akkademiċi, is-sħab soċjali - biex issir tabilħaqq is-sid tal-Unjoni tal-Enerġija, tmexxiha 'l quddiem u timpenja ruħha b'mod attiv biex tiżviluppa s-soluzzjonijiet għall-ġejjieni.

It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, li ġie ppubblikat illum, isegwi l-progress li sar tul l-aħħar sena wara l-pubblikazzjoni tat-Tieni Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija fi Frar 2017, u jagħti ħarsa inkoraġġanti lejn is-sena li ġejja.

It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jikkonferma wkoll li t-tranżizzjoni tal-enerġija ma tkunx possibbli jekk l-infrastruttura ma tiġix adattata għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija futura. L-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni huma dejjem aktar interkonnessi. In-netwerks lokali se jsiru dejjem aktar importanti fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, li se jaqilbu dejjem aktar għall-elettromobbiltà, għall-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u għall-ġestjoni attiva tad-domanda. Sar progress konsiderevoli iżda għad hemm xi ostakli, b'mod partikolari fil-qasam tal-elettriku. Sabiex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni llum adottat Komunikazzjoni dwar il-mira ta' 15 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030. Adottat ukoll it-tielet lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni (PCI).

Waqt li kien qed jikkummenta dwar ir-rapport, il-Viċi President responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Šefčovič, qal: “L-Unjoni tal-Enerġija tirnexxi biss jekk nimxu kollha fl-istess direzzjoni. L-għan huwa li nwettqu l-impenn tagħna biex inlestu l-Unjoni tal-Enerġija sa tmiem il-mandat tal-Kummissjoni attwali. Sal-2019, l-Unjoni tal-Enerġija ma tridx tkun għadha sempliċiment politika iżda realtà ta' kuljum li tibbenefika lil kull ċittadin Ewropew. Sabiex dan ikun jista' jsir, jenħtieġ resposabbilizzazzjoni akbar mill-partijiet kollha tas-soċjetà. Għalhekk, qed inħares lejn is-sena d-dieħla bħala s-sena ta' impenn”.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, qal: “It-tranżizzjoni enerġetika tal-Ewropa tinsab fi stadju avvanzat b'livelli rekord ta' enerġija rinnovabbli u bi tnaqqis rapidu tal-ispejjeż. Iżda l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa trid tiżviluppa fl-istess direzzjoni u bl-istess rapidità biex tappoġġja bis-sħiħ din it-tranżizzjoni enerġetika. Għalhekk qed nipproponu li l-lista ta' proġetti ġodda tkun tiffoka fuq grilji intelliġenti u interkonnessjonijiet tal-elettriku ewlenin. L-azzjonijiet li tħabbru llum biex tingħata spinta lill-infrastruttura tal-enerġija nadifa huma pass importanti ieħor biex is-sistema tal-enerġija tagħna ssir aktar sostenibbli, aktar kompetittiva u aktar sigura, filwaqt li jipprovdu valur miżjud Ewropew ġenwin”.

Sejbiet ewlenin

Inqas minn tliet snin minn mindu ġiet ippubblikata l-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni permezz tal-komunikazzjoni tagħha għal “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” ippreżentat kważi l-proposti kollha meħtieġa biex jitħares il-prinċipju "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel", biex tiġi appoġġata t-tmexxija globali tal-UE fl-azzjoni klimatika u fl-enerġija rinnovabbli, u biex jingħataw kundizzjonijiet ġusti lill-konsumaturi tal-enerġija.

Is-sett ta' inizjattivi fi ħdan “L-Ewropa Attiva” ta' Marzu ta' din is-sena, maħsuba għas-settur tat-trasport bl-għan li dan jibqa' kompetittiv fi tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn l-enerġija nadifa u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll il-“Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa” li ġie ppreżentat f'Novembru, pass deċiżiv 'il quddiem fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi għal tnaqqis domestiku vinkolanti ta' CO2 ta' mill-inqas 40 % sal-2030, huma riżultati konkreti fil-proċess tat-tlestija tal-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija.

It-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija teħtieġ impenn u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà kollha kemm hi. Dan huwa preċiżament għaliex l-Istati Membri se jkollhom jiffinalizzaw l-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima għall-perjodu ta' wara l-2020, sa mill-bidu tal-2018. It-tlestija tal-abbozzi tal-pjanijiet fil-bidu tal-2018 hija essenzjali wkoll biex l-Unjoni turi t-tmexxija b'saħħitha tagħha fix-xena globali.

L-avvenimenti ġeopolitiċi żammew l-enerġija u l-klima fuq nett tal-aġenda fl-2017. L-intenzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehim ta' Pariġi wasslet lill-UE biex turi t-tmexxija tagħha u twieġeb billi ssaħħaħ is-sinerġiji bejn id-diplomazija tagħha dwar il-klima u dik dwar l-enerġija. L-UE se tkompli tafferma l-impenn tagħha fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll issaħħaħ is-sħubijiet globali eżistenti tagħha.

Id-diskors tal-Istat tal-Unjoni jisħaq ukoll li filwaqt li t-tibdil globali fil-produzzjoni tal-enerġija joħloq sfidi serji għall-Ewropa, joħloq ukoll opportunitajiet uniċi biex l-Ewropa ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mexxejja dinjija fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa filwaqt li tipprovdi sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini kollha tagħha. Li tintwera ambizzjoni fi kwistjonijiet bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija, l-azzjoni klimatika u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, u l-iżgurar ta' sinjali tajbin tal-prezzijiet fis-suq, huwa kundizzjoni primordjali biex jiġu attirati l-investimenti meħtieġa biex jimmodernizzaw l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

L-Unjoni tal-Enerġija qed tagħti l-frott iżda l-impenn kontinwu huwa fundamentali biex jitwettqu l-kompiti li fadal. Il-proposti leġiżlattivi kollha relatati mal-Unjoni tal-Enerġija li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni jridu jiġu indirizzati bħala prijorità mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. 

X'ġie adottat illum

  • It-tielet rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Anness 1: Pjan direzzjonali aġġornat għall-Unjoni tal-Enerġija; Anness 2: L-osservazzjonijiet ta' politika; Anness 3: Sitwazzjoni attwali tat-tħejjijiet fuq pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima; Anness 4: Il-progress fl-Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa; 28 skeda informattiva tal-Istati Membri dwar l-Unjoni tal-Enerġija
  • It-tielet lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni
  • Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura (dwar l-implimentazzjoni tal-mira ta' 15 % tal-interkonnessjoni tal-elettriku)
  • Rapport dwar il-Progress fl-Effiċjenza tal-Enerġija
  • Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju
  • Rapport dwar il-Patt tas-Sindki
  • Rapport dwar ix-xejriet u l-projezzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
  • Studju dwar il-Prosumaturi tal-Enerġija Residenzjali

Aktar informazzjoni:

It-tielet rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, it-28 Rapport għal kull Pajjiż, u aktar informazzjoni ta' sfond jinsabu hawnhekk.

Ara l-MEMO: Mistoqsijiet u tweġibiet fuq il-proġett ta' interess komuni (PCIs, projects of common interest) fl-enerġija u l-mira tal-interkonessjoni tal-elettriku.

Id-dokumenti kollha dwar l-infrastruttura, inkluż il-lista l-ġdida tal-PCIs u l-Komunikazzjoni dwar l-Infrastruttura, jinsabu online.

Segwina fuq Twitter: #EnergyUnion

IP/17/4725

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar