Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: jibda t-tlaqqigħ taż-żgħażagħ mal-organizzazzjonijiet għall-attivitajiet ta' solidarjetà

Brussell, it-8ta' marzu 2017

Wara tliet xhur mit-tnedija tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, fejn iż-żgħażagħ Ewropej interessati setgħu jibdew jissieħbu, l-organizzazzjonijiet akkreditati li jipprovdu kollokamenti ta' solidarjetà issa jistgħu jużaw id-database biex isibu ħaddiema, apprendisti jew voluntiera potenzjali għall-attivitajiet tagħhom.

Se jkun hemm diversi mijiet ta' kollokamenti disponibbli sa mill-perjodu tar-rebbiegħa, u fix-xhur li ġejjin dawn mistennija jiżdiedu b'eluf oħra.

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal: “Illum, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qed jagħmel pass kbir biex jikseb riżultati konkreti. Issa li qed niftħu d-database tagħna għall-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, dan it-tlaqqigħ jista' jinbeda u l-ewwel żgħażagħ Ewropej ikunu jistgħu jibdew l-attivitajiet tagħhom. Kburi li ħafna żgħażagħ diġà ssieħbu mal-Korp u lesti jagħmlu differenza. Issa ninkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet jagħmlu l-istess u jipprovdu l-akbar ammont ta' kollokamenti possibbli.”

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: “Illum qed inżidu element kostitwenti ieħor tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Permezz tal-ftuħ tal-għodda tat-tlaqqigħ online għall-organizzazzjonijiet u msieħba li jipprovdu kollokamenti ta' solidarjetà, il-membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jibdew jagħmlu impatt pożittiv konkret filwaqt li jiksbu ħiliet imprezzabbli għall-futur u l-karriera tagħhom.”

Il-kollokamenti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jiġu offruti minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet: pereżempju, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jew minn intrapriżi soċjali. F'din l-ewwel fażi, l-organizzazzjonijiet li huma interessati jipparteċipaw fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu japplikaw għall-finanzjament permezz tal-programmi ta' finanzjament eżistenti tal-UE. Bħalissa, jeżistu tmien programmi li jappoġġaw il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Aktar informazzjoni hija disponibbli f'din l-iskeda informattiva.

Biex tipparteċipa, kull organizzazzjoni tkun meħtieġa tapprova d-Dikjarazzjoni tal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u taderixxi mal-Karta tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fejn hemm stipulati d-drittijiet u r-responsabbiltajiet fl-istadjii kollha tal-esperjenza ta' solidarjetà L-organizzazzjonijiet li huma diġà akkreditati ma' xi wieħed mill-programmi ta' finanzjament għandhom aċċess għall-għodda online awtomatikament.

Is-sistema online tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tippermetti t-tlaqqigħ dirett bejn l-organizzazzjonijiet u ż-żgħażagħ interessati fil-kollakamenti ta' solidarjetà. Meta jirreġistraw, minbarra d-dettalji personali tagħhom, iż-żgħażagħ jistgħu jindikaw il-ħiliet, l-esperjenzi, id-disponibbiltà, il-preferenzi, u l-motivazzjoni tagħhom, kif ukoll itellgħu s-CVs tagħhom.

 

Sfond

Fis-7 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni nediet il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan joffri opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ ta' bejn l-etajiet ta' 18 u 30 sena biex jipparteċipaw f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet diffikultużi fl-UE kollha. Dan mhux biss se jippermettilhom jiksbu esperjenza siewja ħafna u jakkwistaw ħiliet importanti fil-bidu tal-karriera tagħhom, iżda wkoll se jippermettilhom jippromwovu u jsaħħu l-valur tas-solidarjetà, li huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn meta tnieda, diġà rreġistraw kważi 24,000 żagħżugħ mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà - l-għan huwa li sa tmiem l-2020 jkun hemm 100,000 żagħżugħ li jingħaqdu ma' dan il-Korp. 

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Kummissjoni adottat approċċ gradwali, billi sejset fuq programmi u strumenti eżistenti, filwaqt li kienet qed titfassal proposta għal strument legali awtonomu għall-ewwel nofs tal-2017. Biex tħejji l-proposta legali, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika, ikkumplimentata minn konsultazzjonijiet speċifiċi mal-partijiet interessati ewlenin. Fit-12 ta' April se jsir Forum tal-Partijiet Interessati li fih jiġu diskussi l-elementi ewlenin tal-Korp għall-futur.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Memo: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Skeda informattiva: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Skeda informattiva: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Kif tipparteċipa bħala organizzazzjoni?

Paġna ta' reġistrazzjoni għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-paġna ta' Facebook tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Segwi lill-Kummissarju Thyssen fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Navracsics fuq Twitter

#EUSolidarityCorps

IP/17/469

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar