Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tanalizza l-istat ta' saħħa fl-UE

Brussell, it-23ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni tanalizza l-istat ta' saħħa fl-UE

Huwa biss billi nirrivedu mill-qiegħ is-sistemi tas-saħħa tagħna li nistgħu niżguraw li dawn jibqgħu adattati għall-iskop tagħhom u jipprovdu kura ffukata fuq il-pazjent. Dan huwa s-suġġeriment li joħroġ mit-28 Profil tas-Saħħa tal-Pajjiż li ġew ippubblikati llum mill-Kummissjoni flimkien mar-Rapport ta' Akkumpanjament. Ir-rapporti jipprovdu analiżi fil-fond tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri tal-UE. Jagħtu ħarsa lejn is-saħħa tal-popolazzjoni u lejn fatturi importanti ta' riskju, kif ukoll lejn l-effettività, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa f'kull Stat Membru tal-UE. Ir-rapporti jirriflettu biċ-ċar l-għanijiet komuni fl-Istati Membri kollha, u juru l-oqsma potenzjali fejn il-Kummissjoni tista' tħeġġeġ it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prassi tajba.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis qal: “Li nonfqu biss 3 % mil-baġits tagħna għall-kura tas-saħħa fuq il-prevenzjoni, meta mqabbla ma' 80 % fuq it-trattament tal-mard, sempliċiment mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ li ntejbu l-aċċess għall-kura primarja sabiex id-dipartiment tal-emerġenza ma jkunx l-ewwel struttura li n-nies jirrikorru għaliha. Jeħtieġ ukoll li l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard ikunu fil-qalba tas-setturi kollha ta' politika sabiex titjieb is-saħħa tal-popolazzjoni u tonqos il-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa. Dawn huma biss ftit mill-indikazzjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-2017 dwar l-Istat tas-Saħħa fl-UE. Billi noffru dejta u għarfien komprensivi, beħsiebna nappoġġaw lill-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali biex jindirizzaw l-isfidi u jagħmlu l-għażliet it-tajba fl-ambitu politiku u tal-investiment. Nittama li jsir l-aħjar użu mill-ħidma tagħna.”

In-nuqqas ta' analiżi komprensiva u sensittiva għall-kuntest ilu li ġie identifikat bħala ostaklu ewlieni għal dawk li jfasslu l-politika tas-saħħa. Sabiex telimina din il-lakuna fl-għarfien, il-Kummissjoni dan ix-xahar lestiet l-ewwel ċiklu ta' sentejn tal-Istat tas-Saħħa fl-UE.

Sejbiet ewlenin

Il-Profili tas-Saħħa tal-Pajjiż ġew ippreparati b'kooperazzjoni mal-OECD u mal-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa. Mir-Rapport ta' Akkumpanjament ħarġu ħames konklużjonijiet trażversali:

  • Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard iwittu t-triq għal sistema tas-saħħa aktar effettiva u effiċjenti. Minbarra l-iżbilanċ tal-investimenti fil-prevenzjoni, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali, kif juru d-differenzi fl-iskrining tal-kanċer jew fl-attività fiżika bejn il-persuni b'livell baxx u għoli ta' introjtu u edukazzjoni.
  • Il-kura primarja b'saħħitha tiggwida b'mod effiċjenti lill-pazjenti fis-sistema tas-saħħa u tgħin biex tiġi evitata l-ħela fl-infiq. 27 % tan-nies iżuru d-dipartiment tal-emerġenza minħabba l-inadegwatezza tal-kura primarja. Erbatax-il pajjiż biss fl-UE jirrikjedu referenza tal-kura primarja biex issir konsultazzjoni ma' speċjalista; disa' pajjiżi oħra jipprevedu inċentivi finanzjarji marbuta mar-referenzi.
  • Il-kura integrata tiżgura li pazjent jirċievi kura kompensiva. Dan jevita s-sitwazzjoni li qed naraw bħalissa fi kważi l-pajjiżi kollha tal-UE, fejn il-kura hija frammentata u l-pazjenti jkollhom ifittxu soluzzjoni f'labirint ta' faċilitajiet ta' kura.
  • L-ippjanar proattiv u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa jżidu l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa li jadattaw għall-evoluzzjonijiet futuri. Fl-UE hemm 18-il miljun professjonist tal-kura tas-saħħa, u sal-2025 se jinħolqu 1.8 miljun impjieg ieħor. L-awtoritajiet tas-saħħa jridu jħejju lill-forza tax-xogħol tagħhom għal dawn il-bidliet imminenti: it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-multimorbożità, il-ħtieġa għal politiki ta' reklutaġġ tajba u għal ħiliet ġodda, u l-innovazzjoni teknika.
  • Il-pazjenti għandhom ikunu fil-qalba tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' dejta mtejba tas-saħħa għall-politika u għall-prattika. It-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura tgħin biex taqbad f'sitwazzjoni reali r-riżultati u l-esperjenzi li huma importanti għall-pazjenti, b'potenzjal kbir li ssaħħaħ l-effettività tas-sistemi tas-saħħa.

Il-passi li jmiss

Wara l-preżentazzjoni lill-Ministeri tas-Saħħa tal-pajjiżi kollha tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jkomplu jiddiskutu dawn ir-rapporti mal-esperti tal-OECD u tal-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa. Dawn l-iskambji volontarji se jkunu jistgħu jsiru mill-bidu tal-2018 u jgħinu lill-Ministeri biex jifhmu aħjar l-isfidi prinċipali u jiżviluppaw reazzjonijiet ta' politika xierqa.

Għal aktar tagħrif:

IP/17/4722

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar