Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew: Naħdmu għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv

Brussell, it-22ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-UE għas-sena li jmiss, tagħti rakkomandazzjonijiet ta' politika għaż-Żona tal-Ewro u tlesti l-valutazzjoni tal-Abbozz ta' Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri fiż-żona tal-ewro.

Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2018 ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, fiskali u soċjali jibda fl-isfond ta' attività ekonomika soda fiż-żona tal-euro u fl-UE, livelli ta' impjieg rekord u rati tal-qgħad li qed jonqsu lejn il-livelli ta' qabel il-kriżi. Peress li l-Istati Membri kollha qed jikkontribwixxu għal dan il-momentum qawwi ta' tkabbir, il-prijorità issa hija li niżguraw li dan jiġi sostnut u jġib miegħu benefiċċji għall-membri kollha tas-soċjetajiet tagħna. Flimkien ma' politiki fiskali responsabbli, il-ħidma għar-riformi strutturali għandha tiffoka fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex tingħata spinta akbar lill-investiment u biex jiżdied it-tkabbir reali tal-pagi f'appoġġ għad-domanda domestika. Il-pakkett tal-lum huwa bbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017 tal-Kummissjoni u jibni fuq il-prijoritajiet fid-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2017. Jirrifletti wkoll il-proklamazzjoni reċenti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali waqt is-Summit Soċjali ta' Gothenburg.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi-President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal li: “Minkejja r-riformi ta' dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tal-Ewropa għadha ma tlestietx. Din hija r-raġuni għaliex għandna bżonn nużaw żminijiet tajbin issa biex insaħħu aktar l-UEM tagħna filwaqt li nagħmlu l-ekonomiji tagħna aktar reżiljenti u inklużivi. Ix-xahar id-dieħel se nippreżentaw proposti li jsaħħu aktar l-UEM. Madankollu, it-tisħiħ tal-arkitettura tal-UEM ma jiħux post il-ħtieġa għal politiki baġitarji sodi, ekonomiċi u soċjali fuq livell nazzjonali. Dan huwa l-għan ewlieni tas-Semestru Ewropew. Illum qed nagħtu l-Opinjonijiet dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji u qed nitolbu lill-Istati Membri li huma f'riskju ta' nuqqas ta' konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaġġustaw il-perkors baġitarju tagħhom.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen, laqgħet b'sodisfazzjon il-ftehim tal-lum u stqarret: “Jiem biss wara s-Summit Soċjali u l-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, qed nippreżentaw Semestru Ewropew li jpoġġi l-Pilastru fil-prattika, għal konverġenza mġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja aħjar bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “L-ekonomija taż-żona tal-euro qed tikber bl-aktar pass mgħaġġel tagħha f'għaxar snin u d-defiċit medju tagħha huwa mistenni li jinżel taħt il-1% tal-PGD s-sena d-dieħla, minn aktar minn 6% fl-2010. Madankollu diversi Stati Membri għadhom qed iġorru livelli għolja ta' dejn pubbliku, li jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jinvestu għall-ġejjieni. Dawn il-pajjiżi għandhom jużaw din l-opportunità biex ikomplu jsaħħu l-finanzi pubbliċi tagħhom, ukoll f'termini strutturali, filwaqt li dawk li għandhom spazju fiskali għandhom jużawh biex isostnu l-investiment għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom.”

It-tkabbir ekonomiku qed jaċċellera b'mod qawwi, u l-ekonomija taż-żona tal-euro tinsab fit-triq it-tajba biex tikber bl-aktar pass mgħaġġel tagħha f'għaxar snin din is-sena. Il-prestazzjoni tajba hija xprunata minn konsum privat reżiljenti, tkabbir sod madwar id-dinja u tnaqqis fir-rati tal-qgħad. L-ekonomiji tal-Istati Membri kollha qed jespandu u s-swieq tax-xogħol tagħhom jitjiebu, iżda l-pagi qed jiżdiedu bil-mod wisq. L-investiment qed jirpilja wkoll fil-kuntest ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u sentiment ekonomiku konsiderevolment aktar ottimist hekk kif l-inċertezza naqqset. Barra minn hekk, il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro tjiebu b'mod konsiderevoli. Billi l-Istati Membri jinsabu fi stadji differenti taċ-ċiklu ekonomiku, il-gwida tal-lum tenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ tajjeb bejn l-appoġġ għall-espansjoni ekonomika u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-livelli għolja ta' dejn.

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

Filwaqt li jibni fuq il-gwida preċedenti, u filwaqt li jqis is-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri fiċ-ċiklu ekonomiku, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (Annual Growth Survey, AGS) jitlob lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment bħala mod biex jappoġġaw l-espansjoni u biex iżidu l-produttività u t-tkabbir fit-tul. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll riformi strutturali ulterjuri li huma meħtieġa biex l-ekonomija tal-Ewropa ssir aktar stabbli, inklużiva, produttiva u reżiljenti. Il-politiki fiskali għandhom jilħqu bilanċ xieraq bejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-appoġġ tal-espansjoni ekonomika. It-tnaqqis ta' livelli għoljin ta' dejn u l-bini mill-ġdid tal-buffers fiskali jrid ikompli jkun prijorità. Li jingħalqu l-lakuni tat-taxxa, li tittejjeb il-kwalità tal-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi u li l-infiq jiġi mmirat aħjar jistgħu jgħinu f'dan l-isforz. Il-ġustizzja soċjali tibqa' prijorità trażversali u l-prinċipji u d-drittijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jiġu integrati fis-Semestru Ewropew minn issa ‘l quddiem.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (Alert Mechanism Report, AMR) huwa strument integrali tas-Semestru Ewropew, li għandu l-għan li jipprevjeni jew jindirizza żbilanċi li jfixklu t-tħaddim bla xkiel tal-ekonomiji tal-Istati Membri, taż-Żona tal-Euro jew tal-UE kollha kemm hi. Abbażi tal-analiżijiet fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, 12-il pajjiż ġew proposti biex jiġu koperti minn rieżami fid-dettall f' 2018. Dawn huma l-istess pajjiżi identifikati bħala li għandhom żbilanċi fis-sensiela ta' qabel tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi (Macroeconomic Imbalances Procedure, MIP), jiġifieri l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rieżamijiet fil-fond bħala parti mir-Rapporti tal-Pajjiżi tagħha fi Frar tal-2018.

Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi

L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi ta' din is-sena huwa l-ewwel edizzjoni li timplimenta fil-prattika t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Qasam Soċjali, imnedija bħala wieħed mill-għodod biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-prestazzjoni tal-Istati Membri hija vvalutata abbażi ta' 14-il indikatur ewlieni. Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (Joint Employment Report, JER) iqis ukoll ir-riformi tal-politika nazzjonali fir-rigward tal-ambizzjonijiet stabbiliti mill-Pilastru.

Il-JER juri li t-titjib fis-suq tax-xogħol qed ikompli: inħolqu madwar 8 miljun impjieg addizzjonali sa minn meta ħadet il-kariga l-Kummissjoni kurrenti. Ir-rata tal-qgħad qed tkompli tonqos u kienet ta' 7.5% (8.9% fiż-żona tal-euro) f'Settembru 2017, li huwa l-aktar livell baxx mill-2008 'l hawn. Madankollu, l-irkupru fis-suq tax-xogħol mhuwiex rifless fit-tkabbir tal-pagi. F'għadd ta' Stati Membri, id-dħul disponibbli għadu taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi.

Proposta għal linji gwida dwar l-impjiegi

Il-linji gwida dwar l-impjiegi jippreżentaw prijoritajiet u miri komuni għall-politiki tal-impjiegi nazzjonali u jipprovdu l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (country-specific recommentations, CSRs). Il-proposta ta' din is-sena tallinja t-test mal-Prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bil-ħsieb li tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa u li din issir post aħjar biex fiha jsiru investimenti, jinħolqu impjiegi ta' kwalità u titrawwem il-koeżjoni soċjali.

Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-ewro

Il-Kummissjoni tirrakkomanda pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali u taħlita bilanċjata ta' politiki għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Dan għandu jikkontribwixxi biex jappoġġja l-investiment u jtejjeb il-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. F'konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri huma wkoll mistiedna jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw miżuri għall-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

Ir-rakkomandazzjoni tappella wkoll għal politiki li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, u jtejbu r-reżiljenza, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza. Għandha tingħata prijorità lir-riformi li jżidu l-produttività, itejbu l-ambjent istituzzjonali u dak tan-negozju, li jiffaċilitaw l-investiment, jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jnaqqsu l-inugwaljanza. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiksbu progress sinifikanti lejn it-tlestija tas-Suq Uniku, partikolarment fis-servizzi. L-Istati Membri b'defiċits fil-kontijiet kurrenti jew dejn barrani għoli għandhom ifittxu li jżidu l-produttività, filwaqt li l-Istati Membri b'eċċessi fil-kontijiet kurrenti għandhom jippromwovu t-tkabbir fil-pagi filwaqt li jippromwovu wkoll l-investiment u d-domanda domestika.

Il-Kummissjoni titlob l-implimentazzjoni ta' riformi li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni. Hija tappella wkoll lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex iċaqilqu t-taxxi lil hinn mix-xogħol, partikolarment għal dawk bi dħul baxx u għal dawk li d-dħul tagħhom huwa t-tieni sors ta' dħul.

Ir-rakkomandazzjoni tappella biex tkompli l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja, fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-qsim tar-riskji, inkluża skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti u li l-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni ssir operattiva. Is-superviżjoni Ewropea tal-istituzzjonijiet finanzjarji għandha tissaħħaħ sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' riskji. It-tnaqqis fil-livelli ta' self mhux produttiv għandu wkoll jiġi mħaffef u s-swieq tal-kapital tal-UE għandhom jiġu integrati u żviluppati aktar biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsir progress rapidu dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, b'rispett sħiħ tas-suq intern tal-UE u b'mod miftuħ u trasparenti fir-rigward tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro.

Opinjoni dwar l-Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji taż-żona tal-euro

Il-Kummissjoni lestiet ukoll il-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) tal-2018 tal-Istati Membri fiż-żona tal-ewro humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST). Hija adottat 18-il opinjoni għall-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro minbarra l-Greċja.

Fir-rigward tas-sittax-il pajjiż fil-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir:

Għal sitt pajjiżi (il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Finlandja u n-Netherlands), l-APBs instab li huma konformi mar-rekwiżiti għall-2018 skont il-PST.

Għal ħames pajjiżi (l-Estonja, l-Irlanda, Ċipru, Malta u s-Slovakkja), l-APBs instab li huma fil-biċċa l-kbira konformi mar-rekwiżiti għall-2018 skont il-PST. Għal dawn il-pajjiżi, il-pjanijiet jistgħu jirriżultaw f'xi devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju (medium-term objective, MTO) ta' kull pajjiż jew mill-perkors ta' aġġustament lejh.

Għal ħames pajjiżi (il-Belġju, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall u s-Slovenja), l-APBs tagħhom jippreżentaw riskju ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti għall-2018 skont il-PST. L-APBs ta' dawn l-Istati Membri jistgħu jirriżultaw f'devjazzjoni sinifikanti mill-perkorsi ta' aġġustament lejn l-MTO rispettiv. Għall-Belġju u l-Italja, huwa wkoll previst nuqqas ta' konformità mal-valur referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn.

Fil-każ tal-Italja, id-dejn għoli persistenti jagħti lok għal tħassib. F'ittra lill-awtoritajiet Taljani, il-Viċi President Dombrovskis u l-Kummissarju Moscovici infurmaw li l-Kummissjoni bi ħsiebha tivvaluta mill-ġdid il-konformità tal-Italja mal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fir-rebbiegħa tal-2018.

Rigward iż-żewġ pajjiżi li baqa' fil-fergħa korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (jiġifieri suġġetti għall-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv):

Għal Franza, li tista' ssir soġġetta għall-fergħa preventiva mill-2018 f'każ ta' korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv, l-APB nstab li huwa f'riskju ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti għall-2018 skont il-PST, billi l-Previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni għall-2017 tipproġetta devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament meħtieġ lejn l-OTM u n-nuqqas ta' konformità mal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2018.

Għal Spanja, l-APB nstab li huwa fil-biċċa l-kbira konformi mar-rekwiżiti għall-2018 skont il-PST, minħabba li t-Tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tal-2017 jipprevedi li d-defiċit nominali se jkun anqas mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3% tal-PDG fl-2018, għalkemm il-mira tad-defiċit nominali mhijiex mistennija li tintlaħaq u hemm nuqqas sinifikanti fl-isforz fiskali meta mqabbel mal-livell rakkomandat.

Il-Kummissjoni ħadet ukoll numru ta' passi skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir:

IR-RENJU UNIT

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (Excessive Deficit Procedure, EDP) tingħalaq għar-Renju Unit. It-tbassir tal-Kummissjoni jikkonferma li l-korrezzjoni tar-Renju Unit tad-defiċit eċċessiv tagħha matul is-sena fiskali 2016-2017 kienet tempestiva u dejjiema.

IR-RUMANIJA

Għar-Rumanija, il-Kummissjoni stabbilixxiet li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva b'rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Ġunju u tipproponi li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni riveduta għar-Rumanija sabiex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti tagħha mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. F'Ġunju 2017, il-Kunsill kien ħareġ rakkomandazzjoni għal aġġustament strutturali annwali ta' 0.5% tal-PDG għar-Rumanija skont il-Proċedura ta' Devjazzjoni Sinifikanti (Significant Deviation Procedure, SDP). Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew minn dak iż-żmien u wara nuqqas ta' azzjoni effettiva mir-Rumanija biex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni llum qed tipproponi rakkomandazzjoni riveduta ta' aġġustament strutturali annwali ta' mill-anqas 0.8% tal-PDG fl-2018.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jiddiskuti l-pakkett u japprova l-gwida offruta llum, u tistenna bil-ħerqa li jkun hemm dibattitu utli fil-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet ta' politika għall-UE u għaż-żona tal-euro.

Għal Iktar Informazzjoni

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018

Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-ewro tal-2018

Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2018

Proposta għal Emenda tal-Linji Gwida għall-Impjiegi

Komunikazzjoni dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji taż-żona tal-ewro

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

Segwi lil DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

IP/17/4681

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar