Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Ewropa: Varata t-tieni Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali

Brussell, I-20ta' novembru 2017

Mill-20 sal-24 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea qed torganizza t-tieni Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, li tistrieħ fuq is-suċċess tal-inizjattiva tas-sena l-oħra.

L-għan huwa li tispira lin-nies tiskopri, tuża u ttejjeb it-talenti u l-kapaċitajiet tagħha permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV). Li nies tiġi mħeġġa tikkonsidra l-ETV bħala l-ewwel għażla fit-triq tal-karriera tagħhom hija waħda mill-għaxar azzjonijiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni skont l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, li ilha tiġi implimentata minn Ġunju 2016.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, stqarret: “F'dinja intelliġenti tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma għażla intelliġenti. Il-perċezzjoni li l-ETV huma “ġar fqir” tal-edukazzjoni universitarja hija żbaljata. Mhumiex ġar fqir, huwa ugwali! It-tieni Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali se tqiegħed varjetà kbira ta' opportunitajiet u esperjenzi mill-Ewropa kollha fiċ-ċentru tal-attenzjoni biex turi li l-ETV u l-apprendistati huma għażla prinċipali kbira.”

Waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali, il-Kummissjoni turi inizjattivi ta' kwalità għolja sabiex il-persuni jkollhom il-ħiliet li jeħtieġu f'suq tax-xogħol li jinbidel b'pass mgħaġġel. Hemm aktar minn 1,000 avveniment li qed iseħħu fl-Ewropa — fit-28 Stat Membru kollha, kif ukoll fin-Norveġja, fil-Liechtenstein, fl-Iżvizzera, fl-Iżlanda u fil-pajjiżi kandidati tal-UE. L-avvenimenti ser juru mhux biss ir-rwol kruċjali li għandhom l-ETV biex jiġu appoġġati l-ħiliet, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività iżda ukoll f'termini ta' milja personali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat ftit tal-jiem ilu mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-Samit Soċjali f'Gothenburg, jirrikonoxxi l-importanza biex jinkisbu l-ħiliet ġusti billi jqiegħed l-edukazzjoni, t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja bħala l-ewwel prinċipju assolut tal-20 prinċipji tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali.

L-avvenimenti jinkludu konferenza “Il-Promozzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet Vokazzjonali — Flimkien”, is-Sammit Ewropew tan-Negozju u l-Edukazzjoni u r-raba' laqgħa tan-Netwerk Ewropew tal-Apprendisti, netwerk ta' apprendisti u rappreżentanti żgħażagħ mill-Ewropa kollha li jikkontribwixxu għal diskussjonijiet dwar il-politika fuq il-livell Ewropew. L-avveniment tal-għeluq fit-24 ta' Novembru ser jinkludi ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-ETV 2017 li jenfasizzaw l-eċċellenza u l-kwalità f'diversi kategoriji. L-avvenimenti skont il-pajjiż jinsabu hawn [hyperlink to map].

Kuntest

L-għażla tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tista' twassal għal karrieri attraenti u ta' sfida u tiftaħ il-bieb għal opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid f'livelli għoljin.

Għalhekk, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieħdu sehem fit-tieni Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali: dawk li qed isegwu kors tat-tagħlim ta' kwalunkwe età, il-ġenituri, il-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet tan-negozju, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tat-tagħlim għall-adulti, ir-riċerkaturi, il-konsulenti tal-karrieri, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà inġenerali. Il-Kummissjoni ħeġġet lil dawn il-partijiet ikkonċernati madwar l-Ewropa jorganizzaw avvenimenti u attivitajiet, bħal pereżempju Jiem għall-Pubbliku, il-promozzjoni ta' programmi ta' suċċess tal-ETV jew attivitajiet oħra ta' sensibilizzazzjoni waqt dan il-perjodu. Dawn huma xi ftit eżempji ta' avvenimenti li qed iseħħu din is-sena:

  • Il-Master Talent Foundation [tal-Belġju] qed torganizza apprendistati għal talenti kulinari fil-Belġju u barra l-pajjiż, b'chefs, b'koki taċ-ċikkulata [chocolatiers], b'furnara, b'chefs tal-għaġina u b'biċċiera fis-settur superjuri tal-gastronomija fil-Belġju u fid-dinja kollha. Il-fundaturi ta' dan il-proġett huma Jan Buytaert, chef fuq in-Njam TV u l-president tal-ġurija tal-Flanders Kitchen Rebels (ir-Ribelli tal-Kċina tal-Fjandri), u Krispijn Yperman, membru tal-Fakultà tal-Ikel tal-Fjandri u espert tat-Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol. Fl-20 ta' Novembru, 2017 huma ser jippreżentaw il-proġett u jistiednu sħab u apprendisti biex jagħtu testimonjanza tal-esperjenza tagħhom.
  • Il-Fiera tal-Orientamenti f'Ġenova, l-Italja, huwa avveniment kbir iddedikat lill-Gwida Vokazzjonali, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ tas-Suq tax-Xogħol (hemm inklużi dibattiti dwar it-tendenzi tal-futur). Bejn l-14 u s-16 ta' Novembru, ħadu sehem fil-Fiera 60,000 parteċipant. Dawn kienu jinkludu persuni nazzjonali, reġjonali u lokali li jfasslu l-politika, esperti, fornituri tal-ETV, kumpaniji u trade unions, għalliema u assoċjazzjonijiet tal-istudenti kif ukoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
  • Iċ-Ċentru ta' Taħriġ Vokazzjonali Tekniku ta' Budapest bejn it-23 u l-24 ta' Novembru 2017 se jospita l-5es Kompetizzjoni Nazzjonali ta' Taħriġ Vokazzjonali. Il-kompetizzjoni hija mibnija madwar il-punti essenzjali bażiċi tal-għarfien tal-IT. Il-kompetizzjoni tippermetti studenti tal-IT ta' bejn id-9 u l-14-il grad li jiskopru l-potenzjal tagħhom permezz ta' kompetizzjoni u jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom mal-għalliema tagħhom. Is-sena l-oħra kien hemm 400 parteċipant.
  • L-Iskola tal-Bini f'Tallinn hija ċentru tat-taħriġ vokazzjonali fl-oqsma tal-kostruzzjoni, tax-xogħol bl-injam u tal-elettriku, li din is-sena qed tiċċelebra s-70 anniversarju tagħha. Barra li ser jinfetħu l-bibien għall-pubbliku permezz ta' diversi workshops, l-istudenti qed iħejju wkoll 100 siġġu għat-tfal bħala rigal lir-Raħal tal-SOS Children matul ix-xhur ta' Novembru u Diċembru 2017.
  • Fiera tal-Apprendistat f'Ludwigshafen am Rhein (il-Ġermanja): Fil-11 ta' Novembru, madwar 30 student f'taħriġ doppju (apprendisti) se jippreżentaw l-aqwa esperjenzi tal-apprendistati tagħhom barra minn pajjiżhom lil studenti iżgħar, li jistgħu jipparteċipaw is-sena d-dieħla, kif ukoll lil għalliema u lil min iħarreġ minn kumpaniji lokali/reġjonali. L-istudenti se jħejju stands ta' wirjiet b'posters u bi preżentazzjonijiet. Barra minn hekk, lill-viżitaturi “tal-fiera tal-apprendistat” ser jagħtuhom personalment informazzjoni bl-Ingliż dwar l-esperjenzi tagħhom. Dawn l-azzjonijiet kollha għandhom l-għan li jippromwovu l-ETV u l-edukazzjoni tal-mobilità fost l-istudenti.
  • L-Impjegaturi qed jiftħu l-bibien tagħhom fl-Ewropa kollha biex juru l-opportunitajiet u l-benefiċċji tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Bħala eżempju, Nestlé qed torganizza avvenimenti f'16-il Stat Membru tal-UE. fis-Slovakkja, il-fabbrika Nestlé fi Prievidza qed torganizza Jum ta' Bibien Miftuħa għall-istudenti ta' bejn l-14 u l-15-il sena li dalwaqt ser jiddeċiedu dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-futur tagħhom. Ser jiġu organizzati avvenimenti ta' pariri dwar il-karriera biex jippreżentaw programmi tal-ETV u jiddiskutu x'jistennew l-impjegaturi moderni mill-gradwati. Apprendisti ta' Nestlé ser jimpenjaw ruħhom f'din il-parti - biex jippreżentaw esperjenza reali lill-viżitaturi/żgħażagħ.

Din il-ġimgħa ġiet organizzata bl-involviment u bl-appoġġ qawwi taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

Għal aktar tagħrif

MEMO: Mistqosijiet u tweġibiet dwar it-tieni Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali

L-Aħbarijiet fuq is-sit web tad-DĠ EMPL

Segwi Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter, #EUVocationalSkills

IP/17/4683

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar