Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġejjieni tal-Ewropa: Il-President Juncker joħloq Task Force biex “nagħmlu anqas b'aktar effiċjenza”

Brussell, I-14ta' novembru 2017

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker illum uffiċjalment stabbilixxa t-”Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u biex “Nagħmlu anqas b'aktar effiċjenza””.

It-Task Force se tippreżenta rapport lill-President mhux aktar tard mill-15 ta' Lulju 2018 b'rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu applikati aħjar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, bl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' politika fejn il-ħidma tkun tista' tiġi ridelegata jew ritornata b'mod finali lejn l-Istati Membri, kif ukoll ta' modi kif l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jiġu involuti aħjar fit-tfassil u t-twettiq tal-politika tal-UE.

Il-President Juncker ħabbar il-ħolqien tat-Task Force fl-indirizz tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta' Settembru, meta qal: Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni ppruvat tieħu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar u azzjoni żgħira fuq il-kwistjonijiet iż-żgħar. Sabiex intemmu x-xogħol li bdejna, qed nistabbilixxi Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità, li tagħti ħarsa kritika ħafna lejn l-oqsma kollha ta' politika sabiex jiġi żgurat li aħna nkunu qegħdin naġixxu biss fejn l-UE tagħti valur miżjud.

It-Task Forse se tibda l-ħidma tagħha fl-1 ta' Jannar 2018 u se tkun ippreseduta minn Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Se tkun magħmula minn disa' membri addizzjonali, bi tliet membri mill-Parlamenti nazzjonali, tlieta mill-Parlament Ewropew u tlieta mill-Kumitat tar-Reġjuni. F'ittri mibgħuta llum, il-President Juncker stieden lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) u tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jaħtru Membri mill-istituzzjonijiet tagħhom għal fuq it-Task Force.

Fl-Indirizz tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017, il-President Juncker ippreżenta l-viżjoni tiegħu dwar il-futur tal-Ewropea, abbażi ta' dibattitu mniedi bil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropea sal-2025. Wieħed mix-Xenarji ppreżentati – ir-Raba' wieħed – kien “Nagħmlu anqas iżda b'mod aktar effiċjenti” li taħtu l-Unjoni Ewropea għandha tħaffef il-pass tal-ħidma tagħha f'ċerti oqsma filwaqt li ma taġixxix, jew taġixxi anqas, f'oqsma fejn ikun hemm il-perċezzjoni li jkollha valur miżjud aktar limitat jew meta ma tkunx tista' twettaq dak li tkun wegħdet. Il-ħidma tat-Task Force se tkun ta' kontribut għall-evoluzzjoni ulterjuri tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni għal Unjoni aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika. Il-Pjan Direzzjonali se jitlesta fi żmien biżżejjed qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew waqt laqgħa tal-Mexxejja f'Sibiu (ir-Rumanija), fid-9 ta' Mejju 2019.

 

Kuntest

Il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker, ippreżentati fil-15 ta' Lulju 2014 rabtu lill-Kummissjoni li tiffoka fuq 10 oqsma ta' prijorità li sawru l-ħidma tal-Kummissjoni għal dawn l-aħjar tliet snin u żguraw li kemm jista' jkun ħidma tibqa' f'idejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa dan il-kunċett fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tal-1 ta' Marzu 2017, li ppreżentat ħames xenarji, inkluż wieħed imsejjaħ “Isir anqas b'aktar effiċjenza”.

Il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu l-għan li jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin u li l-UE ma teħux azzjoni sakemm din ma tkunx aktar effettiva minn azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Il-prinċipju tal-proporzonalità jillimita l-eżerċizzju tal-poteri tal-UE għal dak li hu neċessarju għall-kisba tal-objettivi tat-Trattati. Bħala eżempju tal-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji taħt din il-Kummissjoni, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat diġà ġie fil-biċċa l-kbira delegat mill-ġdid lejn l-awtoritajiet nazzjonali, u 90% tal-miżuri kollha ta' għajnuna mill-Istat issa jinsabu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

Għal aktar tagħrif

Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u biex “Nagħmlu anqas b'aktar effiċjenza”

Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

Linji gwida politiċi tal-President Juncker

IP/17/4621

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar