Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Insaħħu l-progress fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: Il-Kummissjoni tfittex li tippromwovi l-protezzjoni soċjali għal kulħadd

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Illum il-Kummissjoni nediet it-tieni ċiklu ta' diskussjonijiet mat-trade unions u mal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi fil-livell tal-UE dwar kif għandu jiġi sostnut l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal dawk kollha li għandhom impjieg u li jaħdmu għal rashom.

Dan huwa pass ieħor importanti 'l quddiem biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsir realtà lokalment u ftit jiem biss wara l-proklamazzjoni tiegħu mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni fis-Samit Soċjali ta' Gothenburg.

Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali Valdis Dombrovskis, qal: “Id-dinja l-ġdida tax-xogħol tagħti lok għal opportunitajiet ġodda. In-nies għandha tkun kapaċi ltaħtafhom u tħoss ruħha protetta irrispettivament mit-tip ta' impjieg li għandha. Dan hu l-ħsieb wara l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Aħna rridu niżguraw li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jkunu sostenibbli, adegwati u ġusti. Aħna issa qed nikkonsultaw is-sħab soċjali dwar kif kulħadd għandu jikkontribwixxi u jibni d-drittijiet.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, żiedet tgħid: “Din il-Kummissjoni qed taħdem bis-sħiħ biex l-Ewropa ssir aktar soċjali. Illum, qed nimxu ‘l quddiem b'inizjattiva konkreta oħra taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. F'din id-dinja l-ġdida tax-xogħol għall-ħaddiema kollha jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali, kemm jekk huma impjegati b'kuntratti standard, b'tipi ġodda ta' kuntratti jew huma persuni li jaħdmu għal rashom. Irrid niżgura li kull min jaħdem jiġi kopert minn skemi ta' protezzjoni soċjali, abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom. Dan huwa importanti biex niżguraw li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna huma adegwati, sostenibbli u konformi mal-ġustizzja interġenerazzjonali. 

Fl-2016, ftit anqas minn 40 % tal-persuni impjegati fl-UE kienu f'impjieg mhux standard jew f'impjieg indipendenti, nofshom huma fir-riskju li ma jkollhomx biżżejjed aċċess għall-protezzjoni soċjali u s-servizzi tal-impjiegi relatati, skont l-estimi [1]. Fis-suq tax-xogħol li qed jindibel, qed jitfaċċaw forom ġodda ta' xogħol u n-nies qed jiċċaqalqu bejn impjiegi u sitwazzjonijiet tax-xogħol b'mod aktar frekwenti. Is-sehem ta' impjieg mhux standard u l-impjieg indipendenti qed jiżdied fis-suq tax-xogħol, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

B'konformità mal-prinċipji rilevanti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa l-aċċess għall-protezzjoni soċjali abbażi tal-kontribuzzjonijiet għan-nies kollha. Minħabba s-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom, persuni bħal dawk f'impjieg mhux standard u li jaħdmu għal rashom ma għandhomx aċċess suffiċjenti u minħabba f'hekk huma esposti għal inċertezza ekonomika akbar u anqas protezzjoni kontra r-riskji soċjali. Meta tkun qed tiġi indirizzata din l-isfida, ikun qed jitwettaq l-għan marbut mal-Pilastru li nagħmlu l-mudelli soċjali tagħna tajbin għall-futur u li tiġi indirizzata l-ekwità interġenerazzjonali, biex b'hekk naħsdu l-aħjar mid-dinja tax-xogħol tal-ġejjieni.

Biex jintlaħaq dan l-għan, u f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tal-Kummissjoni għad-djalogu soċjali, il-Kummissjoni qed titlob l-opinjoni tas-sħab soċjali billi tniedi t-tieni stadju ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Is-sħab soċjali issa għandhom seba' ġimgħat biex jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk humiex lesti li jinnegozjaw. B'mod parallel, infetħet ukoll konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha bħall-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema tal-pjattaformi u s-soċjetà ċivili.

Abbażi tal-konklużjonijiet ta' dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta proposta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Kuntest

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' April 2017, u bħala proposta għal dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. It-test tal-proklamazzjoni ġie ffirmat mill-partijiet kollha fis-Samit Soċjali għal Impjiegi u Tkabbir Ġusti fis-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg, l-Iżvezja, wara diskussjonijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummisjsoni Ewropea u l-Istati Membri.

L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija responsabbiltà kondiviża fil-livelli kollha. Sa mill-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat diversi proposti leġiżlattivi biex jiġi implimentat il-Pilastru fil-livell tal-UE, inklużi reċentement proposta biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri li jaħdmu u għall-persuni li jindukraw. Il-Kummissjoni varat żewġ konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali – waħda biex jiġu mmodernizzati r-regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol, u oħra dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal kulħadd. Mis-26 t'April sat-23 ta' Ġunju 2017, l-imsieħba soċjali kellhom l-okkażjoni li jesprimu fehmithom fuq iż-żewġ kwistjonijiet. Fil-21 ta' Settembru 2017 infetaħ it-tieni stadju ta' modernizzar tar-regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol. Dan l-istadju jibqa' miftuħ sat-3 ta' Novembru 2017.

Illum beda t-tieni stadju ta' konsultazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Dan jibni fuq ir-riżultati tad-diskussjonijiet tal-ewwel fażi. B'mod parallel, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni pubblika u ser torganizza seduti ta' smigħ mal-partijiet ewlenin ikkonċernati, bħal rappreżentanti ta' dawk li jaħdmu għal rashom, is-soċjetà ċivili u fornituri ta' protezzjoni soċjali.

Il-Kummissjoni Juncker għamlitha prijorità li tinbena Ewropa aktar soċjali u aktar ġusta, kif rifless fil-Linji Gwida Politiċi tagħha ta' Lulju 2014. F'Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-ewwel Stat tal-Unjoni tal-President Juncker, il-President stqarr: “Irridu nintensifikaw il-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tabilħaqq pan-Ewropew. [...] Bħala parti minn dawn l-isforzi, nixtieq li noħolqu u niżviluppaw Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jqis ir-realtajiet dejjem jinbidlu tas-soċjetajiet Ewropej u tad-dinja tax-xogħol.

Fl-iktar diskors riċenti tiegħu tal-Istat tal-Unjoni, nhar it-13 ta' Settembru 2017, il-President ikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tibqa' twassal il-Pilastru 'l quddiem bħala mezz essenzjali biex jinħoloq suq intern iktar profond, iktar ġust u iktar soċjali. "Jekk irridu nevitaw il-frammentazzjoni soċjali u d-dumping soċjali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom jaqblu fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kemm jista' jkun malajr, u żgur mhux iktar tard mis-summit ta' Gothenburg f'Novembru. Is-sistemi soċjali nazzjonali se jibqgħu diversi u separati għal żmien twil. Iżda mill-inqas, għandna naħdmu favur Unjoni għall-Standards Soċjali Ewropej, li fiha jkollna fehim komuni ta' xi tfisser il-ġustizzja soċjali. Jekk l-Ewropa tbarri lill-ħaddiema tagħha, l-Ewropa ma taħdimx."

Għal aktar tagħrif

Ara l-MEMO: It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Segwi l-Viċi-President Dombrovskis fuq Twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter, #SocialRights

 

[1] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: “Miżien analitiku” tad-dokument li jakkumpanja Dokument ta' konsultazzjoni: Second phase consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on a possible action addressing the challenges of access to social protection for people in all forms of employment in the framework of the European Pillar of Social Rights (It-tieni fażi tal-konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-possibbiltà ta' azzjoni li tindirizza l-isfidi tal-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f'kull tip ta' impjieg fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali)

IP/17/4709

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar