Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ewropa fejn kulħadd huwa ndaqs: Il-Kummissjoni Ewropea tiddefendi d-drittijiet tan-nisa fi żminijiet ta' taqlib

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum tagħti bidu għal avveniment importanti dwar “id-Drittijiet tan-Nisa fi żminijiet ta' taqlib”, it-tema magħżula għall-Kollokju annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' din is-sena.

Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum ukoll jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ma ntlaħqitx fl-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni qed tħabbar azzjoni konkreta biex iġġib fi tmiemha d-differenza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel permezz ta' Pjan ta' Azzjoni li għandu jitwettaq bejn issa u l-aħħar tal-mandat tagħha fl-2019.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, qal: “L-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali, stabbilit fit-Trattati tal-UE. Irridu nużaw l-enfasi attwali fuq dawn il-kwistjonijiet fil-midja u fil-politiki sabiex insarrfu l-prinċipju f'azzjoni. In-nisa madwar l-Ewropa għandhom id-dritt għall-ugwaljanza, l-emanċipazzjoni u s-sigurtà, iżda dawn id-drittijiet għadhom mhumiex realtà għal għadd kbir wisq ta' nisa. L-avveniment tal-lum se jgħin biex ikun hemm tibdil fl-imġiba u bidla fil-politika biex intejbu l-ħajja taċ-ċittadini tagħna.

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: “In-nisa għadhom sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika u fid-dinja tan-negozju. Għadhom jaqilgħu 16% anqas mill-irġiel bħala medja madwar l-UE. U l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa. Dan huwa inġust u mhux aċċettabbli fis-soċjetà tal-lum. Id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi eliminata, għaliex l-indipendenza ekonomika tan-nisa hija l-aħjar protezzjoni tagħhom kontra l-vjolenza.”

Il-Kollokju jlaqqa' flimkien politiċi, riċerkaturi, ġurnalisti, NGOs, attivisti, negozji u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jiddiskutu kif l-aħjar jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tan-nisa fl-UE. Il-fastidju sesswali, il-vjolenza kontra n-nisa, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fost it-temi ewlenin li se jiġu diskussi matul il-jumejn tal-Kollokju.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri d-distakk bejn l-ambizzjoni u r-realtà

Ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi juru li għad hemm lok għal titjib madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. Uħud mill-aktar riżultati interessanti jinkludu:

  • L-ugwaljanza bejn is-sessi hija importanti għall-maġġoranza tal-Ewropej: 9 minn kull 10 Ewropej iqisu li l-promozzjoni tal-ugwaljanza hija importanti għas-soċjetà, l-ekonomija u għalihom personalment.
  • Hemm bżonn ta' aktar nisa fil-politika: Nofs l-Ewropej jaħsbu li għandu jkun hemm aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, b'7 minn kull 10 favur miżuri legali biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-politika.
  • Il-kondiviżjoni ugwali fix-xogħol tad-dar u l-indukrar tat-tfal għadha mhix realtà: Aktar minn 8 minn kull 10 Ewropej jaħsbu li r-raġel għandu jagħti sehem indaqs fil-faċendi tad-dar, jew jieħu liv tal-ġenituri biex jieħu ħsieb it-tfal tiegħu. Madankollu, il-maġġoranza jaħsbu li n-nisa għadhom iqattgħu aktar ħin fuq attivitajiet tax-xogħol domestiku u l-kura tal-familja mill-irġiel (73%).
  • Il-paga ndaqs tfisser ħafna: 90% tal-Ewropej jgħidu li ma huwiex aċċettabbli li n-nisa jitħallsu inqas mill-irġiel, u 64% huma favur it-trasparenza tas-salarji bħala mod kif tiġi abilitata l-bidla.

Pjan ta' Azzjoni: L-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

In-nisa fl-Ewropa għadhom jitħallsu medja ta' 16.3% inqas mill-irġiel. Id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa ma naqsitx fi snin riċenti, u hija dovuta l-aktar għall-fatt li n-nisa joħorġu jaħdmu inqas, f'setturi inqas imħallsa talba, jieħdu inqas promozzjonijiet, jieħdu aktar pawżi fil-karriera u jagħmlu aktar xogħol mhux imħallas.

Sabiex tindirizza din il-problema, l-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta Pjan ta' Azzjoni sabiex tindirizza d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għall-2018-2019. L-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni mill-partijiet ikkonċernati kollha se, fost l-oħrajn:

- ittejjeb ir-rispett għall-prinċipju ta' pagi ugwali billi tivvaluta l-possibiltà li tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

- tindirizza l-iżvantaġġ minħabba r-rwol ta' kura tan-nisa billi tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri sabiex jadottaw malajr il-proposta ta' April 2017 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

- tkisser is-saqaf tal-ħġieġ billi tiffinanzja proġetti li jtejbu il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumpaniji fil-livelli maniġerjali kollha; tħeġġeġ lill-gvernijiet u l-imsieħba soċjali biex jadottaw miżuri konkreti biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Aktar informazzjoni

Il-Kollokju Annwali tal-2017 dwar id-Drittijiet Fundamentali

Ewrobarometru speċjali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE

Pjan ta' Azzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar it-Trasparenza fil-Pagi tal-2017

Skedi informattiviSkedi informattivi dwar il-ġurnata ddedikata għad-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

IP/17/4711

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar