Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir: it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE

Brussell, is-16ta' novembru 2017

Fis-17 ta' Novembru, il-President Juncker u l-Prim Ministru Żvediż Löfven se jospitaw flimkien lill-mexxejja tal-UE għall-ewwel Summit Soċjali tal-UE f'għoxrin sena.

Il-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE, is-sħab soċjali u partijiet interessati ewlenin oħra se jiltaqgħu fis-Summit Soċjali f'Gothenburg, l-Iżvezja, għal diskussjoni miftuħa fost il-parteċipanti kollha dwar il-promozzjoni ta' impjiegi ġusti u tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

Fl-okkażjoni tas-Summit Soċjali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea se jiddikjaraw flimkien il-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, li tħabbar għall-ewwel darba mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2015 u ġie ppreżentat mill-Kummissjoni f'April tal-2017. Din id-dikjarazzjoni tpoġġi enfasi fuq l-impenn konġunt tal-mexxejja tal-UE biex tappoġġja u tippromwovi l-għoxrin prinċipju u dritt stabbiliti taħt il-Pilastru.

Waqt ikla ta' ħidma, il-mexxejja se jiddiskutu wkoll il-futur tal-edukazzjoni u l-kultura. Jumejn ilu, il-Kummissjoni Ewropea stabilixxiet il-viżjoni tagħha dwar kif nistgħu noħolqu Żona Ewropea ta' Edukazzjoni sal-2025.

Qabel is-Summit Soċjali, il-President Juncker qal: “Bil-mod il-mod l-Ewropa qed teqleb il-paġna fuq snin ta' kriżi ekonomika iżda għadha m'għelbitx l-akbar kriżi soċjali li affaċċjat għal ġenerazzjonijiet sħaħ. L-isfidi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inugwaljanza u dinja tax-xogħol dejjem tinbidel huma sfidi li kulħadd jaffaċċja. F'Gothenburg għandna ċans ta' darba biex infittxu soluzzjonijiet komuni. Dan il-mument għandu jibqa' punt ta' riferiment – bid-dikjarazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali qed nuru l-impenn konġunt tagħna biex nipproteġu u nippromwovu d-drittijiet tal-ugwaljanza, il-korrettezza u l-opportunità li lkoll nappoġġaw u li ċ-ċittadini kollha huma intitolati għalihom. Dan għandu jkun ukoll l-ewwel pass minn ħafna, f'din id-direzzjoni.

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Stefan Löfven, kompla żied: “Is-Summit Soċjali għandu l-iskop li jagħmel titjib reali fil-ħajja ta' kuljum tan-nies. IKif niżguraw li n-nies ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, kif niżguraw impjiegi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Istati Membri kollha u kif ngħinu lin-nies jiċċaqilqu għall-impjiegi l-ġodda tal-futur. Bis-Summit Soċjali qed nagħmlu impenn ċar biex inpoġġu l-interess taċ-ċittadini tagħna fil-qalba tal-aġenda tal-UE.”

Is-Summit Soċjali se jiffoka fuq kif jista' jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet il-ġodda, u kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi komuni għas-swieq tax-xogħol u l-mudelli ta' servizzi soċjali tal-lum u ta' għada. Billi jibnu fuq il-perspettiva u l-esperjenza ta' kull pajjiż, id-diskussjonijiet se jikkontribbwixxu biex jitfassal ġejjieni aħjar għall-Ewropej. Dawn id-diskussjonijiet se jinbnew madwar tliet sessjonijiet ta' ħidma paralleli, li jindirizzaw it-temi li jmiss: “aċċess għas-suq tax-xogħol”, “impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti” u “bejn xogħol u ieħor: l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet”. Dawn il-laqgħat se jixxandru fuq l-internet u se jippermettu lin-nies madwar l-Ewropa jsegwu d-diskussjoni.

Is-Summit huwa punt kruċjali fid-dibattitu usa' dwar il-futur tal-Ewropa, li beda bil-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea u bil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Aktar b'Saħħitha u Unita u Unjoni Aktar Demokratika tal-President Juncker. Dan se jipprovdi ċans uniku u f'waqtu għall-partijiet ikkonċernati ewlenin biex javvanzaw id-dimensjoni soċjali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

Kuntest

Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b'rata mgħaġġla, b'opportunitajiet ġodda u sfidi ġodda ġejjin mill-globalizzazzjoni, mir-rivoluzzjoni diġitali, mit-tibdil fix-xejriet tax-xogħol u mill-iżviluppi demografiċi. 70 miljun Ewropew m'għandhomx ħiliet bażiċi litteristiċi, numeriċi u diġitali, iżda 40 % tal-impjegaturi jistqarru li ma jistgħux isibu nies bil-ħiliet li għandhom bżonn biex jikbru u jinnovaw. Illum matul il-karriera tagħhom, in-nies ibiddlu l-impjieg sa 10 darbiet, u numru dejjem jikber ta' nies qed jaħdmu b'kuntratti mhux standard. Fis-snin li ġejjin li l-popolazzjoni tal-Ewropa se tiżdied filwaqt li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se tonqos: bix-xejriet ta' bħalissa, sal-2060 se jkun hemm 38 miljun inqas Ewropej fl-età tax-xogħol. Illum, erba' persuni li jaħdmu jsostnu pensjonant wieħed: fl-2060 il-proporzjon se jkun tnejn għal wieħed.

Fl-istess ħin, il-kriżi ekonomika ħalliet marki profondi fis-soċjetajiet tagħna, minn qgħad fit-tul għal livelli għolja ta' dejn pubbliku u privat f'ħafna partijiet tal-Ewropa. Bis-saħħa ta' azzjoni determinata fil-livelli kollha, l-ekonomija tal-UE issa tinstab mill-ġdid fuq bażi aktar stabbli. Madankollu, għad hemm inugwaljanzi soċjali sinifikanti, u hemm ħafna diffikultajiet persistenti biex jiġu indirizzati dawn id-differenzi fil-kopertura ta' protezzjoni soċjali bejn il-ħaddiema b'kuntratti standard u mhux standard, id-diskrepanza fil-paga skont il-ġeneru u aċċess mhux ugwali għal prodotti u servizzi għal persuni b'diżabilità u gruppi oħra vulnerabbli. Hemm min qed jiddubita dwar jekk l-innovvazzjoni, il-qabżiet fit-teknoloġija u l-benefiċċji u l-piżijiet li jakkumpanjaw is-swieq miftuħa u s-soċjetajiet humiex imqassma b'mod ugwali fis-soċjetà.

Id-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jissodisfaw aħjar l-aspettattivi taċ-ċittadini u jwettqu riżultati għall-Ewropej kollha huma fil-qalba tal-aġenda tal-UE. Wara l-laqgħa ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016 u l-laqgħa tal-Belt Valletta fit-3 Frar 2017, id-dikjarazzjoni adottata mill-mexxejja tal-UE fil-laqgħa ta' Ruma fil-25 ta' Marzu 2017 wegħdet li: “Fl-10 snin li ġejjin, aħna rridu Unjoni sikura, prospera, kompetittiva, sostenibbli u soċjalment responsabbli, u li jkollha r-rieda u l-kapaċità li twettaq rwol ewlieni fid-dinja u li tfassal il-globalizzazzjoni. Irridu Unjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u soċjali u t-tkabbir ekonomiku.”

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-kontribut tagħha għad-dibattitu fl-1 ta' Marzu 2017 b'White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, segwita minn dokument ta' riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa u l-preżentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-26 ta' April 2017. Ġew proposti bosta proposti f'dan il-qasam f'dawn l-aħħar snin.

Il-Gvern Żvediż huwa impenjat b'mod attiv fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa u, sa mill-bidu tal-mandat tiegħu, poġġa fuq quddiem fl-aġenda politika tiegħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, it-tkabbir inklużiv, l-opportunitajiet indaqs u d-djalogu soċjali li jiffunzjona sew.

Għal Iktar Informazzjoni

Sit web tas-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir

Skedi informattivi:

Sit web tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Test uffiċjali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

 

 

Anness

Skont l-Ewrobarometru "Il-Ġejjieni tal-Ewropa" dwar kwistjonijiet soċjali li ġie ppubblikat illum, aktar minn 8 minn 10 Ewropej iħossu li jeħtieġ li l-ekonomija tas-suq ħieles tmur id f'id ma' livell għoli ta' protezzjoni soċjali.

 

Stampa 1

 

Stampa 2

 

Il-qgħad u l-inugwaljanza soċjali qed jiġu perċepiti bħala sfidi importanti:

 

Stampa 3

 

Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu (66 %, li huma sitt punti perċentwali aktar minn sena ilu) iħossu li l-UE toffri perspettiva futura għaż-żgħażagħ tal-Ewropa:

 

Stampa 4

 

Fl-aħħar nett, skont aktar minn nofs dawk li wieġbu (52 %), l-ilħuq ta' standards ta' għajxien komparabbli jitqies bħala essenzjali għall-futur tal-Ewropa:

 

Stampa 5

IP/17/4643

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar